L-Ispirtu jgħinna negħlbu l-biża’

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-12-il Ħadd tas-Sena. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Għal tliet darbiet fl-Evanġelju llum, Ġesù jgħid lill-appostli tiegħu “la tibżgħux!” U kellu raġun jgħidilhom biex ma jibżgħux, għax aħna nafu li aktar ’il quddiem, meta għadda mill-passjoni u l-mewt tiegħu, l-appostli beżgħu ħafna, u mhux biss beżgħu iżda ħarbu u ħallewh waħdu – kollha sparixxew ħlief wieħed.

Kien biss aktar ’il quddiem, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li huma għelbu l-biża’ u ħarġu biex ixandru l-Bxara t-Tajba, u jagħmlu dak li Ġesù jgħidilhom fl-Evanġelju llum: “Dak li jien ngħidilkom fid-dlam, għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom, xandruh minn fuq il-bjut” (Mt 10:27).

Qalb il-baħar imqalleb tal-ħajja

L-appostli fehmu li, li kien għalihom biss, kienu jibqgħu makumin mill-biża’. Imma għax kellhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għelbu l-biża’ u ħarġu jxandru lil Ġesù bil-kuraġġ kollu. Ma jfissirx li aktar ’il quddiem, fil-ħajja tagħhom, ma kellhomx ukoll mumenti ta’ biża’; huma kienu fehmu li l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu ma tfissirx li qatt ma kienu se jibżgħu, jew li kollox se jimxi ħarir, imma kienet tfisser li huma għandhom il-qawwa biex, fil-mumenti ta’ biża’, il-biża’ ma jkaxkarhomx magħha. Bħal dgħajsa li tkun f’baħar imqalleb, u tibqa’ taqdef ’il quddiem minkejja l-baħar imqalleb. Ġesù qatt ma wiegħed li ma jkollniex baħar imqalleb fil-ħajja, imma tana l-grazzja biex nimxu ’l quddiem ukoll qalb il-baħar imqalleb tal-ħajja.

Dak li qal Ġesù lill-appostli tiegħu nafu li hu l-messaġġ li jgħid dejjem il-Mulej fl-Iskrittura. Kull meta l-Mulej isejjaħ lil xi ħadd u jagħtih missjoni, l-ewwel kelma hi dejjem “la tibżax”. Hekk kien fil-każ ta’ Marija nnifisha fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej: “Tibżax, Marija…”      (Lq 1:30). Hekk jagħmel magħna wkoll illum.

Hemm ħafna li jista’ jbeżżagħna

Dan għaliex fil-ħajja tagħna, hemm ħafna x’jista’ jbeżżagħna. Nibżgħu, kultant, meta nħarsu lejn il-futur. Il-ġenituri kemm-il darba jħossuhom preokkupati u mbeżżgħa dwar il-futur ta’ wliedhom huma u jikbru, u ġieli qalbhom ittaqtaq x’se jsir minnhom ’il quddiem. Nibżgħu fuq dak li ma nafux fil-ħajja, imma kultant anke minħabba dak li nafu. Ġieli jiġrilna wkoll li nibżgħu minn dawk ta’ madwarna jew li niltaqgħu magħhom – nibżgħu nuru li aħna nemmnu tassew f’ Ġesù u li huwa hu li jmexxina f’ħajjitna.

Għalhekk illum qed nitolbu lill-Mulej, permezz ta’ din il-quddiesa, biex lilna jagħtina l-qawwa li ta lil dawn l-appostli. Bħalma l-Ispirtu ta’ Alla għen lilhom biex jegħlbu l-biża’, hekk ukoll lilna. Fil-mumenti li nibdew nibżgħu u li nkunu ħa ninħakmu b’ħafna ħsibijiet ta’ ansjetà, ikollna dik il-qawwa u l-għajnuna li tiġi minnu.

Il-Mulej jieħu ħsiebna

Fl-Evanġelju llum, hu jurina x’għandna nagħmlu biex ikollna din l-għajnuna. L-ewwel nett, li niftakru li Alla hu magħna, li jieħu ħsiebna, li jħarisna. Ġesù jġib l-eżempju tal-għasafar tal-bejt. Hu jgħid lill-appostli: il-Mulej lil dawn jieħu ħsiebhom, aħseb u ara kemm jieħu ħsieb lilkom. “Intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt” (Mt 10:31). Hija din iċ-ċertezza li l-Mulej huwa magħna, li jieħu ħsiebna, li jħarisna, li tgħinna biex nimxu ’l quddiem u tgħinna negħlbu l-biża’. Jekk inwarrbu lilu, jekk ninjorawh, jekk hu ma jidħolx fil-ħajja tagħna, imbagħad issir ħafna aktar diffiċli għalina li negħlbu l-biżgħat ta’ ħajjitna u ma ninħakmux minnhom.

Il-Mulej jurina wkoll kemm hi importanti s-sinċerità tal-qalb. Aħna nafu li Alla ma jimpressjonax ruħu minn dak li jidher minn barra, imma jagħraf il-qalb. Għalhekk jitlob minna s-sinċerità tal-qalb, u li aħna verament inkunu rridu lilu jmexxi l-ħajja tagħna.

Nistqarruh bla biża’

Jitlob minna wkoll li aħna ma nibżgħux inkunu xhieda tiegħu. Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32). Hu bl-għajnuna tiegħu li aħna ma nibżgħux nagħtu xhieda tal-fidi tagħna. Din kienet l-esperjenza tal-ewwel Insara wkoll. Għaddew minn tant diffikultajiet u problemi, imma ma beżgħux jistqarru li jemmnu.

Din hi l-istedina li jagħmel lilna wkoll illum. Kultant jista’ jiġrilna li aħna, minħabba l-oħrajn madwarna, nistħu nuru li aħna Nsara, nibżgħu nuru li nemmnu. Qisha xi ħaġa tal-imgħoddi, jew li mhjiex rilevanti għal żminijietna. Il-Mulej jgħinna biex aħna ma nibżgħux nagħtu xhieda tiegħu, u b’dan il-mod inkunu qegħdin negħlbu l-biża’ mill-oħrajn, il-biża’ li nistqarru dak li nemmnu.

Nitolbu lill-Mulej illum biex jagħtina dejjem il-qawwa tiegħu ħalli jgħinna negħlbu l-biża’ – biex f’ħajjitna qatt ma nitkaxkru mill-biżgħat imma nifhmu li hu dejjem magħna biex jgħinna nimxu ’l quddiem b’kuraġġ u b’qawwa.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: