Il-Ġimgħa ta’ qabel l-Epifanija
QARI I
Għaddejna mill-mewt għall-ħajja għax inħobbu lil ħutna.
1 Ġw 3, 11-21
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh. U għaliex qatlu? Għax għemilu kien ħażin u dak ta’ ħuh kien tajjeb. Ħuti, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom. Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta’ dejjem. B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?
Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa. Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox. Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.4.5
R/. (2a): Għajtu bil-ferħ lill-Mulej
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.
Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.
Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.
Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jum qaddis feġġ għalina:
ejjew ġnus, qimu lill-Mulej,
illum dawl kbir niżel fuq l-art.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael.
Ġw 1, 43-51
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u qallu: “Ejja warajja!” Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indrì u Pietru. Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi”. Qallu Natanjel: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”. Filippu wieġbu: “Ejja u ara”. Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih”. Natanjel staqsieh: “Kif sirt tafni?”. U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu”. Qallu Natanjel: “Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!”. Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!”. U żied jgħidlu: “Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu