Ġwanni Pawlu II fil-ftuħ tal-Porta Santa

Print Friendly, PDF & Email

ĊERIMONJA TAL-FTUĦ TAL-BIEB IMQADDES BIEX TKUN INAWGURATA
S-SENA TAL-ĠUBLEW TAR-REDENZJONI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Annunzjazzjoni tal-Mulej
Bażilika ta’ San Pietru

25 ta’ Marzu 1983

1. “Hekk hu, il-Verġni tikkonċepixxi u tiled iben li ssemmih Emmanuel”, għaliex Alla huwa magħna (cf.  7, 14). Dan il-kliem tal-profeta jesprimi s-sinjal li l-Mulej se jagħti lid-dar ta’ David: “il-Mulej stess se jtikom sinjal”.

U dan huwa s-Sinjal li s-Sultan Akaz ma riedx jitlob lil Alla, għaliex il-ħsibijiet tiegħu u qalbu ma kinux jagħtu każ tal-assikurazzjonijiet tal-Mulej murija fil-wegħda magħmula lil David (cf. 2 Sam 7, 16).

Dan huwa s-Sinjal li, kuntrarjament għas-sultan, xandar lid-dar ta’ Dsvid il-profeta Iżaija, l-Evanġelista tat-Testment il-Qadim. Dan huwa s-Sinjal li fih titwettaq il-Wegħda u tasal “il-milja taż-żmien” (Gal 4, 4). L-Alla tal- majjestà nfinita jsir Emmanuel: “Alla magħna”.

Dan huwa s-sinjal li fih tibda r-Redenzjoni tad-dinja (“exordia salutis nostrae”), għaliex diġa fil-ġuf purissmu tal-Verġni Marija l-Emmanuel huwa r- Redentur tagħna. F’dan is-sinjal illum tibda s-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni.

2. Hekk hu, jinfetaħ il-bieb tal-Ġublew straordinarju u nidħlu minnu fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Dan huwa simbolu. Nidħlu mhux biss ġo din il-wisq meqjuma Bażilika Rumana. Nidħlu wkoll ġod-dimensjoni l-iktar qaddisa tal-Knisja, fid-dimensjoni tal-grazzja u tas-salvazzjoni li hija dejjem tikseb mil-Misteru tar-Redenzjoni. Tiksbu dejjem u bla waqfien. Bdanakollu f’din is-sena li tibda llum, nixtiequ li l-Knisja kollha tkun partikolarment konxja mill-fatt li r-Redenzjoni tippersisti fiha bħala don tal-Għarus divin tagħha.

Jalla tkun pertikolarment sensibbli għal dan id-don; miftuħa u disponibbli iktar b’mod profond mis-soltu għall-ilqugħ ta’ dan id-don.

Jalla l-Knisja, il-Knisja tagħna, pellegrinanti fuq l-art, tkun tistà, f’dan il-ftuħ salvifiku, tkun mgħaddsa b’mod speċjali fil-misteru tal-Komunjoni tal-Qaddisin fi Kristu.

Li b’mod iktar profond mis-soltu tieħu n-nifs bil-pulmuni tal-maħfra u tal-ħniena ta’ Alla.

Li b’ferħ ikbar mis-soltu, tikkonverti u temmen fil-Vanġelu.

Li wliedek kollha b’qawwa ikbar jipparteċipaw mar-Redentur divin, miegħu li huwa l-bieb, li minnu hemm bżonn nidħlu biex inkunu salvi (Ġw 10, 9).

3. B’dawn il-ħsibijiet u wegħdi, jiġi miftuħ il-bieb tal-Ġublew straordinarju u nidħlu minnu fil-Bażilika ta’ San Pietru, u fl-istess ħin fil-katidrali Veskovili, fil-knejjes kollha  parrokkjali, u fil-kappelli kollha ukoll fl-ibgħad artijiet, u b’mod speċjali f’dawk tal-missjonijiet. Nidħlu fil-komunitajiet insara kollha, huma kif inhuma u kulfejn huma fid-dinja, speċjalment fil-katakombi tad-dinja kontemporanja. Il-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni u s-Sena Mqaddsa tal-Knisja kollha.

Minn din l-għatba, aħna naraw tinfetaħ prospettiva wiesgħa fuq kollox żmien ta’ Grazzja, li se jdum sal-Għid tas-Sena d-dieħla. Mill-Inkarnazzjoni sal-Għid.

4. Fuq l-għatba tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni, il-liturġija tas-Sollennità tallum ixxandar it-twettiq ta’ dak is-Sinjal li skont il-kliem tal-profeta Iżaija kellu jingħata lid-Dar ta’ David: “Hekk hu, il-Verġni tikkonċepixxi u tiled iben, li ssemmi Emmanuel”. U hekk seħħ. Is-sinjal twettaq u ħa forma fil-misteru tal-Annunzjazzjoni.

Din il-forma nafuha sewwa. Aħna nħobbu b’mod profond l-Annunzjazzjoni angelika.Nerġgħu lura għaliha tliet darbiet kuljum bit-talba tal-Angelus. Din hija l-invokazzjoni ta’ xuftejna. Hija l-kantiku ta’ qlubna. Din teħodna kontinwament għal dik l-Annunzjazzjoni lil Marija li fis-Sollennità tagħha, li tassoċja l-Iben u l-Omm fil misteru tal-Inkarnazzjoni, naraw ukoll il-waqt l-iktar addattat biex nagħtu bidu għas-Sena tar-Redenzjoni.

Fl-Annunzjazzjoni infatti seħħ il-bidu tar-Redenzjoni tad-dinja: Emmanuel, Alla magħna, huwa dak Kristu li fl-Ittra lil-Lhud ikellem lil Midssier: “Inta la ridt sagrifiċċju linqas offerta, minflok ħejjejtli ġisem.  Vittma maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jien imbagħad għidt: ‘Hawn jien ġejt . . .  biex nagħmel, ir-rieda tiegħek’” (Lh 10, 5-7).

 Hekk jgħid Kristu, Verb Etern tal-Missier, Ibnu l-għażiż, F’dan il-kliem jinsab il-bidu tar-Redenzjoni tad-dinja u l-pjan tiegħu sal-aħħar. Ir-Redenzjoni tad-dinja hija marbuta ma’ dak il-ġisem irċevut mingħand Marija u offrut fis-sagrifiċċju tas-Salib, li mbagħad sar il-ġisem tal-qawmien mill-imwiet tal-“primuġenitu tal-mejtin” (Ap 1, 5).

U għalhekk, fl-istess bidu tagħha, ir-Redenzjoni tad-dinja hija marbuta ma kelma li ġgiegħel tidwi l-ubbidjenza meraviljuża ta’ Kristu fl-ubbidjenza qaddisa tal-Verġni ta’ Nażżaret. Propju lilha tindirizza l-Annunzjazzjoni ta’ Gabriel. Propju hi tismà t-tweġiba deċiżiva tal-Anġlu għad-domanda ewlenija: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek jinfirex id-dell tal-qawwa tal-Iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek se jkun mela qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1, 35). U propju hi, Marija ta’ Nażżaret, tilqà din it-tweġiba u tilqà ġo ġufha u f’qalbha l-Iben ta’ Alla bħala Bin il-bniedem. U fiha l-Verb sar bniedem wara dik il-kelma ta’ ubbidjenza f’sintonija ma’ Ktristu: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont dak li għedtli (Lq 1, 38). Minnha – l-ewwel Mifdija” – Alla għamel il-bieb tad-dħul tar-Redentur tad-dinja.

5. Illum aħna lkoll, hawn miġbura fil-Bażilka ta’ San Pietru f’Ruma, jew fil-Komunitajiet tal-Poplu ta’ Alla mxerrda fid-dinja kollha, nilqgħu din l-Annunzjazzjoni bħala t-twettiq tas-Sinjal tal-profezija ta’ Iżaija.

Ejjew nilqgħu f’dak is-Sinjal lil Emmanuel. Ejjew nipprofessaw il-fidi tagħna fil-bidu tar-Redenzjoni tad-dinja. Minn dan il-bidu nixtiequ nkomplu l-istadji kollha tal-Ġublew straordinarju. Nixtiequ niksbu minn din is-Sena li, fl-istorja tal-umanità, hija mmarkata bis-sinjal tal-anniversarju tar-Redenzjoni, issir għalina, jum wara jum, is-“sena ta’ grazzja tal-Mulej” (Lq 4, 19).


Talba għas-SENA MQADDSA

“Sena ta’ grazzja” li jien, suċċessur ta’ Pietru, nitlob mingħandek Mulej ta’ kull epoka u tal-istorja kollha, li ħabbejtna sal-mewt biex tagħtina l-ħajja b’abbundanza:

  1. Ġesù Kristu, Bin Alla l-Ħaj,
    li ħadt ġismek mill-Verġni Marija
    u sirt Bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu!
    Ġesù Kristu, Redentur tal-bniedem!
    Int li int l-istess ilbieraħ u llum u għas-sekli!
    Ilqà din is-Sena tal-Ġublew straordinarju,
    li toffrilek il-Knisja tiegħek
    biex tiċċelebra l-elf u ħames mitt
    anniversarju ta’ mewtek u tar-Riżurrezzjoni għar-Redenzjoni tad-dinja.
    Int, li mill-opra tar-Redenzjoni għamilt is-sors
    ta’ don dejjem ġdid għall-għarusa terrena tiegħek,
    ġiegħel tippenetra l-qawwa salvifika tiegħek f’kulħadd, il-jiem,
    il- ġimgħat, u x-xhur ta’ din is-Sena,

Sabiex hija ssir għalina verament is-“Sena ta’ grazzja tal-Mulej”.

2. Agħmel li aħna lkoll f’dan iż-żmien ta’ elezjoni,
inħobbu ferm iktar lilek billi ngħixu fina stess il-misteri ta’ ħajtek,
mill-konċepiment u mit-twelid sas-salib u sal-qawmien mill-imwiet,
Kun magħna permezz ta’ dawn il-misteri,
kun magħna fl-Ispirtu Santu, tħalliniex iltiema!
Erġà lura dejjem għandna (cf. Ġw 14, 18).

3. Agħmel iva li lkoll nikkonvertu għall-Imħabba,
billi naraw fik, Iben tal-Imħabba eterna, il-Missier hi hu “għani fil-ħniena” (Ef 2, 4).
Fil-korsa ta’ din is-sena l-Knisja kollha tħoss mill-ġdid l-abbundanza tar-Redenzjoni tiegħek,
li turi ruħha fil-maħfra tad-dnubiet, u fil-purifikazzjoni mill-fdal tagħhom
li jagħfas fuq l-erwieħ msejħa għal ħajja immortali.
Għinna nirbħu l-indifferenza tagħna u l-ħedla tagħna!
Agħtina s-sens tad-dnub.
Oħloq fina, o Mulej, qalb pura,
u ġedded  spirtu sod fil-kuxjenza tagħna(cf. Sal 51, 12).

4. Agħmel o Mulej li din is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni tiegħek
issir ukoll appell lid-dinja kontemporanja,
li tara l-ġustizzja u l-paċi fuq ix-xefaq tax-xewqat tagħha,
u bdanakollu billi tippermetti dejjem spazju ikbar,
għad-dnub, tgħix, jum wara jum, f’nofs
tensjonijiet u theddid dejjem jikbru, u donnha sejra
lejn direzzjoni perikoluża għal kulħadd!
Għinna biex nibdlu d-direzzjoni tat-tensjonijiet u t-theddid u żventuri fid-dinja kontemporanja!
Erġà rkupra l-bniedem!
Ipproteġi n-nazzjonijiet u l-popli!
La tippermettix l-opra ta’ qerda li qiegħda thedded lill-umanità kontemporanja!

5. O Mulej Ġesù Kristu, Uri iktar qawwija l-opra tiegħek ta’ Redenzioni!
Dan titlob mingħandek, f’din is-Sena,
il-Knisja permezz ta’ Ommok,
li inti stess tajtha bħala Omm tal-bnedmin kollha.
Dan titlob minnek il-Knisja
fil-ministeru tal-Komunjoni tal-Qaddisin.
Dan titlob b’insistenza l-Knisja tiegħek: o Kristu!
Uri iktar qawwija – fil-bniedem u fid-dinja –

l-opra tar-Redenzjoni tiegħeki! Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading