PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONIA
(16-23 TA’ ĠUNJU 1983)
INKORONAZZJONI TAL-MADONNA DELLA NEVE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ippodromu ta’ Wrocław, 21 ta’ Ġunju 1983
1. “Imberkin dawk li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja, għaliex ikunu mxabbà” (Mt 5, 6).
B’din il-barka tad-Diskors tal-muntanja l-liturġija sollenni tallum tqim lil Santa Edwige ta’ Slesia. B’din il-barka Opolearka nsellem lill-belt ta’ Breslavia fl-art antikissma tal-Piast. Insellem lill-Knisja metropolitana, li tinsab f’Breslavia u tiġbor madwarha l-Knejjes suffraganji ta’ Gorzów u ta’ Opole. F’dawn il-Knejjes insellem lill-Poplu kollu ta’Alla tal-Bassa Slesia, tal-art ta’ Lubusz u ta’ dik ta’ Opole, li se ningħata li nżurha mill-ġdid illum, billi nagħmel żjara lis-Santwarju tal Muntanja Sant’Anna.
Insellem lill-Metropolita ta’ Breslavia, l-Arċisqof Enriku, kif ukoll lill-Isqfijiet awżiljarji ta Breslavia, L-Isqof Vinċens l-iktar anzjan fl-età u l-Isqfijiet Taddew u Adam. Ta’ Gorzów insellem lill-Isqof Guliermu, li flimkien miegħu kont imsejjaħ għall-episkopat fl-istess jum, u lill-Isqof awżiljarju Pawlu, li lilu ngħatali li nqiegħed fuqu jdejja, biex nagħtih l-Ordni episkopali. Insellem ukoll lill-Isqof Alfonsu ta’ Opole u l-Isqfijiet awżiljarji, li se jkolli l-possibiltà li nsellmilhom fid-dijoċesi tagħhom.
Nieħu pjaċir bil-preżenza ta’ ħafna Isqfijiet Pollakki; u wkoll tal-mistednin li ġew minn barra.
2. Fi Breslavia ġejt bosta drabi fl-imgħoddi. Kont niġi minn Krakovja, b’mod speċjali fiż-żmien li fih l-Arċisqof u wara Metropolita ta’ Breslavia kien il-mibki Kardinal Boleslaw Kominek, ragħaj ta’ merti kbar għall-Knisja u għas-soċjetà fil-Bassa Slesia; u kont niġi wara taħt l-attwali suċċessur tiegħu. Naf sewwa l-katidral gotiku, li jfakkar iż-żminijiet tal-Isqof Nanker, li fihom diversi drabi ingħatali li niċċlebra l-Ewkaristija u nxandar il-kelma ta’ Alla. Nixtieq imbagħad insellem lill-Kapitlu metropolitan u wkoll lill-kleru kemm ta’ Breslavia, kif ukoll tad-dijoċesijiet l-oħra, kif ukoll il-familji reliġjużi maskili u femminili. Kuntatti spissi jgħaqqduni mas-Seminarju ekkleżjastiku ta’ Breslavia u mal-Fakultà Pontifiċja tat-tejoloġija. Illum nixtieq insellem ukoll lil dawn l-istituzzjonijiet hekk important għall-futur tal-Knisja u għall-iżvilupp tal-kultura kattolika fil-Bassa Slesia.
Meta kont fil-Polonja fl-1979, Breslavia u l-Bassa Slesia ġew f’Jasna Gora jġorru magħhom ir-relikwi ta’ Santa Edwige. Dawn huma relikwi tassew prezzjużi u għeżież, ukoll għaliex ifakkruni fil-jum tas-16 ta’ Ottubru 1978, sollennità liturġika ta’ Santa Edwige, meta bid-digrieti inskrutabbli tal-Providenza Divina kont imsejjaħ għas-Sedja ta’ San Pietru f’Ruma. Illum, fl-isfera tat-tieni pellegrinaġġ f’Art Twelidi, marbut mal-Ġublew ta’ Jasna Gora, ingħatali li niġi fi Breslavia; u hawn, flimkien magħkom, għeżież ħuti, nistà ntenni maġemb ir-relikwi tal-qaddisa patruna tagħkom: “Imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għaliex ikunu mxebbà”.
Dan il-kliem jindirizzaw qlubna wkoll lejn il-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni, li permezz tiegħu l-Knisja kollha tixtieq tikseb b’mod iktar abbundanti min-nixxigħat tar-Redentur.
3. Il-Qaddisin huma l-persuni tat-tminn beatitudni. Kellha ġuħ u għatx ta’ ġustizzja Santa Edwige ta’ Slesia, dik il-mara perfetta (cf. Pro 31, 10), kif dwarha jgħid l-ewwel qari tal-liturġija tallum. Hija kienet mill-Ġermanja, mill-familja tal- Kontijiet Bavareżi Diessen-Abdechs, u minn hemm ġiet fl-art tal-Piast u daħlet fil-familja tal-Piast, bħala għarusa ta’ Enriku magħruf bħala l-Barbuto. Hawn ninsabu bejn it-XII u t-XIII-il seklu. Dak kollu li jgħid il-Ktieb tal-Proverbji dwar il-“mara perfetta” jinħtieġ li nirreferuh għall-Prinċipessa Edwige bħala għarusa u omm. U għadu japplika għaliha, għal kumplament ta’ ħajjitha, bħala armla (għalhekk it-tieni qari liturġiku jitkellem illum dwar ir-romol).
Meta romlot, hija skopriet li, permezz tas-sejħa għaż-żwieġ u l-maternità, Kristu kien ħejjiha għal vokazzjoni oħra, li grazzi għaliha kellha twettaq sal-aħħar r-rieda ta’ Alla billi ssir – permezz tad-dedikazzjoni sħiħa esklussiva lill-Għarus Divin billi tassumi stil ta’ ħajja reliġjuża – “oħt u omm” ta’ Kristu, skont kliemu: “Min iwettaq ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, oħti u ommi” (Mk 3, 35). Naqraw dan il-kliem fil-Vanġelu tallum. Edwige ta’ Slesia wettqet sal-aħħar ir-rieda ta’ Alla, billi saret fl-Ispirtu Santu “oħt u omm” ta Kristu stess.
U din il-maternità tagħha spiritwali kellha titwettaq u tikkonferma ruħha b’mod partikolari rigward il-propju binha Enriku, imsejjaħ il-Piju. Huwa tilef ħajtu – kif ilkoll nafu – fil-kumbattiment diżugwali, qrib Legnica, kontra t-Tartari, li dak iħ-żmien, fl-ewwel nofs tas-seklu XIII, kienu ppenetraw bit-truppi ġellieda tagħhom ‘il ġewwa sewwa lejn il-Punent, tul l-art kollha Pollakka. Enriku l-Piju miet fuq il-kamp tal-battalja, imma t-Tartari ma komplewx javanzaw, anzi, bdew jirtiraw lejn il-Lvant, waqt li hekk ħallew liberi l-artijiet tal-Piast mill-ħakma tagħhom.
Wieħed jistà jgħid li diġa dak iż-żmien il-Polonja saret is-sur tal-Krisjaneżmu.
Madre Edvige għarfet tgħix bi spirtu ta’ fidi l-mewt ta’ binha Enriku, tixbaħ f’dan lill-Ġenitriċi ta’ Alla, li wieqfa f’riġlejn is-salib fuq il-Kalvarju, kienet offriet is-sagrifiċċju ta’ Binha divin, għas-salvazzjoni tad-dinja. B’dan il-mod Santa Edwige ta’ Slesia daħlet fl-istorja tal-Polonja u f’dik tal-Ewropa.
4. F’din l-istorja hija kważi figura ta’ fruntiera, li tgħaqqad bejniethom iħ-żewġ Nazzjonijiet: in-Nazzjon Tedesk u dak Pollakk. Tgħaqqadhom fl-ark ta’ bosta sekli tal-istorja, li kienet diffiċli u doloruża. Santa Edwige, f’nofs il-provi kollha tal-istorja tibqà għal madwar sebà sekli bħala dik li tinterċedi għal fehim u konċiljazzjoni reċiproka skont l-esiġenzi tad-dritt tan-Nazzjon, tal-ġustizzja internazzjonali u tal-paċi. Nistgħu ngħidu li, ukoll grazzi għall-interċessjoni tagħha, is-Sedja Apostolika setgħet tipproċedi għan-normalizzazzjoni ekkleżjali f’dawn it-territorji, li, wara t-tieni gwerra dinjija, wara tant sekli, saru mill-ġdid parti mill-Istat Pollakk, bħal fiż-żminijiet tal-Piast. Niftakru, infatti, li Breslavia, bħala veskovat, sa mis-sena 1000, daħlet tagħmel parti mill-metropoli ta’ Gniezno, u dan l-istat baqà sas-sena 1821.
Irrid hawn nagħti l-kelma lil Iben tal-art ta’ Slesia u fl-istess ħin lill-ewwel, wara t-tieni gwerra dinjija, Metropolita ta’ Breslavia. Hawn hu l-kliem li ppronunzja l-Kardinal Boleslaw Kominek: “Qrib il-pont tal-Katidral ta’ Wroclow, li jwassal għall- Gżira tal-Piast, hemm statwa tal-ħaġar ta’ Edwige. Din tinsab fuq il-pont li jgħaqqad ix-xtut tal-Lvant u l-Punent tax-xmara Oder. Din tiġbed il-ħarsa ta’ dawk kollha li jiġu u twassalhom biex jaħsbu li ilkoll aħna aħwa, indipendentement mil-fatt fuq liema xatt jgħixu.
Magħqudin f’din il-fratellanza ta’ Kristu, insellmu b’mod reċiproku lil xulxin. Il-misteru ta’ Kristu fuq l-altar u l-fratellanza tal-bnedmin fuq liema xatt jgħixu għaqqduna flimkien f’isem il-Mulej.
Ejjew nitolbu lill-Patruna tagħna tas-Slesia, sabiex tiksbilna mingħand it-Trinità Qaddisa l-paċi, il-ftehim u l-fratellanza fil-familja umana tas-soċjetajiet u tan-Nazzjonijiet” (Trzebinca, 15 ta’ Ottubru 1967).
Din l-idea tal-fehim reċiproku u tar-rikonċiljazzjoni (“Versöhnung”), kif inhu magħruf, kellha bosta rappreżentanti tal-Episkopat Pollakk. Jiena stess kelli sehem f’tali żjara, flimkien mal-Kardinal Stefan Wyszynski, ftit ġimgħat qabel ma kont elett għas-Sedja ta’ Pietru.
5. Ejjew, mela, inħarsu lura, għal iktar minn sebà sekli lejn Santa Edwige, u naraw fiha dawl kbir, li jdawwal il-problemi umani tal-ġirien tagħna u fl-istess ħin ta’Art Twelidna. F’ħajjitha kważi kienet il-milja tal-vokazzjoni nisranija. Santa Edwige qrat il-Vanġelu sal-aħħar u fil-verità vivifikanti tiegħu. Ma kienx hemm fiha diverġenza bejn il-vokazzjoni tal-armla – fundatriċi tal-kunvent ta’ Trzebnika –, u l-vokazzjoni tal-għarusa, omm fid-dar tal-Piast, ta’ Enriku. Ħaġa ġiet wara l-oħra u fl-istess ħin, il-waħda kienet b’mod profond radikata fl-oħra. Edwige sa mill-bidu kienet tgħix għal Alla, kienet tgħix bl-imħabba ta’ Alla qabel kollox, propju kif jgħid l-ewwel kmandament tal-Vanġelu. Hekk għexet fiż-żwieġ bħala mart u omm. U meta sfat armla, hija nnutat b’faċilità li din l-imħabba ta’ Alla fuq kollox setgħet issa ssir esklussiva għall-Għarus divin. U segwiet din il-vokazzjoni.
Fil-kmandament evanġeliku tal-imħabba jinsab, infatti, is-sors l-iktar profond tal-iżvi;upp spiritwali tal-bniedem. U għalhekk lilkom ilkoll, għeżież ħuti, konnazzjonali tiegħi, li hawn fi Breslavia u fil-Bassa Slesia dħaltu f’dan il-wirt partikolari ta’ Santa Edwige, nawgura b’qalbi kollha li ħajjitkom personali, familjari u soċjali tibbaża lilha nfisha, skont il-mudell tagħha, fuq il-kmandament tal-imħabba. Din hi flimkien is-sors l-iktar profond tal-kultura umana u tan nazzjonijiet. Huwa mill-kultura morali li jiddependi l-progress essenzjali tagħhom. Il-bniedem huwa esseri maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla; minħabba dan l-iżvilupp essenzjali u l-kultura vera tiegħu jirriżultaw mill-għarfien ta’ din ix-xbiha u xebħ u mill-formazzjoni perseveranti tal-umanità propja tiegħu fuq dan il-qies uman u fl-istess ħin divin..
Hemm bżonn li intom, li nġbartu hawn, li twelidtu u kbirtu fil-Bassa Slesia, fuq il-passi tal-Patruna kbira tagħkom, Omm il-Piast, taqraw sa ċertu sens fuq irkubbtejha l-Vanġelu, hekk kif kienu jaqrawh uliedha, kif kien jaqrah il-Prinċep Enriku l-Piju, l-eroj ta’ Legnica, u b’dan il-mod tikkonsolidaw fikom stess l-bażijiet l-iktar profondi tal-morali umana u nisranija, li huwa fl-istess ħin sies tal-kultura u tan-Nazzjon u kondizzjoni tal-iżvilupp tiegħu.
6. “Fuqha tistrieħ qalb żewġha” (Pro 31, 11): hekk jgħid il-ktieb tal-Proverbji dwar il-“mara perfetta”. Hemm bżonn li aħna nġibu quddiem għajnejn ruħna x-xbiha ta’ din id-dar tal-Piast, ta’ dik il-familja li fiha Edwige kienet għarusa u omm. Il-komunità matrimonjali u familjari tibni ruħha fuq il-fiduċja reċiproka. Dan huwa l-ġid fundamentali tar-rapporti mutwi fil-familja: ir-rapport tal-ġenituri u l-ulied. Is-sies l-iktar profond ta’ dawn ir-rapporti hija fl-aħħar minn l-aħħar il-fiduċja li Alla nnifsu jgħajjex fil-konfront tal-għarajjes, billi joħloqhom u jsejħilhom għall-ħajja tal-komunità konjugali u familjari.
Propju fuq din il-fiduċja fil-ġenituri Alla bbaża r-rapport bejn l-ulied u l-ġenituri. “Fihom tistrieħ il-qalb ta’ Alla”. Fuq il-fiduċja tiegħu, b’mod partikolari fl-omm, Alla bbaża r-rapport iben-omm. “Fiha tistrieħ il-qalb ta’ Alla”! Alla Missier ried hekk jassikura l-ħajja tat-tarbija, it-teżor tiegħu, li hi, sa mill-waqt tal-konċepiment tagħha, tiġi afdata lill-attenzjoni tal-eqreb proxxmu għat-tarbija: lil ommha propja. “Fiha tistrieħ il-qalb ta’ Alla”. Familja hija hi nfisha, u tibni lilha nfisha fuq tali rapport, fuq il-fiduċja reċiproka, dwar id-dipendenza reċiproka.Biss fuq tali sies jistà wkoll jinbena l-proċess ta’ edukazzjoni, li jikkostitwixxi l-iskop essenzjali tal-familja u d-dmir ewlieni tagħha. Fl-attwazzjoni ta’ tali dmir il-ġenituri ma jistgħu jkunu sostitwiti minn ħadd, u ħadd ma jistà jieħu lill-ġenituri dan id-dmir primordjali tagħhom. Fl-istess ħin, mhu qatt inutli li wieħed ifakkar li l-attwazzjoni ta’ dan id-dmir timponi fuq il-ġenituri esiġenzi mportanti. Il-ġenituri stess jridu jkun edukati huma stess biex ikunu jistgħu jedukaw, u għandhom ukoll jedukaw kostantament lilhom infushom biex ikunu jistgħu jedukaw lill-oħrajn. Biss b’dawn il-kondizzjonijiet, b’tali atteġġjament intern, il-proċess ta’ edukazzjoni jistà jkun fruttuż. Ladarba tant jistà jiddependi llum – fil-Bassa Slesia u fil-Polonja kollha – minn process ta’ edukazzjoni fruttuż u effikaċi fil-familja, huwa għaliex dan kollu għandu mportanza fundamentali għall-futur tan-Nazzjon kollu u – kważi ngħid – għall-ġid tal-Istat Pollakk!
7. “Fiha tistrieħ il-qalb ta’ żewġha . . .” naqraw fil-liturġija tal-festa ta’ Santa Edwige. Għaliex il-qalb tar-raġel tistrieħ f’martu? Għaliex il-qalb tal-mara miżżewġa tistrieħ f’żewġha? Għaliex il-qlub tal-ulied jistrieħu fil-ġenituri? Din hija bla dubju espressjoni ta’ mħabba, li fuqha jinbena kollox fil-morali u fil-kultura sa mill-irbit fundamentali interuman. Madankollu, din l-imħabba għadha tiddependi mill-verità. Il-miżżewġin għandhom fiduċja reċiproka, għaliex jemmnu lil xulxin, għaliex jiltaqgħu fil-verità. L-ulied jafdaw fil-ġenituri għaliex jistennew mingħandhom il-verità, u tant jafdaw f’dak li mingħandhom jirċievu l-verità. Il-verità, mela, hija s-sies tal-fiduċja. U l-verità hija wkoll il-qawwa tal-imħabba. Viċiversa ukoll l-imħabba hija l-qawwa tal-verità. Fil-qawwa tal-imħabba l-bniedem huwa dispost li jaċċetta saħansitra l-verità l-iktar diffiċli, l-iktar esiġenti. Enriku kien dispost li jaċċetta l-verità li kellu bżonn jagħti ħajtu u ommu, Santa Edwige, għarfet taċċetta l-verità tal-mewt ta’ binha.
8. Teżisti wkoll rabta li ma tinħallx bejn verità u mħabba u morali u kultura umana. Wieħed jistà jinnota b’ċertezza li biss f’din ir-rabta reċiproka l-bniedem jistà jgħix verament bħala bniedem. Dan huwa mportanti f’kull dimensjoni. Dan huwa mportanti fid-dimensjoni tal-familja, li hija komunità umana fundamentali. Imma dan huwa mbagħad important fid-dimensjoni tas-soċjetà l-kbira kollha, li hija n-Nazzjon. Dan huwa mportanti fid-dimensjoni tal-ambjenti ndividwali speċjalment ta’ dawk li min-natura tagħhom għandhom dmir edukattiv, bħall-iskola u l-università. Dan huwa mportanti għal dawk kollha li jfittxu l-kultura tan-Nazzjon: għall-ambjenti artistiċi, għal-letteratura, il-muħika, it-tejatru, l-arti plastika. Toħloq fil-verità u fl-imħabba. Wieħed jistà jsostni li, iktar ma huwa vast iċ-ċirku, daqstant iżgħar hija l-fokalizzazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Bdanakollu, wieħed m’għandu jissottovalutizza ebda ċirku, jiġifieri ebda ambjent, ebda istituzzjoni, ebda mezz jew strument ta’ komunikazzjoni u ta’tixrid ta’ideat.
9. In-Nazzjon Pollakk kollu għandu jgħix fil-fiduċja reċiproka! U din il-fiduċja tistrieħ fuq il-verità. Din, anzi, għandha terġa tikseb din il-fiduċja fiċ-ċirku l-iktar wiesà tal-eżistenza soċjali tagħha. Din hija problema għal kollox fundamentali. Ma naħsibhiex darbtejn li ngħid li propju minn dan – qabel kollox minn din il-fiduċja mibnija fuq il-verità – jiddependi l-futur ta’ Art Twelidna. Hemm bżonn li ċentimetru wara ċentimetru, jum wara jum, tinbena l-fiduċja! Id-dimensjonijiet kollha tal-esseri soċjali, bħad-dimensjoni politika u d-dimensjoni ekonomika, u naturalment, id-dimensjoni kulturali u kull dimensjoni oħra, jibbażzw ruħhom fl-aħħar minn l-aħħar fuq din id-dimensjoni etika fundamentali: verità-fiduċja-komunità. Hekk hi fil-familja, Hekk hija wkoll, fuq skala oħra, fin-Nazzjon u fl-Istat. Hekk fl-aħħarnett hija fil-familja kollha tal-umanità.
“Itlaq minn pajjiżek, minn Art Twelidek u minn dar missierek, lejn il-pajjiż li jiena nindikalek . . .; jiena se nkabbarlek ismek” (Ġen 12, 1-2). Il-liturġija tallum tapplika dan il-kliem għal Santa Edwige ta’ Slesia. Hija ġiet għandna minn art barranija, daħlet fil-familja tal-Piast u fl-istorja tagħna, biex terġa tixhed, wara sebà sekli, xi veritajiet sempliċi u prinċipji fundamentali, li mingħajrhom mhemmx ħajja tassew umana; li mingħajrhom la jistgħu jgħixu u linqas jiżviluppaw, mhux biss il-bnedmin u l-familja, imma wkoll in-Nazzjon.
10. Imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja! Hawn hawn fi Breslavia u hawn fil-Bassa Slesia, hawn hawn fil-Polonja kollha, ħafna bnedmin, li għandhom ġuħ u għatx tal-ġustizzja.
Naħseb f’dan il-waqt dwar il-bnedmin tax-xogħol iebes ta’ kuljum: dwar il-kampanja Pollakka, dwar il-bnedmin li jikkultivaw l-art, dwar l-ambjenti ta’ formazzjoni, dwar l-Università ta’ Wroclaw u dwar l-iskejjel superjuri, dwar l-iskejjel l-oħra, dwar il-bnedmin tax-xjenza u tal-kultura, dwar l-artisti, dwar il-minaturi, dwar il-metalmekkaniċi, dwar il-ħaddiema ta’ “PaFaWag” (fabbrika kbira tal-karrozzi), dwar stabbilimenti oħra, dwar l-impjegati tal-amministrazzjoni, dwarkom li twettqu l-kmandamenti tal-Ħallieq: “Rażżnu l-art”, qiegħed inwassal s-solidarjetà tiegħi u tal-Knisja.
Dan il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja wrew ruħhom b’mod speċjali matul l-aħħar snin.
Jiena nixtieq sinċerament, bħala Ragħaj tal-Knisja u fl-istess ħin bin in-Nazzjon tiegħi nikkonferma dan il-ġuħ u l-għatx, li jbaqbaq mir-riżorsi b’saħħithom tal-ispirtu Pollakk: mis-sens tad-dinjità tax-xogħol uman, mill-imħabba ta’ Art Twelidna u mis-solidarjetà, jiġifieri mis-sens tal-ġid komuni.
Irrid, fl-istess ħin, nippreserva dan il-ġuħ u għatx ġust tal-ġustizzja tal-moltitudni l-kbira tal-konnazzjonali tiegħi minn dak kollu li jisfigurhom u jdgħajjifhom. Imma fl-istess ħin, irrid ukoll neħlishom u niddifendihom mill-oġġezzjonijiet u l-akkużi kollha nġusti, minn kull naħa li dawn jiġu.
Għal dak li huwa il-ġuħ u l-għatx ġust tal-ġustizzja fil-ħajja tan-Nazzjon hemm bżonn inwieġbu b’mod tali, li n-Nazzjon kollu jerġa jakkwista l-fiduċja reċiproka. Dan la nistgħu nittraskurawh u linqas neliminawh. Ma nistgħux nittraskurawh, għaliex, kif jgħid il-poeta tagħna, “Art Twelidna hija dmir reċiproku kbir”, li jobbliga “Art Twelidu għall-bniedem” u “il-bniedem għal Art Twelidu” (C. K. Norwid, Tifkira dwar l-emigrazzjoni ġovanili).
In-Nazzjon Pollakk, speċjalment Wroclaw u l-poplu tal-Bassa Slesia, b’ħarsithom iffissata fuq il-figura tal-għaġeb ta’ Santa Edwige, Omm il-Piast, ifakkar lil dawk kollha li mietu tul it-tieni gwerra dinjija, il-mejtin kollha tul il-korsa ta’ dawn l-40 sena wara tmiem il-gwerra, lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-ġrajjiet tal-aħħar snin. Wroclaw u il-poplu tal-Bassa Slesia, b’ħarsithom iffissata fuq il-figura tal-għaġeb ta’ Santa Edwige, Omm il-Piast, f’din l-art, tistqarr b’fidi, tama u karità: “Imberkin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għaliex ikunu mxebbà!”.
Fi tmien il-konċelebrazzjoni il-Qdusija Tiegħu sellem lil dawk preżenti:
Ingħatali li ninkuruna l-istatwa mirakoluża tal-Madonna tas-Silġ, li ssaltan fir-reġġjun tas-Sudeti u taqlà b’mod ġeneruż il-grazzji. Din hija protettriċi b’mod partikolari tal-persuni milquta mill-mard tal-għajnejn, tan-nisa li jixtiequ l-ulied, tat-turisti u tal-isportivi. Sors tal-ferħ tagħna! Waqt li nqiegħed il-kuruna fuq ir-ras tal-Iben u tal-Omm, ejjew ngħidu: “Inti Omm Alla, inti ommna, inti s-Sultana tagħna. F’idejk, Medjatriċi ta’ kull grazzja, ħajjitna u s-salvazzjoni tagħna. Qegħdin ninġabru llum flimkien u qegħdin inqegħdu f’riġlejk il-fidi, it-tama, l-imħabba tagħna u dawk tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Kun int il-ferħ tagħna, bħal fl-imgħoddi, hekk ukoll illum ibgħat lil qlubna il-grazzji, hekk bħalma tinżel il-grazzja tas-silġ fuq il-muntanji, fejn tgħammar. Nafda lili nnifsi u l-ministeru tiegħi għall-Knisja universali fuq is-Sedja ta’ Pietru f’Ruma għat-talb tal-pellegrini li jiġu jżuruk, o Madonna tas-Silġ .
Jalla Alla jippremjakom għal din il-laqgħa enormi. Jalla Alla jippremjakom għal din l-għaqda mmensa tat-talb. Jalla Alla jippremjakom għat-tħejjija ta’ dan il-post manifiku. S’issa ħsibt li naf lil Breslavia, iżda dwar dan il-post ma kont naf xejn. Sirt nafu biss illum. Alla jippremjakom.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb