QARI I
Ma jinstemax aktar leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.
Iż 65:17-21
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida.
Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi,
f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.
Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem,
minħabba f’dak li għad noħloq jien.
Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena,
il-poplu tagħha għall-ferħ.
Jien nifraħ b’Ġerusalemm
u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi.
Ma jinstemax aktar fiha
leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.
Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix ftit jiem,
lanqas xiħ li ma jimteliex bl-għomor.
Għax iż-żagħżugħ imut ta’ mitt sena,
u ta’ mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.
Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom,
iħawlu d-dwieli u jieklu frotthom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 29(30):2,4,5-6,11-12a,13b
R/. (2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Għam 5:14
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fittxu l-ġid, u mhux id-deni, jekk tridu tgħixu,
u l-Mulej ikun magħkom.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Mur, ibnek ħaj.
Ġw 4:43-54
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mis-Samarija lejn il-Galilija; għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f’pajjiżu. Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kulma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa.
U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid. Meta sama’ li mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar.
U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!”. Qallu l-uffiċjal: “Inżel Mulej, qabel ma jmutli t-tifel”. Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj”. Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq.
Huwa u nieżel, iltaqgħu miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj!”. Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: “Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni”. Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: “Ibnek jgħix”, u emmen hu u l-familja kollha tiegħu.
Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.