Il-Vitorja hija r-rebħa tal-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 7 ta’ Settembru 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Pontifikal statali f’lejlet il-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija. Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, Naxxar.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-festa nazzjonali tal-Vitorja hija festa kbira għalina l-Maltin. Niċċelebrawha għada, it-8 ta’ Settembru, il-ġurnata li mad-dinja kollha nfakkru t-twelid ta’ Ommna Marija, u proprju għax din il-ġurnata għandha rabta kbira mal-Istorja ta’ pajjiżna. Dil-ġurnata tissejjaħ il-Vitorja għax tfakkarna fit-tmiem tal-Assedju l-Kbir tal-1565 u fit-tmiem tal-Assedju fit-Tieni Gwerra Dinjija meta l-Italja rtirat mill-Gwerra tmenin sena ilu, fl-1943. Kienu rebħiet kbar għalina, imma ma kinux biss ta’ ġid għalina imma wkoll għall-Mediterran u għall-Ewropa.

Hi Vitorja għax, għalina l-Maltin, tfisser ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt. L-Istorja ta’ Malta turina li l-Maltin snin ilu ħadmu bis-sħiħ flimkien, bi tbatija kbira, biex jipproteġu l-ħajja ta’ dawk li kienu residenti f’Malta. Għalhekk hi ġurnata marbuta mill-qrib mal-għożża tal-ħajja, u dan is-sinifikat hu ikbar għax hu proprju fil-festa tat-twelid ta’ Marija, u għalhekk ta’ ħajja ġdida li rat id-dawl għax kienet milqugħa bl-imħabba. Kollox hu marbut mal-ħajja.

Għażla b’konvinzjoni

Fil-festa ta’ din is-sena, aħna lkoll għandna nagħmlu mill-ġdid għażla favur il-ħajja, għażla frott ta’ konvinzjoni u għażla konsistenti li dejjem tmexxi d-deċiżjonijiet li nagħmlu għall-ġid ta’ pajjiżna f’tant oqsma differenti.

Din l-għażla favur il-ħajja għandha tkun għażla frott ta’ konvinzjoni, mhux għażla ta’ konvenjenza li nagħmluha meta nħossu li jaqbel u ma nagħmluhiex meta ma jaqblilniex, qisu bħal qasba tixxejjer mar-riħ. Għandha tkun għażla konsistenti, li tibda mill-bidu nett tal-ħajja tal-bniedem u tkompli sat-tmiem tal-ħajja, imma wkoll f’kull waqt tagħha.

Għażla konsistenti

Xi tfisser fil-prattika għażla konsistenti li nipproteġu l-ħajja?

Irridu nipproteġu l-ħajja umana meta tibda, jiġifieri mit-tnissil u meta għadha biss ftit ċelloli, dipendenti u vulnerabbli, imma ġa hemm ħajja. Minn hawn trid tibda din l-għażla, għax l-ugwaljanza titlob li wkoll min hu vulnerabbli u dipendenti, imma beda jgħix, ikollu l-opportunità li jkompli jgħix u ma jkollux il-ħajja tiegħu meqruda. X’sens ikollu d-diskors fuq l-ugwaljanza jekk naqtgħu barra lil min hu vulnerabbli u dipendenti?

Irridu nipproteġu l-ħajja ta’ dawk li qed ifittxu l-kenn u qegħdin f’nofs ta’ baħar, ta’ dawk li qed jgħajtu għall-għajnuna u mingħajr l-id tal-għajnuna jispiċċaw mgħarrqa fil-baħar Mediterran li, fi kliem il-Papa Franġisku, sar ċimiterju. Meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, fejn hi l-ugwaljanza għal dik il-persuna li qiegħda tegħreq f’nofs ta’ baħar u ħadd ma joffrilha l-id li tgħinha ssalva? Il-ħajja ta’ dawn in-nies mhijiex inqas ta’ valur minn nies oħra. Dawn mhumiex oġġetti imma bnedmin li għandhom id-dinjità tagħhom.

Irridu nipproteġu l-ħajja billi nħarsu l-ħolqien. Nafu li wieħed mill-ikbar assedji f’pajjiżna huwa fejn jidħol l-ambjent. Inħarsu fejn inħarsu, ikollna l-konferma ta’ dan. Hawn min jaħseb li aktar ma nibnu, u aktar ma ngħollu, aktar qed nagħmlu progress. Il-vera rebħa hi meta nagħrfu nipproteġu l-ambjent mhux meta nirvinawh. Il-ġenerazzjonijiet futuri għad jiddispjaċihom anke iktar minna, u jitolbu kont ta’ min għar-regħba kien lest li jeqred l-ambjent.

Irridu nipproteġu l-ħajja billi nkomplu nwasslu messaġġ ċar li d-droga tagħmel il-ħsara, mhijiex mezz san ta’ rikreazzjoni. Min hu viċin in-nies jaf l-assedju li hawn fuq nies ta’ kull età biex huma jaqbdu t-triq tal-qerda ta’ saħħithom, speċjalment tas-saħħa mentali tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar ta’ ħajjithom. Hawn ħafna vittmi. Min għandu r-responsabbiltà tal-qerda tal-ħajja u tas-saħħa ta’ dawn in-nies għandu piż kbir x’iġorr.

Irridu nipproteġu l-ħajja bl-għajnuna li nagħtu lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli u qed jikkontemplaw li jtemmu ħajjithom. Għandna diversi persuni vulnerabbli li qed jaraw il-ħajja iebsa wisq biex jgħixuha. Il-karba tagħhom kultant hija siekta. Jeħtieġu min jgħinhom jiskopru l-valur tal-ħajja tagħhom u jsostnihom fis-saħħa mentali tagħhom. Irridu niftakru li s-saħħa tas-soċjeta titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Lil min għaddej minn żmien diffiċli, l-appell tiegħi qawwi hu: tiddejjaqx titlob għall-għajnuna. Hawn ħafna li lesti jgħinuk.

Irridu nipproteġu l-ħajja billi nħarsu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u nieħdu l-miżuri kollha neċessarji ħalli l-ħaddiema jkollhom l-assikurazzjoni li ħajjithom mhijiex fil-periklu u ma jkomplix ikollna vittmi tat-traskuraġni u tal-indifferenza.

Għażla rebbieħa

Għalhekk, f’din is-sena, tajjeb infakkru lilna nfusna li l-vera Vitorja, il-vera rebħa, tkun meta aħna nagħmlu din l-għażla favur il-ħajja, għażla li ħierġa minn konvinzjoni u għażla konsistenti. Il-ħajja ta’ kull bniedem għandha dinjità u għandha valur. Hi prezzjuża. Nipproteġuha bis-sħiħ, nirrispettaw id-diversità tal-ħajja, u naħdmu biex inħarsu d-dinjità tagħha.

Il-Vitorja turina wkoll li l-vera rebħa ta’ pajjiżna hi meta nħaddnu l-valuri li jibnu soċjetà li tgħożż il-ħajja u d-dinjità: l-onestà, l-integrità, il-ġustizzja, is-solidarjetà; u meta nagħrfu li l-korruzzjoni, il-frodi, l-illegalità, l-egoiżmu strutturat huma telliefa mhux rebbieħa.

Ommna Marija, li tagħha qed nagħmlu l-festa llum u li hi tant preżenti fl-Istorja ta’ pajjiżna, tgħallimna ngħożżu l-ħajja umana bl-imħabba, bil-kompassjoni, bil-viċinanza. Marija turina kif naħdmu u nagħtu s-servizz tagħna favur il-ħajja u d-dinjità ta’ kulħadd billi nagħżlu t-triq tal-umiltà mhux tal-kburija. Kif tgħid Marija meta tfaħħar lill-Mulej: “Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom” (Lq 1:51).

Il-festa tal-Vitorja hi l-festa tar-rebħa tal-Maltin. Hi l-festa li tfakkarna li s-saħħa kollettiva tagħna l-Maltin tinsab fl-umanità tagħna ma’ xulxin. Hi l-festa li turina li r-rebħa vera hi r-rebħa tad-don tal-ħajja. Ejjew naħdmu flimkien biex inġeddu bis-sħiħ l-għażla tagħna favur il-ħajja b’konvinzjoni u b’konsistenza.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

%d bloggers like this: