Din kienet it-tema ta’ webinar imniedi mid-Dikasteru għal-Lajċi u l-Familja flimkien mal-Kummissjonijiet Familja u Ħajja tal-Konferenzi tal-Isqfijiet madwar id-dinja.

Fit-18 ta’ April, id-Dikasteru ospita laqgħa online li għaliha attendew kważi 200 ruħ fosthom kapijiet tal-Kummissjonijiet Familja u Ħajja tal-Konferenzi tal-Isqfijiet, rappreżentanti ta’ movimenti u assoċjazzjonijiet tal-familja, u membri ta’ istituti ta’ riċerka li huma parti min-Netwerk Internazzjonali tal-Istituti Universitarji għall-Familja (REDIUF), flimkien ukoll mal-Familja Global Compact immexxi minn dan id-Dikasteru.
Fid-dawl ta’ ‘Dignitas infinita’ – Dikjarazzjoni li ġġedded l-impenn tal-Knisja universali li tiddefendi d-dinjità, il-ħajja u l-integrità ta’ kull bniedem mill-konċepiment sal-mewt naturali – u fid-dawl tal-isfidi attwali dwar il-bijoetika u l-bijoliġi, f’dan il-webinar ta’ tliet sigħat ħadu sehem esperti li approfondiw u ddiskutew kwistjonijiet speċifiċi li huma ta’ tħassib partikolari għar-rgħajja pastorali u l-familji madwar id-dinja llum.
L-għan komuni kien li jiġi studjat kif tinbena pastorali organika tal-ħajja umana li tesprimi l-impenji evanġeliċi u pedagoġiċi indirizzati lill-familji, komunitajiet, djoċesijiet, u parroċċi.
Id-diskors introduttorju mis-Sotto Segretarju Gabriella Gambino poġġa l-pedamenti għall-bini tal-azzjoni ekkleżjali flimkien; l-integrazzjoni tal-formazzjoni tal-lajċi fuq kwistjonijiet tas-soċjetà; li jiffurmaw kuxjenzi; u jakkumpanjaw lill-fidili fid-dixxerniment konsistenti mal-antropoloġija Nisranija, il-Maġisteru, u l-veritajiet tal-fidi tagħna.
Ideat u ispirazzjoni pedagoġika marbuta mal-ippjanar tal-kura pastorali fid-djoċesijiet u fil-Kummissjonijiet Familja u Ħajja tal-Konferenzi tal-Isqfijiet kien ppreżentati minn Father Michal Vojtáš, Viċi-Rettur tal-Università Pontifikali Salesjana.
Leonardo Nepi – uffiċjal tad-Dikasteru għal-Lajċi u l-Famila – elenka l-problemi li joħorġu mill-ħidma pastorali tal-familja f’kull qasam tad-dinja. Il-preżentazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq analiżi li saret mir-rapporti mogħtija mill-isqfijiet waqt żjarat ad limina, u minn kwestjonarju li d-Dikasteru bagħat lil uħud mill-membri u konsulenti tiegħu, ħaddiema pastorali, u esperti.
Maria Luis Di Pietro – membru tad-Dikasteru u Direttur taċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Istudji dwar is-Saħħa Prokreattiva fl-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ruma – tat tagħrif dwar il-prokreazzjoni, il-kontraċezzjoni u l-abort assistiti medikament, b’enfasi partikolari fuq ir-riskji għas-saħħa tal-mara.
Il-konjuġi Joseph Teyu Chou u Clare Jiayann Yeh – membri tad-Dikasteru, Lettur fid-Dipartiment tal-Finanzi Pubbliċi tal-Università Nazzjonali Chengchi f’Taipei (Tajwan) u Direttur taċ-Ċentru Pastorali taż-Żwieġ u tal-Familja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Reġjonali Ċiniżi – tkellmu fuq il-kwistjonijiet ta’ cyberbullying, dipendenza, u suwiċidju fost iż-żgħażagħ. Dawn kollha llum jolqtu kull reġjun fid-dinja.
Il-konjuġi, dawk li jħarrġu, u dawk responsabbli għall-Kura Pastorali tal-Familja fil-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Kamerun – Thérèse u Emmanuel Ngamo – tkellmu dwar esperjenzi pastorali u ta’ taħriġ immirati lejn il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u l-persuni vulnerabbli.
Fl-aħħar nett, l-importanza li tiġi adottata metodoloġija ta’ ħidma trasversali fil-kura pastorali tal-ħajja umana ġiet spjegata minn Fr Nelson Ortiz, Direttur tad-Dipartiment għaż-Żwieġ u l-Familja u tad-Dipartiment għall-Promozzjoni u Difiża tal-Ħajja tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kolombjani.
Id-diskorsi, slides u vidjows kollha tal-Webinar huma disponibbli fuq din il-paġna … https://www.laityfamilylife.va/content/laityfamilylife/en/eventi/2024/pastorale-della-vita-umana.html






