Ġwanni Pawlu II fil-quddiesa taż-żjut

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA TAL-GRIŻMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ħamis ix-Xirka,
31 ta’ Marzu 1983

1. Illejla, se nmorru ma’ Kristu fiċ-Ċenaklu, permezz tal-liturġija “in Cena Domini“. Dalgħodu, iżda, il-Vanġelu skont Luqa jeħodna Nażżaret, fejn Ġesù “kien trabba” (Lq 4, 16). Ifakkarna l-jum li fih, għall-ewwel darba, Ġesù ppreżenta ruħu quddiem il-kompajeżani tiegħu miġburin fis-Sinagoga, u qara t-test messjaniku mill-ktieb tal-profeta Iżaija, Dan it-test aħna nafuh sewwa. Wara li qrah, Ġesù qagħad bilqiegħda u beda jkellem lil dawk preżenti, li kienu ffissaw ħarsithom fuqu. Allura huwa qal: “Illum twettqet din l-iskrittura li intom smajtu” (Lq 4, 21).

2. Jistà jkun li hu meħtieġ, għeżież meqjumin ħuti, li kull wieħed minna jmur illum bil-ħsieb f’dak il-post li fih, żmien ilu, twettqet fuqna l-kelma tas-sejħa ta’ Alla. Forsi jeħtieġ li nmorru lura f’dak il-Katidral jew Knisja li fihom, żmien ilu, l-Isqof qiegħed fuqna jdejh, waqt li ttrażmettilna d-dinjità u l-poter marbutin mas-sagrament tal-Presbitarjat. U forsi huwa meħtieġ li nmorru lura fil-parroċċa fejn twelidna, fejn għall-ewwel darba wara l-Ordinazzjoni ċċelebrajna sollennement is-Sagrifiċċju Mqaddes. Dik kienet in-“Nażżaret” fejn quddiem il-bnedmin – qraba u kompajżani – wera ruħu saċerdot ġdid, magħżul fost il-bnedmin u kkostitwit għall-bnedmin (cfr. Lh 5, 1). U kull wieħed minna beda jitkellem quddiem dawk ol-bnedmin – qraba u kompajżani – b’lingwaġġ li qabel ma kienx jippossiedi: il-lingwaġġ tal-qaddej u tal-ministru tal-Ewkaristija.

3. Huwa meħtieġ, għeżież u meqjumin ħuti li nerġgħu lura bil-ħsieb u bil-qalb għal-dawk il-postijiet u għal dawk il-jiem. Huma kollha jingħaqdu f’dan l-uniku “illum” liturġiku: Ħamis ix-Xirka huwa l-jum tat-twelid ġdid tagħna fi Kristu permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri. “Sibt lil David, qaddej tiegħi, / biż-żejt imqaddes tiegħi kkonsagrajtu: / Idi hija s-sosten tiegħu, / driegħi huwa qawwietu” (Sal 88[89], 21-22). Huwa meħtieg li aħna nkejlu l-jiem kollha, ix-xhur u s-snin ta’ ħajjitna saċerdotali ma’ dan”illum” uniku, liturġiku ta’ Ħamis ix-Xirka! Huwa meħtieġ li aħna ngħajtu, flimkien mas-Salmista: “Se nkanta bla nieqaf il-grazzji tal-Mulej” (Sal 88[89], 2a). Hekk hu: flimkien mas-sagrament tal-Presbiterjat huwa mogħti lill-eżistenza kollha tagħna metru speċjali, li huwa l-metru tal-Eternità!

4. U għalhekk propju llum, f’dan “illum” ta’ Ħamis ix-Xirka, nixtiequ nġeddu fina l-grazzja tas-sagrament tal-Ordni Sagri. Nixtiequ wkoll inġeddu dawk il-wegħdi li bihom, permezz tali sagrament, intrabatna ma’ Kristu fil-jum tal-Ordinazzjoni tagħna. Nixtiequ nirripetuhom lilu biss: lil Kristu-Saċerdot tal-patt il-ġdid u etern: “Lilu li jħobbna u li ħelisna minn dnubietna b’demmu, li għamel minna saltna ta’ sa cerdoti għal Alla tiegħu u Missieru, lilu l-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Amen” (Ap 1, 5-6).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading