‘Knisja 2000’ tfakkar wieħed mill-aqwa mħuħ li dehru fid-dinja u fil-Knisja

Michael Caruana

L-aħħar ħarġa ta’ Knisja 2000 ippubblikata mill-Patrijiet Dumnikani titratta lil San Tumas t’Akwinu li din is-sena qed jiġi mfakkar is-seba’ mitt sena mill-kanonizzazzjoni tiegħu.

Dwar dan il-qaddis Dumnikan jiktbu f’din il-ħarġa l-patrijiet Dumnikani  Raymond Gatt, Joseph Agius, Christopher Caruana, Alan J. Adami, l-Isqof Emeritu Ġorġ Frendo u Joseph Ellul u Dr Matthew Levering. Fil-kitba tagħhom huma jitrattaw diversi temi konnessi ma’ dan il-qaddis li, kif isemmi l-editorjal ta’ Knisja 2000, “hu wieħed mill-aqwa mħuħ li dehru fid-dinja u fil-Knisja Kattolika, fejn it-tagħlim tiegħu għadu rilevanti sal-lum”.

L-editorjal isemmi li dan it-tagħlim hu mifrux f’numru kbir ta’ kitbiet li jittrattaw temi li jolqtu l-bniedem u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Il-ġenju ta’ dan il-qaddis jidher fil-mod kif hu għaqqad l-għerf mal-qdusija.

Patri Raymond Gatt, l-editur tar-rivista, jikkwota mill-bulla tal-kanonizzazzjoni tal-Papa Ġwanni XXII fejn ingħataw ir-raġunijiet għala Tumas t’Akwinu ġie proklamat qaddis. Dan il-Papa ddeskriva lil Tumas bħala persuna li kellha reputazzjoni ta’ ħajja virtuża li għenitu f’qasir żmien isawwar tagħlim li malajr inxtered u ġibed l-ammirazzjoni ta’ ħafna. Hu kompla jistqarr li Tumas, bħala reliġjuż Dumnikan, kien kuntent bl-ikel u bl-ilbies tar-reliġjużi, kien ta’ karattru ġentili bi tjubija delikata, kellu ħniena immensa u kien sottomess b’umiltà lejn is-superjuri tiegħu. Kien imżejjen b’aktar virtujiet u fuq kollox ma kinux jinteressawh l-unuri. Għalkemm kien jiddiskuti u jieħu sehem f’disputi, hu qatt ma ddomina l-avversarji tiegħu b’tali mod li żeblaħhom bi kliemu, iżda xorta baqa’ jirrispetta lil min ma kienx jaqbel miegħu. Kien moħħu biss fil-ħidma divina tant li kien ġenju fl-istudju, fit-tagħlim, fil-predikazzjoni, fit-talb u fil-kitba. Tumas t’Akwinu ngħata kollu kemm hu għal din il-ħidma assidwa b’tali mod li ma kienx hemm mistrieħ għalih għax dejjem kien impenjat biex jilħaq il-miri vasti tiegħu.

L-editorjal isemmi wkoll li l-Papiet, permezz tad-dokumenti maġisterjali tagħhom, ma waqfux jitkellmu dwar il-kontribut siewi li ħalla dan il-qaddis lill-Knisja. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika tiegħu Fides et Ratio isemmi diversi drabi lil Tumas t’Akwinu u, fost oħrajn, semma li hemm riservst post speċjali għalih mhux biss minħabba dak li hemm fit-tagħlim tiegħu, iżda wkoll minħabba d-djalogu li għaraf jagħmel mat-tagħlim Għarbi u Lhudi ta’ żmienu. Il-Papa Benedittu XVI f’diversi katekeżi tiegħu tkellem dwar il-kontribut ta’ Tumas li niżel fil-fond tat-tagħlim mill-Iskrittura Mqaddsa u mill-Missirijiet tal-Knisja.

“Illum San Tumas għadu jistieden lil dawk ta’ rieda tajba biex ikomplu jiskopru l-għana li hemm fit-twemmin Nisrani. Il-kitbiet tiegħu”, isemmi l-editorjal, “huma kollha frott tat-tiftix ta’ Alla li hu ma waqafx jagħmel matul ħajtu kollha. L-imħabba tiegħu lejn Alla wasslitu biex jiskopri tassew min hu dan Alla permezz tal-Kotba Mqaddsa u tal-kummentaturi tagħhom.

“Għalih Alla kien kollox u jrid li bħalu l-bnedmin jersqu lejH. Għalih Alla ma kienx xi ħadd astratt li qiegħed ’il bogħod mill-bnedmin, iżda għall-kuntrarju Hu qiegħed qrib u preżenti fid-dinja għax hu l-Ħallieq tagħha”, itemm l-editorjal ta’ Knisja 2000.        

* * * * *

Sadattant, fl-okkażjoni tas-750 sena mill-mewt ta’ dan il-qaddis, il-Lajċi Dumnikani tal-Birgu qed jorganizzaw pellegrinaġġ għall-Italja “Fuq il-pass ta’ Tumas t’Akwinu” bejn l-1 u l-4 t’April li ġej. Iżuru Orvieto, Montecassino, Roccasecca, Fossanova, Pompei, Napli u Ruma. Dawk interessati jistgħu jiktbu birguop@gmail.com jew iċemplu 79068152.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading