Papa lill-Isqfijiet Anglikani: ‘Djalogu paċenzjuż’ meħtieġ dwar il-primat papali

Din il-ġimgħa, isqfijiet mill-komunità Anglikana jinsabu Ruma, għal-Laqgħa tal-Primati tal-2024 – l-ewwel tax-xorta tagħha li qed issir fil-Belt Eterna. L-Ħamis filgħodu, l-parteċipanti, inkluż l-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, iltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Il-Papa Franġisku beda l-indirizz tiegħu billi rringrazzja lill-Arċisqof Welby tal-preżenza tiegħu, filwaqt li nnota, li l-Isqof Welby, “bdejt is-servizz tiegħek bħala Arċisqof ta’ Canterbury madwar l-istess żmien li bdejt jien bħala Isqof ta’ Ruma.” “Minn dak iż-żmien,” żied il-Papa, “kellna ħafna okkażjonijiet biex niltaqgħu, nitolbu flimkien u nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fil-Mulej. Għażiż ħija Justin, grazzi ta’ din il-kooperazzjoni fraterna f’isem l-Evanġelju!” Il-Qdusija Tiegħu saħaq b’mod partikolari l-vjaġġ konġunt lejn is-Sudan fl-2023, li, qal, kien “verament sabiħ”.

Il-Papa Franġisku kompla billi rringrazzja lill-Isqfijiet miġbura talli għażlu lil Ruma, “l-belt tal-Appostli Pietru u Pawlu”, bħala l-post tal-laqgħa tagħhom din is-sena. “Nirrealizza”, qal il-Papa, “lir-rwol tal-Isqof ta’ Ruma għadu kwistjoni kontroversjali u ta’ firda fost l-insara.” Huwa kkwota d-definizzjoni tal-Papa Girgor il-Kbir, l-Isqof ta’ Ruma jrid ikun bħala servus servorum Dei, jew ‘qaddej tal-qaddejja ta’ Alla’, u ssuġġerixxa li realtà preċiża tal-awtorità tal-Papa qatt ma tista’ tinqala’ mis-servizz tiegħu lill-komunità Nisranija.

“Għalhekk”, saħaq il-Papa Franġisku, “jeħtieġ li wieħed jidħol fi ‘djalogu paċenzjuż u fratern dwar dan is-suġġett, djalogu li, jħalli l-kontroversji inutli warajh, jistinka biex jifhem kif il-ministeru Petrin jista’ jiżviluppa bħala servizz ta’ mħabba għal kulħadd.” B’xort tajba, innota l-Papa, “nkisbu riżultati pożittivi fid-diversi djalogi ekumeniċi dwar il-kwistjoni tal-primat bħala ‘rigal li għandu jinqasam’.”

Tema ewlenija oħra tad-diskors tal-Papa Franġisku kienu l-lezzjonijiet li l-ewwel Knisja setgħet toffri għall-ekumeniżmu modern. Filwaqt li, qal il-Papa, l-Atti tal-Appostli huma fuq kollox ikkonċernati “mit-tixrid ferrieħi tal-Evanġelju”, l-awtur “ma jaħbix mumenti ta’ tensjoni u nuqqas ta’ ftehim, li spiss jitwieldu mill-fraġilità tad-dixxipli, jew approċċi differenti lejn ir-relazzjoni mat-tradizzjoni tal-passat.”

Spiss ninsew, innota l-Papa, li anke dawn l-ewwel Insara – li kien “għarfu lill-Mulej u kienu ltaqgħu miegħu kif qam mill-imwiet” – kienu maqsuma fil-fehim tagħhom tal-fidi. Aħna, bħalhom, issuġġerixxa l-Papa Franġisku, rridu nitgħallmu nafdaw lilna nfusna f’idejn l-Ispirtu s-Santu.

“Aħna msejħin”, qal, “nitolbu u nisimgħu lil xulxin, infittxu li nifhmu t-tħassib ta’ xulxin u nistaqsu lilna nfusna.. jekk konniex doċli għat-tqanqil tal-Ispirtu, jew iddominati mill-opinjonijiet personali jew ta’ grupp tagħna stess.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-05/pope-anglican-primates-2024-justin-welby-papal-primacy-dialogue.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading