Il-Ħadd, 31 ta’ Marzu 2024: Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni tal-Għid il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.
Omelija mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Qegħdin ngħixu f’dinja fejn kulma jmur qiegħed isir diffiċli li nieqfu, nirriflettu u naħsbu. U forsi waħda mir-raġunijiet hi għax, meta nieqfu nirriflettu, jitilgħu fina ħafna biżgħat: dwar is-saħħa tagħnam, il-futur tagħna, ir-relazzjonijiet, x’se jiġri minn uliedna, jekk inlaħħqux jew le mal-pjanijiet tagħna, jekk dak li ppjanajna, dak li pproġettajna, hux se nwassluh fit-tmiem, hux validu fih innifsu jew le; u nistgħu nibqgħu sejrin… Żgur li kull wieħed u kull waħda minna, kieku jkollna nieqfu ftit, jikteb ktieb dwar il-biżgħat tiegħu.
Din hija l-verità tagħna, verità li nippruvaw kemm nippruvaw naħarbu minnha, xorta waħda llum jew għada se tispiċċa ma’ wiċċna. Dan mhux żvantaġġ, anzi, huwa vantaġġ. Għax jekk aħna naffaċċjaw din ir-realtà, nindunaw li aħna m’aħniex awtosuffiċjenti. Jekk aħna nagħrfu tassew illi m’aħniex is-sidien tal-ħajja tagħna, ta’ kollox – kif kultant ngħixu aljenati, storduti, mingħalina li kollox jiddependi minna – jekk inkunu veri, ingawdu aħna stess, inkunu realisti. Ma ngħixux f’aljenazzjoni, fis-sħab, imma nkunu nies ta’ veru, nies veri. Imma min-naħa l-oħra ma nkunux veri jekk inħallu lil dawn il-biżgħat jirkbuna għalkollox. Għax min jibża’ ħafna, jispiċċa biex ma jitħarrikx, jispiċċa biex lanqas jagħmel pass wieħed, biex jevita li tiġrilu xi ħaġa. Il-biża’, kif ngħidu, jimblokkana.
Kieku jkollna nkomplu nirriflettu, nindunaw li kull biża’ tagħna, fl-aħħar mill-aħħar, hu biża’ mill-waħx il-kbir, biża’ mis-swied il-kbir, biża’ mill-inċertezza l-kbira: biża’ mill-mewt. Ejjew inkunu veri: ilkoll kemm aħna għandna biża’ mill-mewt. Il-biżgħat kollha huma biża’ mill-mewt. Il-biża’ dwar uliedna, dwar il-futur tagħna, dwar jekk inlaħħqux ekonomikament jew le… Il-biża’ kbir li ngħixu fi żmienna jekk inlaħħqux mal-istandard jew le, jekk aħniex aċċettati jew le! Kemm għandna biża’ minn dan: jekk jagħmlulekx like jew le; mhux sempliċiment dak li hemm fuq il-Facebook, imma jekk tħossokx aċċettat veru jew le mill-oħrajn. Twerwir għandna minn din il-ħaġa: il-ħin kollu naraw l-oħrajn x’jistennew minna, x’jixtiequ minna, biex inġibu ruħna skont l-istandard tas-soċjetà! Kemm hu biża’ kbir dan… li niġu anniħilati, li niġu iżolati, li ma jibqgħalniex valur. Biża’ mill-mewt, fl-aħħar mill-aħħar!
Illum għandna aħbar kbira, li tmiss proprju lil dawn il-biżgħat: il-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt! Imma stranament, anki minn din l-aħbar nibżgħu! Dejjem jibqa’ biża’ mill-mewt, biża’ li nisparixxu, biża’ li din l-identità tagħna, li tant nieħdu ħsiebha, tant nikkurawha, tant inkunu kburin, biex ma ngħidx suppervi dwarha, għad jiġi żmien li tisparixxi. Illum jiġi Ġesù u jgħidilna: ‘Le! Intom ħajjin, u ser tibqgħu ħajjin’.
Ħa nippruvaw fil-qosor nagħmlu l-passi illi għamlu dawn it-tlieta min-nies: Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni; għalkemm l-Evanġelista Ġwanni ma jsemmix li kien hu, imma jgħid sempliċiment li kien id-dixxiplu l-maħbub. Imma aħna nidentifikawhom flimkien.
L-ewwel u qabel kollox, kieku kellna nerġgħu nisimgħu l-Evanġelju (Ġw 20:1-9), hemm kelma li tirrepeti ruħha, qisha biċċa mużika, li kultant terġa’ tisma’ biċċa minnha kontinwa fiha: il-kelma qabar. Il-kelma qabar, jew mnēmeion bil-Grieg, f’dak l-Evanġelju li qrajna, f’dawk il-ftit versi, tissemma seba’ darbiet. Għax il-kelma qabar hi stampata fil-qalb u fil-moħħ ta’ kull wieħed u waħda minna, irridu u ma rridux. Tant hi stampata li biex ngħidu l-kelma memorja, irridu ngħidu l-kelma qabar – għaliex il-kelma memorja u l-kelma mnēmeion jiġu minn xulxin. Anamnesis jgħidu l-Griegi, biex jgħidu l-kelma memorja. U aħna wkoll ngħidu memorja, qrib dik il-kelma mnēmeion – qabar. Forsi l-bniedem primittiv, oriġinarjament, l-ewwel tifkira li kellu kienet ta’ dawk ta’ qablu, li difinhom ’l hawn u ’l hemm, u biex jiftakar għamel il-mnēmeion, il-monument, il-qabar. L-ewwel tifkiriet primittivi tal-bniedem – Homo sapiens sapiens – kienu proprju l-qabar, stampat f’moħħna u f’qalbna, il-qabar fid-DNA tagħna.
U dawn it-tlieta min-nies jidħlu fil-qabar, u jsibu dak li ħadd ma jistenna. Ara taħsbu intom li d-dixxipli ġiethom tajba meta Ġesù rxoxta u ma mietx! Il-Ħdax daħlu f’ħafna problemi. Kieku dak miet, spiċċa u sparixxa, dawn ma kinux jidħlu f’dak l-inkwiet kollu li daħlu fih. Dawn spiċċaw kollha ħażin. Aħna llum inqimu lil San Ġorġ u lill-qaddisin, imma dawn għaddew minn martirji kbar, minn tbatija kbira, minħabba f’xi ħadd li qal: ‘Jiena mitt, u qomt!’. Taħsbu intom li ma kienx hemm konvinzjonijiet, li m’għamlux din l-esperjenza profonda tal-Qawmien ta’ Ġesù Rxuxtat, biex waslu saħansitra li jagħtu ħajjithom, mhux għalih, imma miegħu, bħalu! Għax fehmu li fl-aħħar mill-aħħar l-imħabba tirbaħ, il-ħniena tirbaħ, il-mogħdrija tirbaħ, il-maħfra tirbaħ. Mhux il-prepotenza, mhux il-flus, mhux il-ġid. Dawk jirbħu għal ftit, apparentement!
Allura din Marija ta’ Magdala tidħol f’dan il-mnēmeion. Tkun hi l-ewwel waħda li tmur ħdejn il-qabar, u ssib il-blata maqluba. L-Evanġelju jgħidilna li “rat il-blata mneħħija mill-qabar” (v. 1). Il-kelma li juża l-Evanġelista hija l-kelma blepei bil-Grieg, li tfisser li tara xi ħaġa bi żbrixx u tibqa’ għaddej. U hekk għamlet Marija. Kif tara l-qabar miftuħ, il-blata mneħħija u l-qabar vojt, x’jiġiha f’rasha? Mingħajr ma taħseb, x’jiġi f’moħħok? ‘Dan xi ħadd fetħu u seraq il-mejjet minn ġo fih’. Għax il-loġika tagħna hekk tipprevedi, hekk tiddettalna, hekk tgħidilna. Mela jekk il-qabar miftuħ, u l-katavru mhux hemm, ifisser li dan xi ħadd daħal u serqu. Blepei – li tara dak il-ħin, tiġġudikah kif tarah.
U “telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor, u qaltilhom: ‘Qalgħu l-Mulej mill-qabar’ (v. 2). Din hija storika. Hawnhekk tista’ tasal l-istorja u x-xjenza – il-qabar vojt, miftuħ. Imma x-xjenza weħidha mhix kapaċi tgħinna nagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu Rxoxt. Għandna bżonn tal-fidi. Issa naraw x’inhi din il-fidi. X’jiġri? Jitilqu jiġru t-tnejn flimkien: Ġwanni, li ngħidulu d-dixxiplu l-maħbub, u Pietru. U billi kien ħafif, id-dixxiplu l-maħbub jasal qabel. Imma l-Evanġelju jgħidilna: “Ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm” (vv. 5-6). Għal Pietru, l-Evanġelista juża verb ieħor għal ‘ra’. Ma jużax iktar blepei, imma juża l-verb theōrei, li l-kelma teorija ġejja minnha. Jidħol, jara l-faxex mitfugħin hemm, jew aħjar il-liżar mitfugħ hemm, “u l-maktur li kien madwar rasu; u dan ma kienx mal-faxex, mitwi u mwiegħed f’post għalih” (v. 7). Il-kelma li juża għal Pietru hija theōrei. Pietru ma għamilx bħal Marija ta’ Magdala, sempliċiment ra, u dak li ra interpretah mill-ewwel u qal: ‘Qalgħu l-Mulej mill-qabar u serquh; il-qabar miftuħ, daħal xi ħadd u ħadu’. Pietru qagħad jaħseb, jirrifletti: ‘Imma possibbli?’.
Terġa’, interessanti l-liżar kif kien! Il-verb użat fil-Grieg – b’xorti ħażina t-traduzzjoni ma tirrendix – juri li l-ġisem ta’ Ġesù ġie sfilat, bħallikieku l-liżar kien imniżżel mir-riħ, imma baqa’ bl-istess forma li kellu qabel, tal-ġisem taħtu. Imma kien imniżżel, xejn ġo fih; bħallikieku l-ġisem sfila ruħu minn ġo fih, mingħajr biss ma mess il-liżar b’xi mod. U l-istess il-maktur, imgeżwer, u l-forma tar-ras baqgħet hemm. Din hi t-traduzzjoni litterali: il-forma tar-ras baqgħet hemm fil-maktur, imma r-ras ma kinitx hemm.
U San Pietru jibda jaħseb u jirrifletti: ‘Imma veru qam?’. U jibda jaħseb x’kien qalilhom. Mela issa mhux biss blepei, qed ngħixu s-sitwazzjoni kif inhi, bħal Marija ta’ Magdala; imma theōrei, issa nibdew nirriflettu u naħsbu, nibdew nistaqsu. Pietru beda jirraġuna b’moħħu. Aħna għandna moħħ biex nirraġunaw, mhux sempliċiment sensi biex inħossu u naraw.
Wara li Pietru jara dan il-liżar u l-maktur, jidħol id-dixxiplu l-maħbub, Ġwanni. Hawnhekk għandna verb ieħor użat. Għax dan jara wkoll bħalhom, imma l-verb użat din id-darba mhux blepei, mhux theōrei, imma hu woráō, verb Grieg li jfisser ħafna iktar mit-tnejn l-oħra: inti tara, imma wara dak li tara b’għajnejk, qiegħed taħseb u tara ħafna iktar, tifhem ħafna iktar milli sempliċiment qed tara. U beda jiftakar fl-Iskrittura, jgħidilna l-Evanġelju. Beda jiftakar dak li fl-Iskrittura kien jitkellem dwaru, u dak li qal Ġesù nnifsu fuq il-qawmien mill-imwiet. Mela mhux iktar blepei, theōrei, imma issa woráō. “Id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen” (v. 8), jgħidilna l-Evanġelju.
Aħna ninsabu xi mkien f’dawn it-tliet verbi. Jista’ jkun ninsabu sempliċiment fi blepei: qabar vojt… allura, min jaf! Forsi f’theōrei, bħal Pietru… moħħna jaħdem: Imma veru qam? Veru ħa nqumu? Imma din storja ta’ veru? Storja ta’ biċ-ċajt? Imma dawn iridu jbellgħulna r-ross bil-labra? Ara taħsbu li aħna l-ewwel nies li bdejna niddubitaw, jew naħsbu jekk din l-aħbar kbira hux ta’ min jibża’ minnha jew ta’ min jaċċettaha! Imma hawn ukoll min woráō, min jara u jemmen.
Fejn hi d-differenza? Id-differenza tinsab fil-karatteristika tad-dixxiplu li jara u jifhem, li jara u jemmen, għax dan huwa d-dixxiplu l-maħbub. Aktar ma jkun hemm imħabba, aktar tifhem. Il-qawmien mill-mewt jista’ jifhmu biss min iħobb, min iħossu maħbub minn Ġesù, u min iħobb lil Ġesù. Hija esperjenza, mhux sempliċiment raġunament li jien nagħmel, u nikkonvinċi ruħi xjentifikament jew razzjonalment li Ġesù qam. Le! Imma hija esperjenza ta’ ħajja.
Ħa nġibu eżempju sempliċi biex niftiehmu. Qegħdin f’kamra; forsi minn hawn u ftit ieħor tkunu miġburin tagħmlu l-ikla tal-Għid, forsi l-aħwa jiltaqgħu fil-familja, jew mal-ħbieb, jew xi mkien. U għandek tarbija ċkejkna hemm, poġġejtha f’kamra oħra rieqda. U storbju, u kulħadd jgħid, u jiekol il-ħaruf tal-Għid, jew xi ħaġa oħra. Fid-daqqa u l-ħin inti tara lil din l-omm tqum u titlaq tiġri lejn din il-kamra, fejn għandha t-tarbija rieqda. Ħadd ma nduna x’ġara ħlief dik il-mara. Għax semgħet it-tarbija, imma semgħetha mhux biss b’widnejha. Nimmaġina li kien hemm ħafna nies oħrajn li kellhom widnejhom tajbin, forsi iktar minn ta’ dik l-omm, u ma semgħux lil dik it-tarbija. Min jismagħha lil dik it-tarbija? Min hu marbut magħha, min iħobbha! Ara naħsbu u nimmaġinaw li l-moħħ hu kollox, li r-raġuni hi kollox! Hemm raġuni oħra tal-qalb, li aħna nħaddmuha aktar milli naħsbu. Aħna iktar naġixxu minn qalbna u b’qalbna, milli b’rasna u b’moħħna. Kieku ċerti żbalji ma neħduhomx. Imma forsi kieku lanqas il-ftit fidi li għandna m’għandna!
Ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina li nagħmlu esperjenza tiegħu ħaj. Għadna kif smajna l-Kelma tiegħu. Jekk il-Kelma tiegħu qanqlet tama fina, qanqlet fiduċja ġejja minnu, se jkun hawn preżenti issa ħaj fl-Ewkaristija. Il-fidi tagħna mhix filosofija, mhix għarfien. Il-fidi tagħna hija esperjenza. Għalhekk l-Ewkaristija hija importanti, u għalhekk importanti li ngħixuha bl-istil tad-dixxiplu l-maħbub. Il-Mulej jagħtina li minn blepei ngħaddu għat-theōrei, u possibbilment għall-woráō. U hekk ikollna esperjenza ta’ Kristu ħaj, Kristu Rxoxt.