Qari tal-Erbgħa tad-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Qajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja.
2 Tim 1, 1-3.6-12

Bidu tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Pawlu, bir-rieda ta’ Alla appostlu ta’ Kristu Ġesù, skont il-wegħda tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesù, lil Timotju, ibni l-għażiż: grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù Sidna. Irrodd ħajr lil Alla, li lilu nqim b’kuxjenza safja bħal missirijieti, hekk kif niftakar fik bla heda fit-talb tiegħi lejl u nhar. Minħabba f’hekk infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja; għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.

Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju. Afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skont il-pjan tiegħu stess u skont il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju, li għalih jien kont magħmul predikatur, appostlu u mgħallem.

Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati. Imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint, u naf sewwa li hu jista’ jħares it-teżor li kien fdat f’idejja, sa ma jasal dak il-Jum.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 122 (123), 1-2a.2bċd

R/. (1a): Lejk, Mulej, nerfa’ għajnejja

Lejk nerfa’ għajnejja,
int li tgħammar fis-smewwiet.
Ara, bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidhom;
hekk għajnejna lejn il-Mulej. R/.

Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;
hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,
sa ma jkollu ħniena minna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 11, 25a.26

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!
Mk 12, 18-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, resqu lejn Ġesù xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh. Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal. 1It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa fil-qawmien tal-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

Qalilhom Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: “Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb”? Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading