L-Arċisqof Charles J. Scicluna b’riflessjoni minn Santu Wistin

Silta meħuda mill-Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re. Bażilka Minuri ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid. Il-Ħadd, 26 ta’ Novembru 2023.

“… Iltqajt ma’ frażi ta’ Santu Wistin, li laqtitni, u li fuqha nixtieq nibni r-riflessjoni tiegħi llum. Ħa ngħidha kif kitibha hu bil-Latin biex jifhem kulħadd: ‘Incipit exire qui incipit amare’ (jibda joħroġ min jibda jħobb). Laqtitni ħafna din l-espressjoni f’kummentarju li Santu Wistin kiteb għas-salm 64, u nafu li l-episkopat ta’ Santu Wistin, fl-Afrika ta’ fuq, dak li llum nafuh bħala l-Alġerija, kien episkopat fi żmien ta’ kriżi kbira. Imma f’dan ir-ragħaj qaddis, il-poplu sab kelma ta’ faraġ, kelma ta’ għerf, kelma vera u ta’ fedeltà.

Min irid jibda joħroġ, tibda toħroġ billi tibda tħobb. U din hi b’xi mod, frażi li allura tiġbor is-sens li tkun Knisja li toħroġ. Knisja li ma tibżax tirriskja u tiltaqa’ mal-poplu ħaj ta’ Alla, fejn qiegħed, fis-sitwazzjonijiet tad-diffikultà, ta’ disaġju, ta’ vulnerabbiltà li fih qiegħed. Hi stedina allura, li noħorġu mill-fosdqa tal-kumditajiet tradizzjonali tagħna, u niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj, fil-kategoriji li hu stess isemmi fl-Evanġelju tal-lum. “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Qed jgħidilna, li jekk irridu niltaqgħu miegħu, irridu nsibuh f’ħutna li huma bil-ġuħ u bil-għatx; f’ħutna li għandhom bżonn min ilibbishom; f’ħutna li għandhom bżonn min iżurhom; f’ħutna li għandhom bżonn li wieħed jittrattahom b’dinjità, bil-ġustizzja u bl-imħabba.

Imma din il-kelma fqira, aħna llum ngħiduha f’kuntest ta’ vjolenza totali, madwarna. Niftħu l-mezzi tax-xandir, u l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, u l-ispettaklu li naraw quddiemna hu spettaklu terribbli, ta’ swied il-qalb, ta’ vjolenza, ta’ kefrija, u mibgħeda; anke fl-art li fiha u fuqha għex Ġesù. Imma mhux hemm biss. U jien nistaqsi lili nnifsi, l-aħwa, u ta’ min ninstaqsu lilna nfusna, aħna li llum inġbarna biex inqimu lill-Mulej, Sultan tal-Ġnus, u li tant aħna devoti tat-tradizzjonijiet għeżież tagħna, marbutin magħhom, attakkati magħhom. Dawn huma xprun għalina biex noħorġu fid-dawl u bit-togħma tal-imħabba? Għaliex biex nieħdu bis-serjetà din il-frażi sabiħa ta’ Santu Wistin: ‘Incipit exire qui incipit amare’ (jibda joħroġ min jibda jħobb). Allura, Knisja li toħroġ, hi Knisja li tħobb. Knisja li f’kull kelma li tgħid, f’kull ħsieb tagħha, f’kull għemil tagħha, meta tagħsru ma ssib xejn ħlief imħabba. Dan huwa l-eżami tal-kuxjenza l-aħwa, li rridu nagħmlu lkoll kemm aħna, jien l-ewwel wieħed. Kull kelma li ngħid, kull ħsieb tiegħi, kull atteġġjament tiegħi, kull ħarsa tiegħi, kull inizjattiva li nieħu, fil-jum meta l-Mulej jiġġudikani, kif se toqgħod fil-miżien tal-imħabba? …”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading