Qari tas-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Joqgħod għalih waħdu u jgħammar ’il bogħod min-nies.
Lev 13, 1-2.45-46

Qari mill-Ktieb tal-Levitiku

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin.

Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: ‘Imniġġes! Imniġġes!’. Kemm idum marid ikun miżmum b’imniġġes li hu, u jgħix waħdu f’postu barra mill-kamp”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 31 (32), 1-2.5.11

R/. (7): Int kenn għalija, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.

Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja. R/.

QARI II
Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu.
1 Kor 10, 3-11,1

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Apostlu lill-Korintin

Ħuti, sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla. Tkunux ta’ tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta’ Alla. Hekk jiena nogħġob lil kulħadd f’kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex isalvaw. Ixbhu lili, bħalma jien nixbah lil Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7,16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-ġdiem marlu u ġismu ndaf.
Mk 1, 40-45

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.

U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.

Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading