Don li jitlob fiduċja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Ġunju 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa bir-Rit tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-tberik-tat-tarbija-fil-guf-ta-pinu-il-hadd-25-ta-gunju-2023?si=e5e8c81018da4258a4297de6e117ed4f&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Ikollkom biżgħat fit-tqala jew le? Tgħiduli: x’int tagħmilha tagħmel din il-mistoqsija? Taf għax qed nagħmilha, għax il-Vanġelu (Mt 10:26-33) jitkellem fuq il-biżgħat.

Kulħadd għandu l-biżgħat tiegħu. Imma naf li intom ikollkom il-biżgħat tagħkom. Qatt ma għoddejthom, imma jgħidu li fil-Bibbja hemm 365 darba l-kelma “la tibżax”, waħda għal kuljum. Jien naħseb li għandna bżonn 356 la tibżax kuljum u mhux waħda għal kuljum, għax naħseb li l-biża’ jaħkimna spiss… lili l-ewwel wieħed! Ħadd mhu meħlus mill-biża’. Imma l-psikologi jgħidu li minn għaxar biżgħat li jkollna, waħda biss tkun possibbli, għal waħda biss ikollna raġuni għalfejn nibżgħu. Din diġà tagħmlilna ħafna kuraġġ: disa’ darbiet nibżgħu għalxejn.

Imma ħa mmorru fuq dik id-darba li nibżgħu. Kristu jagħmlilna stedina: jisfidana ta’ veru. L-Appostli kellhom għaliex jibżgħu. Kienu jmorru jipprietkaw, jitkellmu fuqu u jispiċċaw ħażin: jew iħaġġruhom, jew jgħajruhom u jkeċċuhom u jiġru warajhom. Kristu jgħidilhom: “Tibżgħux”. Ġesù qed jisfidana llejla, u b’mod speċjali lilkom li qegħdin f’din l-esperjenza sabiħa imma fl-istess ħin delikata. Huwa qed jisfidana biex nafdaw fih anki meta jkollna għalxiex nibżgħu. Jien nemmen li intom qegħdin hawn għax tafdaw ħafna fih.

Nixtieq ngħidilkom żewġ affarijiet. Tinsewx li ġo fikom intom qegħdin iġġorru tarbija, imma li hi rigal, don. Tinsew qatt li dak li għandkom ġo fikom huwa rigal, mhux proprjetà. Intom tafu li huwa rigal, għax kieku huwa proprjetà kieku tagħmel kull mod – għax ikun jiddependi minnek u tkun tista’ tikkontrolla – li tiġi kif trid int il-ħaġa, li tiġi preċiż kif tixtieqha int. Imma mhix proprjetà, iżda rigal, don.

Issa, għall-grazzja ta’ Alla, donnu tbiegħed xi ftit il-biża’ tal-abort minn pajjiżna, almenu għalissa. Imma min irid l-abort, għax iqis it-tarbija bħala proprjetà, mhux bħala don, mhux bħala persuna għaliha. Dik tiegħek, imma mhix tiegħek! Tant mhix tiegħek li int ma tistax tagħmel li trid biha, lanqas bħalissa. Ma tistax tneħħi l-preokkupazzjonijiet fuqha. Kieku tiegħek, tneħħihom għax tkun tista’ tikkontrolla u tiddetermina int. Imma mhix tiegħek.

Jien nemmen li għan-nisa hija aktar faċli li jemmnu minna l-irġiel. Aktar faċli għalikom biex tagħmlu l-mixja tal-fidi. Għalina l-irġiel huwa anqas faċli. B’din l-esperjenza li qed tagħmlu, li qed iġġorru fikom tarbija li hija tagħkom imma mhix tagħkom, qegħdin qrib ħafna u tmissu ħafna ma’ Alla. Alla qiegħed jinqeda bik biex joħloq ħajja ġdida. Tgħiduli, bir-raġel mhux ukoll? Bir-raġel ukoll, imma r-raġel ftit minuti, biex ma ngħidx sekondi, imbagħad irid josserva minn barra dak li qed jiġri. Mhux bħall-omm li tgħix kollox minn ġewwa, minnha nfisha.

Ħa ngħidilkom, lilkom ommijiet, sentenza li smajt u għoġbitni. Alla fil-każ tagħkom hu ‘omm’ it-tarbija tagħkom magħkom u aktar minnkom. Dan għax hu qiegħed jinsiġha ġol-ġuf tagħkom. Hu qiegħed jgħinha bil-mod il-mod tikber, tiżviluppa biex jasal il-mument, jekk Alla jrid, li tkun tista’ toħroġ mill-ġuf tagħkom u tgħix. Tkun ħajja oħra sabiħa, warda oħra sabiħa fl-art. Allura, Alla qed jaħdem miegħek, id f’id miegħek, bħalissa f’dan iż-żmien, biex issir din ix-xi ħaġa kbira u sabiħa. Kemm hija esperjenza sabiħa u kbira din! Inħeġġiġkom biex ma tinsewhiex. Din aħna l-irġiel ma nxommuhiex! Tidħkux bija, imma jien, jekk ngħir ftit għan-nisa, għax ngħid li dik esperjenza li aħna l-irġiel ma nistgħux nagħmluha. Naħseb li hi esperjenza tant qawwija u kbira.

Għalhekk nawguralkom minn qalbi li l-ewwel nett kollox imur kif tixtiequ, għax naf li dik hija l-akbar preokkupazzjoni. Ser nitlob lill-Mulej magħkom biex verament jagħtikom l-għajnuna li għandkom bżonn. Imma nawguralkom ukoll li tafdawh lill-Mulej. Afdawh! Kultant jgħaddina minn ħafna ‘kummiedji’, problemi, diffikultajiet, imma ma jħalliniex waħedna. Nitlobkom, afdawh. Nawguralkom!

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading