Lectio Divina tal-Ħdax-il Ħadd matul is-Sena “A”

Illum issib ħafna li xebgħu jisimgħu fuq il-problemi li hawn fid-dinja.  Issibhom ifittxu x’imkien jew xi ġenju li se jbiddel l-ekonomija, il-politika u t-teknoloġija u jsolvi kollox.  Imma aħna l-Insara nafu li dan “il-ġenju” ġa ġie.  Li  rridu nsaqsu hu: Kemm minna l-Insara jemmnu li nistgħu nsolvu l-problemi kollha tagħna meta kulħadd jobdi l-Vanġelu ta’ Kristu?

  1. Mattew jgħidilna li wara li Ġesu` spjega l-beatitudni,  niżel mill-muntanja u sab umanita’ marida fil-ġisem u fir-ruħ.cc X’jagħmel Ġesu` insibuh fiż-żewġ kapitli li jmiss, fejn naraw li kull fejn jersaq Ġesu` bil-kelma tiegħu li tfejjaq, terġa’ tirrenja umanita’ ġenwina biex tieħu post id-diżumanita’ li tkun ħakmet ħafna nies.  Il-mard tal-ġisem hu simbolu tal-mard tar-ruħ.  Per eżempju, (i) il-lebbra ttebba’ l-ġilda u tkerrah il-bniedem.  Dan simbolu tad-dnub tal-vjolenza, qerq u korruzzjoni.   Aħna naħarbu minn nies koroh bħal dawn;  (ii) il-paralitiku hu simbolu ta’ min ma jafx jimxi sew u jkollu jmur fejn imexxuh l-oħrajn. Ġesu` lil dan jerġa’ jqajmu fuq saqajh u jurih it-triq it-tajba lejn ħajja li hi ta’ min jgħixha; (iii) l-għama hu simbolu ta’ min ma jafx liema triq se jieħu u ta’ spiss jieħu triq b’oħra.  Il-Vanġelu jiftaħ għajnejn l-għomja u jurihom x’għażliet għandhom jagħmlu; (iv) il-kilba għall-flus hija aktarx l-aktar marda diffiċli biex tfejjaq.  Mattew għadda minna dil-ħaġa meta kien jiġbor it-taxxi.  “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra….”
  2. “Il-ħsad huwa kbir…” Ġesu` jgħid lid-dixxipli x’qed jara quddiemu: merħla bla ragħaj u bla direzzjoni għax traskurata mill-awtoritajiet ċivili u reliġjuża.  Meta Eżekjel jilmenta kemm rejiet ta’ Israel ħakmu ħażin, iħabbar li Alla se jiġi hu stess biex jirgħa l-poplu tiegħu – wegħda li seħħet f’Ġesu` Kristu, li wriena li Alla mhu qatt ‘il bogħod minna.   Anzi jħoss għalina dak li tħoss omm għal binha fil-ġuf.  Jekk Nisrani ma jħossx dan is-sentiment għall-proxxmu, se jkun diffiċli għalih biex ikun dixxiplu.  Għax Ġesu` għażel li f’din l-opra ta’ salvazzjoni jiġi bżonn għadd ta’ bnedmin bħala kollaboraturi.  Mela tajjeb li llum insaqsi lili nnifsi: x’inħoss jien meta nara tant  nies li jqiegħdu t-tama tagħhom f’affarijiet fiergħa, jfittxu ferħ artifiċjali, u jibnu l-futur tagħhom fuq valuri bla siwi?  Inħossu għal dan kollu kif ħass Ġesu`, dik il-kompassjoni biex ngħidulha hekk “vixxerali”?
  3. “…imma l-ħaddiema huma ftit.”  Veru li Ġesu` għadu jsejjaħ saċerdoti, patrijiet u sorijiet.  Dawn huma essenzjali għall-Knisja.  Imma jsejjaħ ukoll kull Nisrani biex ikun dixxiplu tajjeb.  “Il-ħsad huwa kbir.”  Mela l-qamħ lest biex jinqata’.  B’dan Ġesu jrid ifisser li d-dinja hija lesta biex tilqa’ l-kelma tiegħu.  Anzi n-nies huma bil-ġuħ u bil-għatx għalha.  Mela llum Ġesu` qed jistieden lilna lkoll biex immorru nwasslu din il-kelma ta’ fejda lil ħutna, hi x’inhi l-vokazzjoni tagħna.  Hawn min jaqta’ qalbu għax jgħid, “In-nies tal-lum ma jridux jafu bi Knisja, Sagramenti u tagħlim reliġjuż.”  Imma kif nafu, dan kien hekk sa mill-ewwel jum tal-Pentekoste.  Dan ma qatgħax qalb l-Appostli.  Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu il-Knisja ta’ Kristu bdiet dak in-nhar bi ftit eluf, biex illum hawn miljuni ta’ Nsara.

Il-haddiema huma ftit għax mhux ħafna Nsara jħossu għall-proxxmu kollu dak it-tnehid u tqanqil ġenwin li ħass Ġesu` għall-merħla li kienet tidher bla ragħaj.  Għalhekk Ġesu` jkompli, “Itolbu, mela, lil Sid il-ħsad…”  Hawn min forsi jgħid, “Mela l-Missier ma jafx x’hemm bżonn?  Hemm għalfejn ngħidulu aħna x’għandu jagħmel?”  Min jgħid hekk għadu ma fehemx sew x’jiġifieri titlob.  “Titlob” f’dan il-każ ma jfissirx Rużarji, kurunelli jew talb ieħor li nsibu lest f’xi ktieb jew wara xi santa.   Imma jfisser li jien nagħmel sforz biex nidħol f’sintonija mal-ħsibijiet t’Alla li se jgħinni biex ninterjorizza (i.e. nagħmilhom tiegħi) l-imħabba mqanqla u bla tarf  li l-Missier għandu għal kull bniedem.  Permezz ta’ dan id-djalogu jien se niskopri kemm hu sabiħ u ġust dan il-proġett ta’ mħabba.  B’hekk l-Ispirtu se jispirani x’għandi nagħmel jien, u jħajjarni biex, inkun fejn inkun, se nagħti daqqa t’id biex inxerred l-Aħbar Tajba.  Jekk aktar Insara jitolbu b’dan il-mod, il-ħaddiema għall-ħsad se jiżdiedu sew.  (Hawn ta’ min jinnota li jekk aktar żgħażagħ jitolbu b’dan il-mod, żgur li jkollna aktar vokazzjonijiet) .

  • “ Tahom is-seta’ fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard.”   Hekk kif Ġesu` f’ħajtu fuq din l-art keċċa  x-xjaten u fejjaq il-morda, hekk issa jixtieq li d-dixxipli jkomplu jagħmlu bħalu.  X’inhuma dawn ix-xjaten li jtellfu l-ferħ lill-bniedem?  Huma l-għira, l-mibegħda, il-kilba għall-flus u l-poter, u kull forma oħra ta’ għemil fejn inqis lill-proxxmu bħala għadu u mhux bħala ħija.  Noqogħdu attenti għax dawn jinsabu f’kull wieħed u waħda minna, inkluż jien.  Rigward il-fejqan tal-mard, Ġesu` mhux qed jistenna minna d-dixxipli tal-lum li dejjem nagħmlu l-mirakli, għalkemm fejqan mirakoluż għadu jsir xi kull tant għal xi skop partikulari, bħal meta jsir bl-interċessjoni ta’ xi bejatu biex ikun jista’ jiġi kanonizzat.  Imma fil-ħajja ta’ kuljum, għandna nfittxu biex innaqqsu t-tbatija tal-mard bħal meta, per eżempju, tgħin xi morda fl-art tal-missjoni biex jixtru l-mediċini għax ma jkollhomx mezzi.  Imbagħad hemm mard ieħor fejn nies qed isofru mħabba nuqqas ta’ liberta’, inġustizzji, korruzzjoni u vjolenza.  Id-dixxiplu hawn irid jikkonvinċi ruħu li l-Kelma t’Alla hija aqwa minn dan kollu.  Għalhekk irid jintroduċiha kemm jiflaħ u fejn jista’.
  • “L-ismijiet tat-tnax-il-Appostlu…..”  Jissemmew tnax mhux biex jieħdu post it-tnax-il

tribu’ ta’ Israel imma biex juru li huma ulied Israel, il-poplu magħżul t’Alla. Mattew isemmihom tnejn tnejn, għax din il-missjoni se sseħħ permezz ta’ komunita’ mhux minn persuni individwali.  Anki meta dixxiplu jxandar il-Kelma waħdu, jiħtieġ li jħossu parti minn komunita’, u dejjem għandu jinterpreta l-Kelma skont it-tagħlim tal-Knisja.  Ġesu` għażel bħala appostli nies komuni, ħaddiema, midinba, normali bħalna.  Ma kienx hemm skribi jew rabbini fosthom.  Kellhom il-limiti tagħhom. 

  • “Morru fittxu n-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’  Israel.”  Dan biex il-barkiet u s-salvazzjoni li Alla wiegħed lil Abraham jaslu għand il-bnedmin kollha permezz tal-Lhud ikkonvertiti.
  • “B’xejn ħadtu, b’xejn għatu, għax jekk xi ħadd jissuspetta li qed tippridkaw għal xi qliegħ jew unur,   il-messaġġ tagħkom jitlef l-kredibilita’”.       

(sors:  lachiesa.it/liturgia/commentoalvangelo/padre fernando armellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading