KONĊELEBRAZZJONI FIL-BAŻILIKA VATIKANA FL-OKKAŻJONI
TAT-80° ANNIVERSARJU TAL-FONDAZZJONI TAL-UNITALSI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ġimgħa, 11 ta’ Frar 1983
1. “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi!”.
Is-sentimenti ta’ gratitudni u ta’ ferħ ta’ Marija Santissma fiż-żjara lil qaribta Eliżabetta, li huma espressi fil-kantiku tal-Magnificat li għadhom kemm inqraw fil-Vanġelu huma wkoll is-sentimenti tagħkom ilkoll, għeżież ħuti, li, fil-jum li fih infakkru l-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes, ġejtu hekk numerużi f’din il-Bażilika .
Din il-laqgħa ta’ talb għandha għalikom sinifikat speċjali wkoll għaliex din is-sena l-UNITALSI tfakkar it-tmenin sena tal-fundazzjoni tagħha u jien kuntent li qed nieħu sehem fil-ferħ tagħkom għal tali data hekk important, li issenjalat il-bidu ta’ perijodu għani ta’ spiritwalità qawwija ewkaristika-marjana u mimlija b’attività karitattiva u formattiva. Dik is-sena 1903, kif intom tafu tajjeb, Giovan Battista Tomassi, viċin id-disperazzjoni minħabba l-marda li ma kienx irnexxielu jaċċetta, kien mar Lourdes biex item ħajtu, propju quddiem il-grotta ta’ Massabielle, b’ġest ta’ ribelljoni miftuħ u sensazzjonali. U minflok seħħet il-konverżjoni tiegħu: Marija Santissma kisbitlu l-grazzja tad-dawl intern u hu, fehem profondament il-valur tal-messaġġ Kristjan, kiteb l-ewwel regoli tal-Assoċjazzjoni li, fl-iżvilupp suċċessiv tagħha, kellha ssir L-unjoni Nazzjonali Taljana għat-trasport tal-morda f’Lourdes u fis-Santwarji Taljani (UNITALSI).
Minn l-ewwel grupp ta’ mija u tmenin persuna li ta ħajja lill-Kumitat, illum il-membri fl-UNITALSI huma eluf, imxerrda mal-Italja kollha. Preżenti u effikaċi bix-xhieda tagħhom ta’ fidi u ta’ karità fid-dijoċesijiet u fil-parroċċi. Minn dak iż-żmien sens ta’ fiduċja profonda u ta’ rassenjazzjoni kuraġġuża ippenetra fl-intimu ta’ tant morda u spirtu ta’ karità maggura anima tant tobba, infermiera, irġiel u nisa, saċerdoti, reliġjużi, dawk li jġorru l-istretchers, akkompanjaturi, damiġelli tal-karità, li nxteħtu għas-servizz totali tal-morda, mhux biss tul il-pellegrinaġġi, imma wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Minn dak iż-żmien, mijiet ta’ ferrovija u ta’ kowċis erħewlha lejn Lourdes u Santwarji oħra, mimlijin fidi u tama, organiżżati b’sensibiltà u esperjenza biex jiksbu lil dawk b’saħhithom u lil dawk morda l-esperjenza mistika tal-pellegrinaġġ. Ejjew flimkien niżżu ħajr lill-Mulej u lill-Verġni Santissima, għall-ġid kollu li fi tmenin sena l-UNITALSI wettqet!
2. L-ewwel Qari tal-Quddiesa jitkellem ukoll dwar il-ferħ. Il-profeta Iżaija jgħid: “Ifirħu ma’ Ġerusalem, għajtu għaliha bil-ferħ intom ilkoll li tħobbuha. Teptpu bil-ferħ magħha intom ukoll, li ħadtu sehem fil-vistu tagħha . . . Bħalma omm issabbar lil binha, hekk jien – jgħid il-Mulej – insabbrek: f’Ġerusalem se tkunu msabbrin. Intom se tarawh u qalbkom se tifraħ . . .” (cf. Iż 66, 10-14). Il-profeta qiegħed jirreferi għad-dramm tal-eżilju Babiloniż, li kellu jintemm mar-ritorn tal-Lhud fil-Belt qaddisa. Fil-qari tal-Vanġelu niltaqgħu mbagħad mal-ferħ ta’ Eliżabetta u ta’ Ġwanni l-Battista, qabel ma kien għadu twieled, u dak ta’ Marija li tesprimi l-“Magnificat” tagħha ta’ tifħir, ta’ ferħ u ta’ ringrazzjament cf. (Lq 41-55).
Li nkellem lilkom dwar ferħ, għeżież morda, jistà jidher stramb u kontradittorju, madankollu propju f’dan hemm il-valur xokkanti tal-messaġġ nisrani. Ġesù waqt li jġib id-dawl tal-verità permezz tar-Rivelazzjoni u s-salvazzjoni mid-dnub permezz tar-Redenzjoni, irregala lill-umanità it-teżor tal-veru ferħ: “Dan għidtulkom sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15, 11). “Ħadd ma jistà jeħdilkom il-ferħ tagħkom . . . Itolbu u tiksbu, sabiex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 16, 23. 24). Dan huwa ferħ intern, misterjuż, kultant ukoll imtebbà bid-dmugħ, imma dejjem ħaj, għaliex imnissel miċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla, li huwa dejjem Missier, ukoll fiċ-ċirkustanzi dolorużi u kuntrarji tal-ħajja, u tal-valur meritorju u etern tal-eżistenza umana kollha, b’mod speċjali f’dik sofferenti u mingħajr sodisfazzjon uman.
San Pawl kien kiteb lill-ewwel insara u, fihom ukoll lilna, għat-tagħlim tagħna perpetwu u sabbari: “Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied Alla, aħna wkoll il-werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: għax aħna nbatu miegħu biex miegħu nkunu ġġustifikati Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” (Rm 8, 16-18). “Infatti, id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jifhrux” (2 Kor 4, 17-18).
“Kristu ma’ neħħiex it-tbatija – kienu qalu s-Santi Padri tal-Konċilju Vatikan II fil-messaġġ tagħhom lill-foqra u lill-morda – u ma riedx linqas jiżvela għal kollox il-misteru; ħadha fuqu u dan huwa biżżejjed sabiex aħna nifhmu l-valur kollu tagħha . . .” Din hija l-veritè waħdanija li kapaċi twieġeb għall-mistoqsijiet tagħna u li ġġibilna serħan mingħajr illużjonijiet.
B’fidi profonda, il-kbir Blaise Pascal hekk mar jesprimi ruħu fit-“Talba” tiegħu “biex jitlob lil Alla l-użu tajjeb tal-mard”: “Agħmel, o Alla tiegħi”, li jien nadura fis-skiet l-ordni tal-providenza adorabbli tiegħek fuq it-tmexxija tal-ħajja . . . Agħmilni l-grazzja li ngħaqqad mat-tbatijiet tiegħi il-konsolazzjonijiet tiegħek, sabiex jiena nbati ta’ Nisrani . . . Nitlob, o Mulej, li nipprova flimkien id-duluri tan-natura tort ta’ dnubieti u l-konsolazzjonijiet tal-Ispirtu tiegħek, b’effett tal-grazzja tiegħek . . .”.
U Santa Bernardetta Soubirous, li fi tfulitha ġarrbet is-sofferenza tal-ġuħ u kienet taf il-prezzjożità tal-ħobż, kienet titlob hekk: “O Ġesù, agħtini, nitolbok, il-ħobż tal-umiltà, il-ħobż tal-ubbidjenza, il-ħobż tal-karità!. . . O Ġesù, int trid issallabni: “fiat!”. Agħtini l-ħobż tal-qawwa biex insofri sewwa, il-ħobż li nara biss lilek f’kollox u dejjem. Gesù, Marija, is-Salib: jien marridx ħbieb oħra ħlief dawn!” Verament il-Vanġelu, billi hu messaġġ ta’ verità assoluta u definittiva, huwa wkoll messaġġ ta’ ferħ awtentiku, għaliex jagħti sinifikat u valur lit-tbatijiet tagħna.
3. Ħsieb tal-aħħar irrid mill-ġdid nafda lit-tjubija tagħkom u lit-talb u ntenzjonijiet tagħkom. Irrid jiġifieri nirrakkomandalkom minn qalbi l-ġrajjiet il-kbar li jimmarkaw il-ħajja tal-Knisja f’din is-sena: ir-riżultat spiritwali tajjeb tas-Sena Mqaddsa ġubilari tar-Redenzjoni li se jkun iċċelebrat fid-dijoċesijiet kollha tad-dinja; Il-Kungress Ewkaristiku Nazzjonali li jmiss li se jsir f’Milan fix-xahar ta’ Mejju; is-Sinodu tal-Isqfijiet, fil-Ħarifa, dwar it-tema: “Rikonċiljazzjoni u penitenza”; il-vjaġġi apostoliċi, li b’fiduċja f’Alla u f’Marija nixtieq nagħmel prossimament biex nuri pubblikament il-messaġġ ta’ Kristu, biex ngħaqqad l-erwieħ fil-fratellanza u fil-feħim, biex nikkonsla lill-imsejkna u l-imweġġa.
Għollu lill-Iktar Għoli, permezz tal-interċessjoni ta’ Ommna ċelesti, it-talb tagħkom u t-tbatijiet tagħkom għas-salvazzjoni tal-erwieħ! Il-bniedem modern għandu bżonn essenzjali ta’ fidi ċerta u sikura, Il-fenomenu tas-“sekolarizzazzjoni” fl-aħħar minn l-aħħar ma jogħġobx, ma jissodisfax, u jħalli lill-bniedem modern deluż u nostalġiku tal-verità u t-talb tagħkom, iż-żejt prezzjuż, li grazzi għalih, fil-Knisja u f’kull nisrani, tiddi dejjem il-lampa tal-fidi u tal-karità!
4. Għeżież! Wara d-dehriet tal-Madonna, iċ-ċkejkna Bernardetta Soubirous għexet dejjem b’nostalġija niggieża tas-sema. Spiss kienet tirrepeti: “Inmorru fis-sema, naħdmu għas-sema, il-bqija kollox huwa xejn!” U kienet iżżid: “Is-sema, ikolli naqlagħha!”.
Nixtieq jien ukoll inħeġġiġkom ilkoll biex tħarsu lejn is-sema, hemm fejn jinsab pajjiżna tassew (cf. Fil 3, 20-21); hemm, fejn hemm il-post imħejji għalina (cf. Ġw 14, 2-3). Marija Santissma tilluminakom f’mixjietkom, issostnikom u tkun għalikom ta’ sabar f’din is-siegħa u f’kull jum ta’ ħajjitkom. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb