Qari tal-Ħamis tad-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Il-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta. Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll.
2 Tim 2, 8-15

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David, skont l-Evanġelju li ħabbart jien. Għalih jien qiegħed inbati sal-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta! Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.

Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:
Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;
jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;
jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;
jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;
għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

F’dan fakkarhom u widdibhom sewwa quddiem Alla, li ma joqogħdux jintilfu fi kwistjonijiet dwar kliem li ma jiswa għal xejn ħlief biex jagħmel il-ħsara lil min jisimgħu. Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 24 (25), 4bċ-5ab.8-9.10 u 14

R/. (4a): Triqatek, Mulej, għarrafni

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.
Mk 12, 28b-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: