Ġwanni Pawlu II fit-tifkira solenni tal-Aħħar Ċena tal-Mulej.

QUDDIESA «IN COENA DOMINI»
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 31 ta’ Marzu 1983

1. Meta Xmun Pietru jgħid lil Kristu: “Ma jkun qatt li inti taħsilli riġlejja! (Ġw 13, 8), huwa jirraġuna bil-mod li ġej: min jaħsel ir-riġlejn ta’ xiħadd ieħor huwa qaddej; dak li jaħslulu riġlejh huwa sinjur.

Jiena, Xmun Pietru, ma nistax naċċetta s-servizz ta’ Dak li huwa l-“Imgħallem” u s-“Sinjur” tiegħi. Dan ikun ifisser infrazzjoni tal-ordni fundamentali, li hija wkoll l-ordni tal-ġustizzja. Din l-ordni m’għandhiex tkun miksura.Dan jitolbuh l-onestà ordinarja u r-reqqa, Xmun Pietru, minħabba din ir-reqqa, ma riedx jippermetti li Kristu jaħsillu riġlejh qabel iċ-Ċena paskwali.

2. Intant l-Imgħallem u Mulej ma jċedix. Jibqà quddiem id-dixxiplu u qaddej tiegħu, iżomm f’idejh friskatur mimli ilma u xugaman, u donnu jgħid:

Baxxi! Ippermettili naqdik!

Ippermettili li nibda is-Servizz il-Kbir!

F’dan is-Servizz hemm inkluża l-Ordni l- Ġdida. It-Testment il- Ġdid. Il-Patt il-Ġdid.

Ippermettili li nibda s-Servizz tal-Patt il-Ġdid b’dan il-ħasil tar-riġlejn.

Wara dan isegwi s-Saġrifiċċju Sagramentali ta’ Ġismi u ta’ Demmi. Is-sagrifiċċju tas-Salib u tal-mewt. Is-servizz kbir u inċessanti tal-Patt il-Ġdid. Permezz ta’ dan is-servizz ikollok “sehem miegħi” (Ġw 13, 8). Int u l-oħrajn kollha,iIkollkom “sehem miegħi”. Tkunu f’komunjoni miegħi. Permezz tiegħi, tkunu f’komunjoni mal-Missier u mal-Ispirtu. Ippermettili li nservik issa. “Għal dan jien twelidt u għal dan jien ġejt fid-dinja” (Ġw 18, 37): biex appuntu nwettaq dan is-servizz. Minn dan is-servizz, minn dan il-ministeru tiddependi s-salvazzjoni tad-dinja.

3. Meta Xmun Pietru jċedi, huwa jaf li din l-ordni, li għaliha kellu jkun fidil, jiġi sostitwit mill-Ordni l-Ġdida. Huwa stess kien għadu jiddefendi l-ordni l-qadima, imma fl-istess ħin diġa qed iħoss kemm dik ġdida kienet diġa preżenti fih: kemm hu, għalkemm bniedem tal-patt il-qadim, kien madankollu miftuħ għall-Komunjoni mal-Imgħallem u Mulej tiegħu. Allura jgħid: “Mulej, mhux biss riġlejja imma jdejja u rasi wkoll!” (Ġw 13, 9). Tant jixtieq dik il-“parti” mal-Imgħallem. Tant jixtieq dik il-purezza, li titnissel mis-servizz tar-Redenzjoni.

ristu jżid, waqt li jdur mhux biss lejn Pietru, imma lejhom ilkoll: “Jekk mela li jien, il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom riġlejkom, intom ukoll għandkom taħslu riġlejn l-oħrajn” (Ġw 13, 14).

Mis-servizz tar-Redenzjoni titwieled l-imħabba, li tagħmel iva li l-bnedmin isiru disposti le jaqdu b’mod reċiproku lil xulxin; tagħmel minnhom aħwa, sensibbli b’mod reċiproku għall-bżonnijiet tagħhom.

4. Bdejna s-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, il-Ġublew straordinarju. Il-liturġija taċ-Ċena tal-Mulej tippreżentalna r-Redenzjoni bħala Servizz feddej ta’ Kristu, bħala servizz li jdum bla jaqtà fil-Knisja

– permezz tas-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej,

– Permezz tas-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni: “Jekk ma naħslekx, ma jkollokx sehem miegħi” (Ġw 13, 8).

Il-Ġublew ta’ din is-sena jirrendi lil kull wieħed u waħda minna partikolarment sensibbli għas-servizz feddej ta’ Kristu, li jwettaq ruħu permezz tal-Knisja.

Jiġrilna – bħal Xmun Pietru – li nkunu nistgħu nixtiequ b’mod iktar qawwi din il-“parti” ma’ Kristu: il-Komunjoni feddejja, li titnissel mill-abbundanza tar-Redenzjoni tiegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading