Għajnuna għall-ġenituri minn Joe Galea.
Fil-ġimgħat li ġejjin, mijiet ta’ tfal bniet u subien f’Malta u Għawdex jingħaqdu mal-bqija ta’ Kattoliċi u fl-Ewwel Tqarbina tagħhom jibdew jirċievu lil Ġesù Ewkaristija. Għalkemm għadhom ta’ 7 snin, jibdew jieħdu sehem ukoll fis-Sagrament tal-Qrar. Ikollhom xewqa kbira li jersqu għal dawn iż-żewġ Sagramenti.
Niżżel kopja tal-ktejjeb format PDF …
Biex l-Ewwel Tqarbina ma tkunx biss okkażjoni soċjali, irid ikun hemm mixja li tajjeb tkun akkumpanjata mill-ġenituri u minn dawk qrib tagħhom. Fil-jiem li jkun fadal għall-Ewwel Tqarbina, nieħdu l-okkażjoni biex din tkun festa li tressaq lit-tfal aktar lejn Ġesù.

X’ngħidu lit-tfal?
Qabel xejn nuruhom li l-Ewwel Tqarbina mhix festa iżolata mill-bqija tal-ħajja tagħhom. M’għandniex nagħlquha għal dawk il-jiem tal-festa. Għax is-sagramenti mhumiex maqtugħin għalihom. L-Eewwel Tqarbina għandha x’taqsam mal-ħajja kollha tat-tfal. Inkella tkun ċelebrazzjoni nieqsa minn dak li tfisser. Huwa loġiku li aħna niċċelebraw ħaġa li diġà qed ngħixu. Meta koppja tiċċelebra l-anniversarju taż-żwieġ, jagħmel sens li huma qed jagħmlu ħilithom għal ħajja kuntenta flimkien.
Nedukaw lit-tfal fis-sens ta’ radd il-ħajr
Biex it-tfal ikunu mħejjija għall-Ewwel Tqarbina, l-atmosfera li qed jgħixu fiha trid tkun waħda li tlestihom għall-Ewkaristija? Għax l-Ewkaristija tfisser trodd il-ħajr, mill-Grieg. U dan f’kull waqt ta’ ħajjitna.
Darba ntervistaw lill-mara ta’ Guglielma Marconi, li beda r-radju bil-wireless. Semmiet li żewġha kien jgħid: “Dak kollu li jiena, dak kollu li naf, huwa rigal ta’ Alla.” L- ewwel astronawta li niżel fuq il-qamar kien qalilha meta kien l-Italja: “Li ma kienx ir-raġel tiegħek, ma konniex naslu hemm fuq.” U San Pawl jgħid: “X’għandek int li ma qlajtux b’xejn? Mela jekk qlajtu b’xejn, għaliex titkabbar bih?” B’hekk it-tfal jersqu għall-Ewwel Tqarbina b’attitudni ta’ radd il-ħajr.
Dan ma jistax isir jekk ma jagħrufx japprezzaw. Jista’ jkun li mhumiex japprezzaw dak li jriċievu, tant ħwejjeġ, toys, logħob u fuq kollox il-kura tal-ġenituri ta’ kuljum. Ngħallmuhom iħarsu lejn il-qalb ta’ min tahom xi ħaġa u mhux biss lejn l-oġġett. Iridu jifhmu s-sagrifiċċju li ħaddieħor qed jagħmel għalihom. Ngħallmuhom jifhmu li rigal mhux bi dritt. Mingħajr dan it-tagħlim, inkunu qed intellfulhom is-sens tar-rigal. Meta rigal jidher inqas minn dak li stennew, ma nżidux id-diżappunt tat-tifel jew tifla, meta ngħidu: “Dan biss tak?” Mela l-ħbiberija mhix rigal fiha nnifisha? Meta t-tfal japprezaw ir-rigali, allura jifhmu r-rigal ta’ Alla, li: “hekk ħabb lid-dinja, li taha ‘l Ibnu l-waħdieni, biex kulmin jemmen fih, ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”
Is-sens ta’ l-offerta tagħna nfusna
Ġesù ta ħajtu għalina, Taħt il-għeneb u l-qamħ, Ġesù jiġġedded f’din l-offerta. Fihom hemm ħajjitna, il-ħidma, it-tama, il-mistrieħ, il-qtiegħ il-qalb, l-uġieh tal-mara marida u l-qalb maħfura ta’ raġel Ii safa waħdu. Għax hekk għamel Ġesù, kif hemm fil-Vanġelu: “Imħabba ikbar minn din ħadd m’għandu, li wieħed iħalli ħajtu għal ħbiebu.”
Nedukawkhom f’dan billi filgħodu joffru dak li se jagħmlu tul il-ġurnata. Kienu jgħidulna talba sabiħa: “Ġesù, għallimni nikteb sabiħ, biex kull kelma li nikteb, noffriha fjur sabiħ għalik.” Nies kbar raw f’ommhom persuna li ressqithom lejn Ġesù, bħall-President Amerikan Abraham Lincoln, li jgħid: “Ommi kienet anglu fuq l’art.”
Meta tifel jew tifla jiġu biex jagħtu rigal lil xiħadd li stedinhom għall-party, tajjeb li jagħżluh u jixtruh huma. Mhux isibuh lest, miksi u bil-card miktuba mill-ġenituri. Jippreżentawh huma u jiġu mgħallmin kif.
Xi drabi jkollhom jiċċaħħdu minn xi ħaġa biex iferrħu lill-oħrajn, imma nifhmu wkoll li f’din l-età hu naturali li jkun hemm ftit doża ta’ egoiżmu. Spiss dawk ta’ madwarhom jinteressawhom daqskemm se jmorru tajjeb minn fuqhom. Irridu noħorġuhom minn dil-qorxra u jibdew iferrħu lill-oħrajn. B’hekk jifhmu l-offerta tal-ħobż u tal-inbid fl-Ewkaristija.
Is-sens tal-għaqda ta’ bejnietna
L-Ewkaristija titlob sens ta’ għaqda bejnietna. Bħal meta ltqajna biex nieklu flimkien, għax l-element ċentrali tal-Ewkaristija hi l-ikla, kemm bil-Kelma ta’ Alla kif ukoll bit-Tqarbin. F’ikla hemm atmosfera ta’ ferħ, ta’ djalogu u ta’ ftehim madwar l-istess mejda. Ikun qed jirreċta minn jersaq għat-Tqarbin u mhux lest li jaħfer.
Ngħallmuhom fuq l-Ewkaristija bl-ikla normali tad-dar. Hu unur kbir għal-tifel jew tifla żgħar li jieklu madwar l-istes mejda u jieħdu l-istess ikel bħall-kbar. Bil-ħajja mgħaġġla l-ikla saret waħda mill-ftit okkażjonijiet meta l-familja tiltaqa’ flimkien u fejn wieħed jitkellem bil-kalma.
Ħaġa sabiħa li meta nistgħu nieklu fl-istess ħin, tal-inqas nhar ta’ Ħadd. Inżommu atmosfera ta’ ferħ, ta’ paċi u ta’ għaqda. Mhux il-ħin li nugżaw lit-tfal, jew nagħtu rapport li marru ħażin fl-iskola. L-ikla mhix il-ħin tal-argumenti. Nitkellmu fuq ħwejjeġ li jinteressaw lil kulħadd u napprezzaw l-opinjoni tal-aktar żgħir.
Għandna nagħtu post xieraq lit-talba, fejn l-omm, il-missier u t-tfal ifaħħru u jirringrazzjaw lil Alla. B’hekk l-ikla tagħna, anke dik ta’ kuljum tipprepara lit-tfal għall-Ewkaristija.
Infehemuhom l-ambjent ta’ festa li fiha l-Ewkaristija, speċjalment iI-Ħadd u iktar u iktar fl-Ewwel Tqarbina. Mhux immur b’obbligu, imma għax mistieden u mmur bil-ferħ. Bħal tifel li missieru ma kienx iħobb imur il-Knisja u pprova jtellef lit-tifel milli jmur il-Quddies. It-tifel ġie lura mill-knisja u missieru staqsieh: “Inti għalfejn tmur il-Quddies, daqskemm tkun twila?” “Veru, papà”, wieġbu t-tifel, “u l-kQassis nesa tliet affarijiet li jrid ikn hemm fil-prietka tal-Quddiesa: il-prietka trid tkun qasira, bi kliem ċar u interessanti.” Misieru qallu: “Mela għalfejn tmur?” “Papà”, wieġbu t-tifel, “jiena mmur il-Quddies għax Ġesu jieħu pjaċir!”
Noqogħdu attenti dwar liema kliem nużaw
Meta nitkellmu mat-tfal, ma ngħidux: “Ġesù jinżel mis-sema fuq l-altar”, imma “Il-ħobż u l-inbid saru Ġesù”; mhux: “Ġesù daħal fl-Ostja”, imma “L-Ostja hi Ġesù”; mhux li “jisma’ lil Ġesù jkellmu f’qalbu” imma li “joqgħod attent għall-kelma ta’ Alla u jitlob”. It-tifel u t-tifla m’għandhomx jibżgħu li jigdmu l-Ostja, imma jikluha.
Ma nistennewx affarijiet kbar mit-tfal. In-nanna ta’ tifel staqsietu:
“X’se tgħidlu lil Ġesù fil-Preċett?”
“Inħobbok”.
“U x’aktar?”
“Inħares lejh.”
“Imma dan biżżejjed?”
“Int mhux biżżejjed meta ngħidlek inħobbok u nħares lejk?”