Kitba ta’ Joe Galea
Kmieni din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea tat aktar minn 3 miljun ewro għal proġett li se jiżviluppa għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali biex jiġu salvati sekli ta’ kant Gregorjan tal-Knisja Kattolika. Fi kliem sempliċi, l-Intelliġenza Artifiċjali hi x-xjenza moderna kif tuża t-teknoloġija biex din tagħmel ix-xogħol li soltu jeħtieġ l-intelliġenza tal-bniedem. Din it-teknoloġija fiha perikli bla qies, tant li ħafna pajjiżi qed jgħaġġlu biex jgħaddu liġijiet li jirregolawha. Imma fiha t-tajjeb ukoll. F’dan il-każ qed twassal għal kultura reliġjuża.
L-Abbazija Franċiża ta’ Sainte Madeleine du Barroux fetħet il-bibien tagħha għat-tim ta’ ‘Neumz’, bħala parti mill-proġett imsejjaħ ‘Repertorium’. ‘Neumz’ u ‘Repertorium’ huma proġetti ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea għar-rekordjar tal-kant kollu Gregorjan. Se jitkantaw eluf ta’ sigħat ta’ kant Gregorjan u jiġu rekordjati sabiex ‘il quddiem ikunu f’idejn min jixtieq igawdiehom. B’hekk l-imgħoddi glorjuż tal-Ewropa Kattolika u l-ħila teknoloġika tal-futur qed jingħaqdu fi proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea l-għan tiegħu hu mingħajr precedent
Permezz ta’ grant mis-setturi għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea allokat xejn inqas minn 3 miljun Ewro għall-proġett ‘Repertorium’, li għandu jwassal biex jiġu żviluppati għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali u biex jiġi ppreservat l-wirt mużikali tal-‘Kontinent l-Antik’ billi jiġbor b’mod diġitali mijiet ta’ eluf ta’ manuskritti mużikali medjevali. ‘Il quddiem dawn l-għodod se jagħtu wisa’ għal esperjenzi ġodda ta’ smigħ ta’ xogħlijiet klassiċi.

Din l-inizjattiva hija estensjoni ta’ ‘Neumz’, il-proġett kbir ta’ rekordjar tal-kant Gregorjan żviluppat bejn l-2019 u l-2022 u li għamel disponibbli l-liturġija kollha tan-‘Novus Ordo’ permezz ta’ application fl-ismartphone. In-Novus Ordo hi l-Quddiesa tal-Papa Pawlu VI, dik ta’ wara l-Konċilju.
Il-proġett ‘Repertorium’, li se jkompli jiżgura dan il-wirt Nisrani uniku billi jippermetti li jiġu magħżula madwar 2 miljuni ta’ kant Gregorjan biex ikun rekordjat, issodisfa l-kriterji meħtieġa mill-Kummissjoni għal dan il-finanzjament. Kriterji bħall-“ħajja mill-ġdid, apprezzament u trawwim ta’ tekniki ta’ snajja tradizzjonali u li jingħaqdu mat-teknoloġiji avvanzati ġodda tal-lum.
Il-proġett, li beda f’Jannar 2023 u għandu jibqa’ għaddej għal tliet snin, se jwassal ukoll għal aċċess online tal-liturġija Latina tradizzjonali kollha, grazzi għal sħubija mal-Monasteru ta’ Le Barroux, fin-Nofsinhar ta’ Franza.
Tagħlim tal-Mużika għall-Intelliġenza Artifiċjali
Bħal f’Neumz, kollox beda bl-Abbazija Benedittina ta’ Solesmes, fil-Grigal ta’ Franza, meqjusa bħala ċ-ċentru tal-kant Gregorjan billi l-operazzjoni vasta ta’ ġbir ta’ manuskritti tnediet mill-patrijiet tal-komunità madwar l-Ewropa fis-seklu 19.
L-arkivju tagħhom ta’ kważi 400,000 ritratt ta’ manuskritti mużikali, li jipprovdi lill-komunitajiet Kattoliċi tad-dinja b’kant għan-Novus Ordo u riti tradizzjonali Latini, issa qed jiġi protett mill-ħarba taż-żmien u diżastru potenzjali bil-ħolqien ta’ backup diġitali li se jibqa’ aċċessibbli għal min, madwar id-dinja jħobb dan it-tip ta’ mużika, permezz tal-portal ‘DIAMM’ ta ‘Oxford. It-tieni pass huwa li jiġu indexjati u mqegħdin f’listi madwar 2 miljun ta’ kant li jinsabu f’dawn l-arkivji. Hawn fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali.
Disgħa u disgħin fil-mija ta’ dan il-kant ġew ikkupjati u huma miżmuma f’manuskritti differenti. Skont il-kalkoli ta’ dawk inkarigati mill-proġett, espert waħdu jkollu bżonn 500 sena biex jindexja kollox, li hi ħaġa kbira, u ma jistgħux jiġu mpjegati 500 persuna biex jagħmlu x-xogħol. Allura l-Intelliġenza Artifiċjali tagħti daqqa t’id sew.
Ibbażat fuq kważi 8,000 siegħa ta’ files awdjo mressqa mill-proġett Neumz, l-Intelliġenza Artifiċjali qed tiġi mħarrġa gradwalment biex tisma’ l-mużika u ssegwi l-partituri tal-mużika. Bl-istess mod, total ta’ 127,000 innu l-ewwel se jiġu indexjati b’mod manwali biex jgħinu lill-Intelliġenza Artifiċjali tiżviluppa funzjonijiet ta’ rkupru ta’ informazzjoni dwar din il-mużika.
Is-sistema tal-Informazzjoni Artifiċjali disinjata mir-Repertorium, li se tkun tista’ taqra l-partituri tal-mużika, issegwi l-awdjo u tagħraf il-ħsejjes ta’ strumenti individwali, imbagħad tiġi estiża għal tipi oħra ta’ mużika inklużi kunċerti ta’ mużika klassika.
Minsija għal 1,000 sena
Dan ix-xogħol permezz tat-teknoloġija se jgħin biex aktar minn 90 fil-mija tal-innijiet fl-arkivji tas-Solesmes jiġu identifikati u katalogati fi żmien tliet snin. B’hekk l-esperti jkunu jistgħu jiffrankaw ħin prezzjuż u jikkonċentraw fuq ix-xogħlijiet li għadhom mhux identifikati. Waqt li l-innijiet qed jiġu kkatalogati, qed jiġi skopert ukoll xogħol ġdid.
Il-koordinaturi tal-proġetti diġà stmaw li madwar 4,000 kant ġdid mistennija jaraw id-dawl mill-arkivji. Dawn se jiġu murija għall-pubbliku fl-okkażjoni ta’ kunċerti fl-Ewropa meta x-xogħol jiġi fi tmiemu. Hemm il-ħsieb li jiġu organizzati kunċerti tradizzjonali fejn l-udjenza se tiskopri kant Gregorjan, li wħud mill-melodiji tagħhom ilhom ma jinstemgħu għal 1,000 sena. Wieħed mill-aspetti tant mistennija tal-proġett għall-Kattoliċi madwar id-dinja huwa r-rekordjar u x-xandir online tal-liturġija Tridentina kompleta.
Din l-għażla hija possibbli mill-Abbazija Franċiża ta’ Sainte Madeleine du Barroux, simbolu tat-tiġdid monastiku fl-Ewropa, li fetaħ il-bibien tiegħu b’mod mhux tas-soltu għal dan il-proġett. Għall-komunità tal-Abazija, il-potenzjal li jevanġeliżżaw b’din l-inizjattiva rebaħ fuq l-invażjoni ta’ mikrofni fil-monasteri, għax meta dawn iddaħħlu fixklu xi ftit it-trankwillità monastika.
Fuq perjodu ta’ ftit aktar minn sena, madwar 2,200 siegħa ta’ kant Gregorjan kantati waqt il-Quddiesa u l-Uffiċċju Divin fil-forom Tridentini, skont it-tradizzjoni antika tal-manuskritti, se jiġu rreġistrati u magħmula disponibbli għall-abbonati. Se jsiru tradizzjonijiet tat-testi bil-Latin f’5 lingwi. S’issa, l-applikazzjoni pprovdiet biss l-innijiet tan-Novus Ordo, il-Quddiesa ta’ Pawlu VI, rekordjati fl-Abbazija ta’ Notre-Dame de Fidélité f’Jouques, madwar 60 mil minn Le Barroux.
Għatx għat-talb
L-ambizzjoni tal-proġett Neumz hi li jerġa’ jintroduċi l-kant Gregorjan fil-knejjes fuq skala ikbar, partikolarment fid-dawl tan-nuqqas ta’ tagħrif li dejjem tikber fuq din it-tradizzjoni, anke fost is-saċerdoti. Billi jiffaċilita l-aċċess għall-innijiet kollha indexjati, wieħed jittama li l-Kattoliċi jsiru aktar midħla tagħhom.
Qed jinħass b’mod ċar l-attrazzjoni dejjem tikber għall-kant Gregorjan fost iż-żgħażagħ, inklużi s-sorijiet żgħażagħ li ħafna drabi ma jiġux minn kultura tradizzjonalista. Issa wara li daqu din it-tradizzjoni, jixtiequ jingħaqdu f’katina li bdiet sekli u sekli ilu. Filwaqt li l-kant fil-lingwa tal-pajjiż għandu iktar diffikultà li jirbaħ fuq il-moda u l-bidliet taż-żmien, il-Latin però jibqa’.
Bil-kant ta’ melodiji kantati b’mod identiku ma’ dak tal-Patrijiet tas-seklu 12, inħossu li qed ningħaqdu f’talba waħda li titla’ lejn Alla matul iż-żmien, u dan iġib unità interna. Hemm il-qawwa straordinarja li tgħaqqad il-kant Gregorjan fi żmien meta s-sekularizzazzjoni tal-Punent tista’ ddgħajjef l-għaqda tal-Knisja. Mad-dinja kollha, in-nies li huma fit-tfittxija tan-nutriment għar-ruħ u għandhom l-għatx għat-talb, jaslu biex jaqbdu ma’ dan il-vagun tal-kant Gregorjan li jwassalhom għand Alla.
Tajjeb li fil-Laikos hawn dan il-wisa’ għall-kummenti għax hi opportunita’ biex min jikteb jaqsam mal-oħrajn l-ideat tiegħu jew tagħha u b’hekk isir il-ġid u titwassal l-informazzjoni reliġjuża.