Ix-xeni tal-Passjoni

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Marzu 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Ġimgħa l-Kbira fit-Tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Illejla l-Qari li għadna kif smajna, kollu kemm hu – kemm l-Ewwel Qari (Iż 52:13–53:12), li huwa r-raba’ kantiku tal-Qaddej ta’ Jaħweh, kemm il-qari mill-Ittra lil-Lhud (Lhud 4:14-16; 5:7-9), kif ukoll il-Vanġelu (Ġw 18:1–19:42) – jistedinna biex niffissaw il-ħarsa tagħna fuq Ġesù msallab.

Dalwaqt, minn hawn u ftit ieħor, Ġesù se jkun f’nofsna: l-ewwel se nadurawh, imbagħad ikun fin-nofs tal-assemblea, fin-nofs tal-bnedmin: “Meta nkun miġbud mill-art niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12:32). U fid-deskrizzjoni tiegħu, San Ġwann, li għadna kif smajna, l-ewwel u qabel kollox jurina lil Ġesù msallab fin-nofs, bejn tnejn, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu, u jerġa’ jirrepeti li Ġesù kien fin-nofs. San Ġwann irid ifakkarna li Ġesù huwa s-Siġra tal-ħajja, illi fil-Ktieb tal-Ġenesi Alla kien poġġa fin-nofs tal-ġnien (ara Ġen 2:9), fin-nofs tal-ħolqien: is-Siġra li tagħti l-ħajja, is-sors, l-għajn u l-oriġni ta’ kulma jieħu nifs u ta’ kulma hu ħaj. U allura San Ġwann jerġa’ jippreżentalna lil Ġesù, l-ewwel u qabel kollox meta jasal fuq il-Kalvarju, bħala din l-għajn tal-ħajja: meta nħarsu lejh nieħdu l-ħajja. Imma kif nieħdu l-ħajja? San Ġwann ikompli jurina kif nieħdu l-ħajja.

Imbagħad it-tieni xena li ffoka fuqha San Ġwann, fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, hi l-kitba li jpoġġi Pilatu fuq ras Ġesù: “Dan hu Ġesù Nazzarenu, is-Sultan tal-Lhud”. Aħna jista’ jkun illi mmorru bl-idea li Pilatu kitibha biex jgħaddi biż-żmien lil Ġesù. Imma anki jekk kitibha għalhekk, Pilatu qiegħed jgħid il-verità. Ġesù huwa s-Sultan, is-sultan tal-Lhud, is-sultan mhux bil-kuruna tad-deheb mixtrija bil-flus tan-nies, mhux bix-xettru tad-deheb li bih jordna u jobbliga, imma bil-kuruna tax-xewk, fuq rasu l-ħtijiet u l-konsegwenzi tal-ħażen tan-nies. F’idejh mhux il-ħatar li bih jobbliga, ir-‘remote control’, ix-xettru tar-re, imma l-qasba li biha saħansitra jsawtuh. Ġesù huwa verament is-sultan tal-Lhud, dak illi biex ikun ’il fuq, biex kulħadd jimxi warajh, biex isalva u jmexxi lil kulħadd, għażel li joqgħod wara kulħadd, li jkun il-qaddej ta’ kulħadd, għażel, kif jgħidilna San Pawl, li ma jiħux għalih għax kellu n-natura ta’ Alla, imma jiċċekken billi jsir, mhux bniedem, imma lsir.

It-tielet xena li jippreżentalna San Ġwann hija x-xena tas-suldati li jitfgħu x-xorti fuq il-ħwejjeġ ta’ Ġesù, u t-tunika ma jaqsmuhiex, u kull wieħed jieħu biċċa minn dak li jmissu. Lil min tmiss il-libsa ta’ Ġesù? Lil min tmiss it-tunika? Lili u lilek. San Ġwann irid jgħidilna li dik il-libsa, it-tunika, hija tagħna; l-ispirtu u l-identità tiegħu mogħtija lilna. Fil-fatt aħna bħalu nissejħu Kristjani, jekk aħna dixxipli tiegħu. Din hi t-tifsira ta’ dik ix-xena tas-suldati li jaqsmu bejniethom it-tunika ta’ Ġesù.

Imbagħad San Ġwann jippreżentalna x-xena prinċipali, dik tan-nofs: lil Ġesù jdur lejn ommu u lejn Ġwanni, u jagħtihom lil xulxin. Kemm hi sabiħa din ix-xena fejn Ġesù jafdana lil ommu, u allura jqisna bħala ħutu! Aħna l-familja l-ġdida ta’ Ġesù frott tat-tbatija li bata għalina u li permezz tagħha hu jieħu fuqu dak li aħna ma jogħġobniex, li ma rridux, id-dnubiet tagħna.

U jkompli dan kollu fil-ħames xena, meta Ġesù jgħid: “Għandi l-għatx!”. U Ġesù verament din il-kelma jgħidha lil kull wieħed u waħda minna, aħna li bħas-Samaritana ħdejn il-bir ta’ Ġakobb għandna l-għatx veru, aħna li nfittxuh kontinwament f’ħajjitna u li qatt m’aħna kuntenti, Ġesù qiegħed jgħidilna: ‘Jien għandi l-għatx tal-għatx tagħkom. Jien nixtieq li dan l-għatx tagħkom isib fija s-sodisfazzjon tiegħu. Għandi l-għatx tal-ħbiberija tagħkom!’. U s-suldati x’jagħtuh? Mhux l-inbid tal-ferħ, tal-festa u tal-ħbiberija, imma jagħtuh l-inbid il-qares, il-ħall, għax aħna lil Ġesù dak nistgħu noffrulu – il-ħbiberija dgħajfa, imfixkla u imperfetta tagħna, il-ħbiberija mhix fidila tagħna. Imma l-Vanġelu jgħidilna b’mod ċar li Ġesù jieħu l-ħall u jgħid: “Kollox hu mitmum!”.

Allura ċ-ċelebrazzjoni tal-lum tista’ tilħaq l-iskop tagħha tassew – u aħna nkunu ġejna hawnhekk mhux għalxejn imma għal xi ħaġa – jekk verament inħossu li Ġesù qiegħed jixrob u jieħu fuqu l-ħall tagħna: id-dgħufijiet tagħna jintilfu fl-imħabba tiegħu, dnubietna jisparixxu fil-ġenerożità tiegħu, fl-imħabba mingħajr kundizzjoni tiegħu. Dan ifisser li Ġesù jieħu l-ħall, tiegħi u tiegħek.

U jkompli l-Vanġelu li Ġesù, wara li xorob il-ħall, qal: “Kollox hu mitmum”, u jmejjel rasu u jrodd ruħu. Dak il-ħin kollox mitmum. Ma jistax ikun kollox mitmum qabel jibqa’ xi ħadd mill-familja tal-bnedmin li ma jagħrafx u ma jifhimx li Alla jħobbu tant li lest li jerfa’ d-dnub tiegħu fuqu. Dakinhar ikun kollox mitmum! Araw l-imħabba ta’ Ġesù kemm hi kbira. Allaħares xi ħadd minna llejla hawnhekk iħossu ’l bogħod, b’xi mod jew ieħor, minn din l-imħabba; jew jimmaġina li xi ħadd minn ħutna, li forsi mhux qiegħed hawn, imma qiegħed hemm barra, ma jidħolx fil-familja ta’ dawk li Alla jaħfer u jħobb bi mħabba kbira.

Imbagħad Ġesù jagħti l-ispirtu tiegħu, irodd ruħu. Ħadd mill-evanġelisti ma jgħid li Ġesù miet, imma kollha jgħidu li hu ta l-ispirtu tiegħu, irodd ruħu! Lil min? Lill-bnedmin… lilna jagħtina l-ispirtu tiegħu. Din l-imħabba ma tistax tmut u hija mifruxa fost kulħadd. Dan l-istil u l-mod kif Ġesù jgħix u jmut ma jistax ikun li jżommu għalih. Irid ikun tiegħi u tiegħek ukoll, jekk aħna rridu ngħixu l-umanità u s-sejħa umana tagħna fil-milja tagħha.

Fl-aħħar għandna l-isbaħ rigal li jħallilna Ġesù: id-demm u l-ilma. L-ilma li jgelgel mill-kustat tiegħu u d-demm li joħroġ mill-qalb miftuħa tiegħu. Dawn, jgħidilna San Ġwann Kriżostmu, mhumiex għajr is-sinjali tal-Magħmudija u tal-Griżma. L-ilma hu l-Ispirtu ta’ Alla, ħiereġ minn dan il-kustat, waqt li d-demm mhux għajr l-għotja, sal-aħħar qatra – hekk inkantaw fl-innu ta’ Dun Karm: “L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna…” – l-għotja sħiħa tiegħu, li ngħixu fl-Ewkaristija, li llum se ngħixu b’xi mod ridott meta se nirċievu lil Ġesù, proprju biex inħossuna magħqudin u marbutin miegħu, u nħossu l-għatx tiegħu li jkun parti integrali mill-ħajja tagħna.

U mhux illum fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Ġesù li jmut mhux għajr iż-żerriegħa. Il-post tagħha hu proprju taħt l-art, fit-trab. Ġesù hu ż-żerriegħa li jekk ma tmutx, ma tagħtix frott, għax iż-żerriegħa tagħti l-frott jekk tindifen (ara Ġw 12:24). U allura llum qegħdin biss nassistu għal din l-ewwel parti ta’ dan il-proċess. Jalla għada u pitgħada, imma fil-bqija ta’ ħajjitna kollha, ngħixu lil Ġesù rxoxt u ħaj, mhux biss fir-realtà oġġettivament. Ġesù huwa ħaj fl-ispirtu tiegħu, fil-Ġisem mistiku tiegħu, fil-Kelma u fl-Ewkaristija, fil-Knisja. Ġesù huwa ħaj f’kull wieħed u waħda minna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading