Ġwanni u l-familji tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Festa ta’ San Ġwann il-Battista. Rotunda arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista, Xewkija.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-festa-san-gwann-battista-xewkija-il-hadd-25-ta-gunju-2023?si=b36750f044514efdb1341a908df1990a&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Għadna kemm smajna l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista (Lq 1:57-66). Xħin toqgħod tirrifletti ftit, tinduna li hija ġrajja ta’ familja, setgħet kienet il-ġrajja ta’ familja minn tagħna. Jekk innutajtu, il-Vanġelu hu magħġun b’nota ta’ ferħ: il-ferħ il-ħin kollu tiela’ fil-Vanġelu li smajna. U l-mistoqsija dalgħodu hi: imma tgħid dan il-ferħ jinsab fil-familji tagħna? Għandna dritt għal dan il-ferħ. X’kellha differenti l-familja ta’ Ġwanni mill-familja tagħna? Jew aħjar, kif nistgħu nkunu aħna, biex anki fil-familja tagħna jkollna l-ferħ li tant nixtiequ?

Erbgħa punti sempliċi u fil-qosor: F’din il-familja twieldet tarbija mistennija, jew forsi li ma kinitx mistennija, u ġiet milqugħa bħala don, bħala rigal. F’din il-familja, bħal fil-familji tagħna, ippruvaw jagħtu isem lit-tarbija li twieldet. In-nies tal-madwar stagħġbu meta raw din it-tarbija, dan ir-rigal, u qalu: “X’għad ikun dan it-tifel?” (v. 66). Dan it-tifel kiber u ħareġ, telaq mill-familja u mar fid-deżert.

Milqugħ bħala don

Kieku jkollna nieqfu nirriflettu ftit, nindunaw illi ħadd minna ma għamel lilu nnifsu. Ħadd minna ma jħossu maħbub sempliċement għax iħobb lilu nnifsu. Ilkoll kemm aħna ġejna milqugħa, xi ħadd laqagħna fil-ħajja. Ilkoll kemm aħna ġejna aċċettati u maħbubin, b’mod partikulari mill-figuri tal-omm u l-missier, jew min kien hemm flokhom.

Ilkoll kemm aħna rigal, don ta’ Alla. Ġwanni l-Battista kien mixtieq ħafna, imma spiċċa tant mixtieq li għadda ż-żmien u ma baqax mistenni. Saħansitra Żakkarija ma jemminx li Alla jista’ jagħti rigal ta’ ħajja lil din il-familja. Jgħallimna dan it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista li kull twelid, jiġi kif jiġi, huwa rigal. Dan ifisser li jien, int, kull wieħed u kull waħda minna, aħna don. Rigal hu xi ħaġa sabiħa: rigal ma jingħatax, ma jiġix bilfors, imma tagħtih bħala sinjal ta’ mħabba. U jekk aħna ħajjin, jekk aħna ngħixu, jekk aħna rigal, għax aħna maħbubin bħal Ġwanni l-Battista. U allura għamilna sew bħala poplu illi għażilna li niddefendu l-ħajja. Hija xi ħaġa sabiħa li kważi kważi qed ngħidu illi l-ħajja ta’ kulħadd għandha l-istess dinjità, għandha l-istess valur.

Kemm kien sabiħ ir-ritornell tas-Salm li għadna kif kantajna: “Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni” (Salm 139:14)! Forsi m’iniex dritt kemm nixtieq, forsi m’iniex irqiq kemm nixtieq, forsi lanqas jien twil kemm nixtieq… imma “nroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni… Fil-ġuf ta’ ommi nsiġtni” (v. 13). Kemm huma qawwija dawn il-frażijiet! Alla tagħna hu ommna aktar minn ommna. “Fil-ġuf ta’ ommi int insiġtni, sa minn ġuf ommi int sejjaħtli”. Aħna rigal! U x’jiġri meta ma nqisux ruħna bħala rigal? X’jiġri meta nqisu lil uliedna bħala proprjetà, bħala xi ħaġa tagħna? Kemm nagħmlulhom ħsara! Kemm inkunu qegħdin bil-mod il-mod nippreparaw għad-dwejjaq tagħhom u tagħna!

Kif tqis lil ibnek jew ’il bintek proprjetà? Meta int l-ewwel u qabel kollox tqis il-bżonnijiet tiegħek u mhux il-bżonnijiet tat-tarbija, jew tat-tifel jew tifla tiegħek. Tqis il-bżonnijiet tiegħek, u ħajjet it-tarbija tiegħek trid tispiċċa ddur mal-ħajja tiegħek, flok bil-maqlub, ħajtek iddur ma’ tagħha jew ma’ tiegħu. U dan għax nirraġuna li dak oġġett ġibtu għax ridt jien. Kważi kważi għażiltu jien jekk hux tifel jew tifla. Proprjetà tiegħi, ikollu joqgħod kif inpoġġih. Jekk ma joqgħodx kif inpoġġih, inħallih waħdu, nitlaq. Jekk ma jagħmilx dak li rrid jien, nirrabja miegħu. Jekk ma jistmanix kif nixtieq jien, ma nħallilu xejn fil-wirt. Għax proprjetà tiegħi!

X’differenza meta nqis il-ħajja ta’ ibni jew ta’ binti bħala don! Kien hemm xi ħadd li sabha bi tqila biex iqisu bħala don lil Ġwanni l-Battista. Żakkarija għalaq widnejh biex ma jismax u fommu biex ma jitkellemx. Żgur li beża’ mill-bidla u sabha bi tqila biex jilqa’ r-rigal: ‘X’ġej fl-anzjanità tagħna! Ġejja tarbija. Diffiċli ħafna nemmen li lili Alla se jagħtini rigal. Diffiċli nemmen li jien se nirċievi don, wara li ilni nitlob daqshekk. Ma bqajtx nemmen li Alla se tiġih ħniena minni’.

Żakkarija, ta’ saċerdot tajjeb li kien, mit-Testment il-Qadim kien tgħallem illi Alla jpattilek talli tagħmel, Alla jagħtik skont kemm int ġust u tajjeb. Mhux se jagħtik b’xejn, b’rigal, imma jħallsek. Allura ma setax jifhimha Żakkarija li Alla se jagħtih xi ħaġa b’rigal. It-Testment il-Qadim mibni fuq il-ħlas, mibni fuq il-kuntratti. Alla jagħtik skont kemm tħobb. Dan kontra t-Testment il-Ġdid, fejn Alla jagħtik mhux skont kemm tħobb, imma għax iħobbok, anki jekk ma tħobbux lura.

Kemm ngħixuha fil-familji tagħna din ir-realtà! X’differenza tagħmel meta l-ħajja tagħna ngħixuha bħala rigal, bid-diffikultajiet u l-problemi kollha li għandna. Kemm nonqsu mit-tgergir u mill-qrid, kemm induru lejn Alla u nirringrazzjawh, kemm inqisu lil xulxin bħala aħwa ta’ xulxin u mhux kompetituri ta’ xulxin, meta nqisu ħajjitna u l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna bħala don, bħala rigal mogħti minn Alla!

L-isem

Ħafna drabi aħna nagħtu isem lit-tarbija tagħna. Hekk ippruvat tagħmel Eliżabetta, il-qraba, il-ħbieb ta’ Żakkarja. Nagħtuh l-isem ta’ xi ħadd fil-familja, nagħtuh l-isem bi pjan.

Aħna meta nagħtu isem, mingħajr ma nafu, forsi lit-tarbija tagħna nafu nagħmlulha pjan. Nagħtiha l-isem tal-plejer tal-futbol tat-tim li jogħġobni, ta’ attriċi li lili laqtitni dejjem f’ħajti, l-isem ta’ kantant. Mal-isem inti mingħajr ma tinduna qed tagħti programm. U forsi mingħajr ma tinduna, int mal-isem tkun qiegħed tagħmel ukoll pretensjonijiet fuq it-tarbija tiegħek, aspettattivi, stennijiet. Min minna m’għandux aspettattivi, ngħidu aħna, li t-tfal tagħna jimxu ’l quddiem fl-iskola, fis-soċjetà li qed ngħixu llum, orjentata kollha kemm hi għall-intellettwaliżmu! U ħażin għalih dak it-tifel, miskina dik it-tifla, jekk jinzertaw jiġu fil-familja tiegħi u ma jkunux kif nixtiquhom aħna.

Irriflettu naqra: dak it-tifel għadu don jew qed isir proprjetà? U meta jsir proprjetà, nitlef il-boxxla, ma nibqax nara. Ir-relazzjoni tiegħi ma’ ibni ma tibqax ta’ mħabba, imma ssir ta’ kuntratti, ta’ negozju. Nippretendi mingħandu, tant li kultant negħjieh, tant li kultant inġiegħlu jħossu mhux maħbub, mhux milqugħ, mhux rigal, mhux don. Imbagħad ippattihieli aktar ’il quddiem; għax l-antiki kienu jgħidu li l-ilma minn fejn għadda darba, jerġa’ jgħaddi!

Żakkarija ma jagħtihx l-isem tal-familja. Eliżabetta ma tagħtihx l-isem tal-familja. Imma jagħtuh isem ieħor. Jagħtuh l-isem ta’ Johanan, Ġwanni: Alla jagħti don, jagħti grazzja, Alla jħobb b’xejn. Dan it-tifel huwa rċevuta miktuba fid-demm u l-laħam tal-imħabba ta’ Alla b’xejn għalina. Dan hu l-isem veru tagħna, l-isem veru li kull wieħed u kull waħda minna, mingħajr ma nindunaw, infittxu fil-ħajja tagħna. Meta int tfittex li tkun kuntent f’ħajtek, meta int tfittex li jkollok relazzjonijiet tajbin mal-oħrajn, meta tfittex li taċċetta lilek innifsek u li tkun sew fil-paċi miegħek innifsek, meta tfittex illi tkun sew ma’ Alla u li Alla jħobbok, li tkun irrikonċiljat miegħu, tkun qiegħed tfittex ħaġa waħda, tkun qiegħed tistenna ħaġa waħda: li jqisuk bħala don.

Allura meta nagħtu l-ismijiet lit-tfal tagħna, meta nagħmlu pretensjonijiet, proġetti, pjanijiet fuq it-tfal tagħna, noqogħdu attenti, għax jista’ jkun li dak il-pjan li qiegħed nagħmel ifixkel lil ibni jew lil binti milli jħossu lilhom infushom Johannan, rigal ta’ Alla.

Jistagħġbu bih

In-nies jistgħaġbu. Qalu: “X’għad ikun dan it-tifel?”. Kemm hi profonda dik il-mistoqsija: X’għad ikun dak it-tifel? Il-Papa m’ilux ħareġ ittra f’għeluq l-400 sena mit-twelid ta’ filosfu Franċiż kbir, Blaise Pascal. U dan Blaise Pascal ta definizzjoni tal-bniedem, sabiħa, tal-ġenn. Qal li l-bniedem hu “kobor u miżerja”. Kemm hi sabiħa meta jien inħares f’għajnejn ibni jew f’għajnejn binti u nkun konxju li jien ma nafx kollox fuqhom! Inkun konxju li jien ma nafx x’se jkun il-futur tagħhom, illi dak li għandi quddiemi huwa wisq ikbar minni, wisq ikbar mill-pjanijiet tiegħi, wisq ikbar minn dak li nista’ naħseb jien fuqhom! Kemm hi xi ħaġa sabiħa li jien ma naqfilhomx lil uliedi, ma nsakkarhomx lil uliedi fl-idea li jiena għandi tagħhom, fil-mod ta’ kif jien nixtieqhom jew irridhom.

X’għad ikun dan it-tifel? Ma ninsewx li din l-espressjoni qalitha Marija meta kienet tfittex lil Ġesù fit-Tempju. Meta qalilhom: “Ma tafux li għandi nkun fid-dar ta’ missieri?” (Lq 2:49), San Luqa jkompli: “Iżda huma ma fehmuhx” (v. 50). Marija u Ġużeppi kellhom l-umiltà li jgħidu: ‘Aħna lil dan ma nifhmuhx’.

Aħna kultant mirkubin mill-kilba għall-kontroll, irridu nikkontrollaw bilfors lit-tifel u lit-tifla tagħna. Nippretendu li aħna fhimna kollox fuqu jew fuqha. U meta naqtgħu qalbna, nirtiraw, nerħu l-ankri, nitilquh waħdu. Iż-żewġ estremi huma ħżiena. Li int tkun hemm, preżenti, tosserva l-misteru li qiegħed jiżvolġi u jinfetaħ, dik il-warda li bil-mod il-mod qed tikber u tiftaħ quddiemek… dan hu l-isbaħ mod ta’ kif aħna nkunu ġenituri: nosservaw il-kobor, is-sbuħija tal-miraklu u l-misteru. Din il-viżjoni sabiħa, pożittiva, mhix viżjoni ta’ dubju u suspetti fuq dak it-tifel: ‘Dan meta jikber għal ġol-ħajt! Int meta tikber ħadd mhu se jiġbrok! Int meta tikber ma ssibx xogħol!’… kollha viżjonijiet negattivi li aħna nitfgħu fuq uliedna. Ir-rispett lejn id-don, lejn il-misteru u l-miraklu, ipoġġina f’pożizzjoni ta’ osservazzjoni, mill-bogħod jekk hemm bżonn, mill-qrib jekk hemm bżonn, ta’ sostenn, ta’ sapport lil dawn uliedna. “X’għad ikun dan it-tifel?”.

Ħareġ mid-dar

Ġwanni mar fid-deżert, kien għadu żgħir. Il-kapaċità ta’ Żakkarija u Eliżabetta li jħallu lil binhom jew lil binthom imorru, jitilqu. Ma ninsewx li dawn kienu anzjani meta kellhom lil dan it-tifel. Wisq probabbli ma tantx gawdewh, jekk ta’ tifel żgħir diġà telaq u mar fid-deżert.

Imma l-intelliġenza tal-ġenituri titlob il-kapaċità li nħallu lil uliedna jmorru u jaqbdu t-triq tagħhom. Kemm drabi t-triq tagħhom tkun differenti mit-triq li nkunu ppjanajna jew xtaqna għalihom! Kemm għandna bżonn verament nitgħallmu nżommu l-brejkijiet bħall-missier taż-żewġ ulied tal-parabbola (Lq 15:11-32), u lil dak it-tifel li ried imur, jagħmel anki esperjenzi li l-missier kien jaf li huma ta’ ħsara, għax kellu l-età tiegħu, għax kien kbir, qallu: ‘Mur’! Bħalma meta jkunu żgħar hemm bżonn li kull wieħed u kull waħda minna l-ġenituri ngħidulhom: ‘Hawn jien, qiegħed hawn għal meta tiġi bżonni’, meta jikbru l-kelma ‘hawn jien’ trid tinbidel fil-kelma ‘mur, itlaq’.

L-istorja ta’ din il-familja tista’ tkun l-istorja tagħna. Ġwanni l-Battista, Johanan, għadu ħaj, huwa reali, mhux tant fl-istorja ta’ elfejn sena ilu, imma fil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom aħna lkoll.

Leave a Reply

%d bloggers like this: