Ġwanni Pawlu II fl-Isptar Ruman San Camillo

ŻJARA FL-ISPTAR RUMAN SAN CAMILLO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 3 Lulju 1983

1. Jiena grat lejk, Sur President, għall-kliem li bih, waqt li ninterpreta l-ħsieb tat-tabib personali u tal-komunità vasta tal-morda u tal-familjari tagħhom, inti tajtni l-merħba. U grat ukoll lilek, Reverendissmu Superjur ġenerali tal-Kamilljani, għall-espressjonijiet kordjali li bihom, ukoll f’isem ir-reliġjużi rġiel u nisa li jaħdmu f’dan l-Isptar, ridt tilqagħni fl-okkażjoni ta’din il-vista pastorali, tant sinifikattiva għalija.

Nindirizza tislima ta’ mħabba wkoll lil Monsinjur Fiorenzo Anġelini, lid-Direttur, lit-tobba primarji, għajnuniet, assistenti, lit-tobba u l-istudenti frekwantaturi, lill-kapusala, lill-infermieri rġiel u nisa, lill-istaff awżiljarju u amministrattiv, u lil dawk kollha preżenti, li lilhom tmur ir-rikonoxxenza tiegħi għal-laqgħa sħuna li ingħatatli.

It-tislima tiegħi testendi ruħha wkoll bi mħabba partikulari lill-morda kemm ta’ l-Isptar San Kamillu kif ukoll tal-isptarijiet l-oħra Karlu Forlanini u Lazzaro Spallanzani, li jinsabu miġbura hawn għal din l-okkażjoni. Inħares lejkom, għeżież ħuti, u l-ħsieb tiegħi jmur għall-morda  li ma setgħux iħallu l-korsiji. għat-tfal. Il-ħsieb tiegħi għal dawk it-tfal iktar gravi u fil-perikolu ta’ ħajjithom. Il-ħsieb imur ‘il hemm, anzi, f’dan il-waqt mill-ħitan tal-Isptar San Kamillu u jitwessà biex iħaddan lill-pazjenti kollha fl-isptarijiet u fil-kliniki ta’ Ruma, kif ukoll dawk li qegħdin jissieltu mal-mard fi djarhom sostnuti mill-imħabba tal-familjari. B’din il-vista feħsiebni nirreċiproka dik tal-morda, li riċentment ġew fi Pjazza San Pietru għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew.

Il-laqgħa tallum nixtieq ukoll li tkun okkażjoni ta’ riflessjoni benefika, u anzi waqt qawwi fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni. Nafu u nemmnu li wiċċ il-bniedem batut huwa l-wiċċ ta’ Kristu nnifsu. Il-morda u dawk li jduru madwarhom jafu din il-konfigurazzjoni misterjuża u prezzjuża mal-Mulej, li tifdi fit-tbatija u permezz tat-tbatija.

2. Dan l-isptar iġib l-isem ta’ wieħed mill-qaddisin li b’mod tassew intens għexu l-misteru tar-Redenzjoni fl-attwazzjoni ta’ kuljum tagħha permezz tas-Salib: San Kamillu de Lellis, li l-opra tiegħu bdiet propju f’din il-belt madwar erbà sekli ilu. Minn dakinhasr sallum l-umanità wettqet mixja twila u fi żminijietna l-ospitalizzazzjoni u l-kura mhumiex iktar gżejjer segregati mill-bqija tal-komunità, imma jirrapreżentaw aspett kwalifikanti ta’ impenn u ta’ progress. Id-dimensjoni soċjali tal-assistenza sanitarja, immexxija  mill-poteri pubbliċi permezz tas-servizz sanitarju nazzjonali, waqt li minn banda immultiplikat tali postijiet, min-naħa l-oħra għamlet punti ta’ laqgħa straordinarja u kontinwa ta’ umanità; morda, familjari u ħbieb ta’ dawn,  tobba u infermieri, staff awżiljarjuu ta’ voluntarjat, kumitati immaniġġjar u strutturi dejjem iktar kumplessi, huma msejħa biex jibnu dik il-“familja sanitarja” li, waqt li tinserixxi ruħha dejjem b’mod iktar sħiħ fil-kuntest soċjali, trid issir post u qies tal-ħila tagħna li nħossu u ngħixu il-fraternità umana fl-espressjonijiet l-iktar imwettqa tagħha.

Min aħjar min-nisrani jistà jiftħilna għal ideal simili? Mhijiex forsi ndirizzata lilu l-kelma ta’ Kristu, murija fis-silta evanġelika li smajna ftit ilu? Illum ukoll, bħal-lbieraħ u bħal dejjem, tibqà valida l-ordni: “Meta tidħlu f’belt . . . ikkuraw lill-morda li jkun hemm u għidulhom: is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (Lq 10, 8-9). Konxja ta’ dan, il-Knisja għamlet lilha nfisha promotriċi, sa mill-oriġni tagħha, tal-assistenza soċjo-sanitarja, billi għarfet fid-diliġenza għad-dinja tat-tbatija waħda mid-dati kwalifikanti tal-azzjoni feddejja, skont l-indikazzjoni tal-Mulej, li ġie biex ixandar “lill-fqajrin bxara ferrieħa, biex ixandar lill-priġunieri l-ħelsien u lill-għomja d-dawl, biex jillibera l-maħqurin, biex jippriedka sena ta’ grazzja tal-Mulej” (Lq 4, 1-19; cf.  61, 1).

Tali messaġġ sar diġa fil-Mulej azzjoni, ladarba “Ġesù għadda mill-bliet u l-irħula kollha, jgħallem fis-sinagogi  l-Vanġelu tas-Saltna u jfejjaq kull marda u nsanità” (Mt 9, 35). M’għandux iqanqal stagħġib li, fiż-żminijiet kollha, id-dixxipli ta’ Ġesù ħassew urġenti l-bżonn li jittraduċu fil-fatti l-kunsinna li kien ħallielhom l-Imgħallem divin.

3. Wieħed minn dawn, lesti biex jiġbru u jattwaw b’mod erojku l-eżempju  tal-Mulej, kien propju San Kamillu de Lellis. Wara li għal żmien twil sperimenta f’ġismu u fl-ispirtu “l-istigmata ta’ Kristu” (cf. Gal 6, 17), hu, b’ispirazzjoni divina, għażel li jifforma,  kif qal Benedittu XIV, “skola ġdida ta’ karità” (Benedetto XIV, Bolla di canonizzazione, 29 ta’ Ġunju 1746), billi waqqaf L-Ordni u l-Familja Kamilljana, illum preżenti f’bosta partijiet tad-dinja.

Kontemporanja ta’ San Kamillu de Lellis jinfurmana li l-qaddis, maġemb il-marid, kien jieħu sehem tant fil-kondizzjoni ‘li jasal li jadura l-marid bħala l-persuna tal-Mulej” (cf. P. Sannazzaro, Camillo de Lellis, in Dizionario degli Istituti di Perfezione, III, coll. 9-10).  Għamiltuh miegġi” (Mt 25, 40)?

Il-kundizzjonijiet mibdula taż-żminijiet xejn ma neħħew mill-validità tal-intuwizzjoni ta’ San Kamillu, anzi dawn iqanqlu espressjonijiet ġodda, f’armonija mal-esiġenzi tal-kuntest soċjali tallum. Infatti jekk il-progress taċ-ċiviltà huwa dovut lill-possibiltà mkabbra tas-servizz lill-bniedem, il-kariżma kamilljana ma tistax għajr issib konferma u applikazzjoni krexxenti.

4. Koinċidenza singulari storika jistħoqqilha li tkun magħrufa u magħmula oġġett ta’ riflessjoni. Kamillu de Lellis twieled fis-Sena Mqaddsa tal-1550 u kkunverta, meta kellu 25 sena, minn ħajja mtajra, fis-Sena Mqaddsa tal-1575. Aħna llum qegħdin niltaqgħu, f’dan il-post hekk mimli b’tifkiriet tal-wirt spiritwali kamilljan, biex niċċelebraw is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni.

Dan mhux forsi mottiv li nistaqsu lilna nfusna jekk Kamillu de Lellis m’għandux xi ħaġa x’jgħidilna rigward din is-Sena ta’ grazzja li qegħdin niċċelebraw? Huwa, fil-fatt, għandu messaġġ u messaġġ important għalina. Huwa jfakkarna li hemm rapport strettissmu bejn it-tbatija, spiritwali u korporali, u l-finalità primarja tas-Sena Mqaddsa, iffurmata mill-impenji fundamentali tal-konverżjoni u tat-tiġdid.

F’min ibati, il-konverżjoni hija bżonn, li jibbaża fuq l-għeruq tal-eżistenza, jirkupra l-valuri umani, iqaddes il-post tat-tbatija, iwettaq evanġelizzazzjoni. It-tiġdid imbagħad isir għall-marid in-nukleju stess tat-tama mhux biss għal dak li jikkonċerna saħħtu, imma spiss ukoll għall-impostazzjoni ġenerali tal-ħajja u għall-prospettivi li għalihom qed jorjenta l-mixja. Propju għalhekk, forsi mhemmx “post” ieħor uman li fih, aħjar milli fi sptar, it-termini ta’ konverżjoni u tiġdid jassumu sinifikat iktar veru u iktar sħiħ, li jħaddan kull valur awtentiku uman fis-sintesi superjuri tal-viżjoni nisranija.

Minn din il-komunità u familja sanitarja titlà bla dubju domanda ta’ ħajja li ma turix ruħha x’imkien ieħor: ħajja fiżika u psikika, ħajja individwali u ħajja soċjali, ħajja bħala sopravivenza u bħala krejattiva sħiħa, ħajja bħala ħila li tirregala ruħha. Il-postijiet ta’ kenn u ta’ kura huma postijiet ta’ ħajja u dawk li joperaw fihom ma jistgħux, m’għandhomx jinsew li huma għas-servizz tal-ħajja, tal-ħajja kollha u tal-ħajja ta’ kulħadd.

Il-marid, u kull min għandu bżonn assistenza u kura, jagħraf sal-qiegħ kemm hija mpensabbli konverżjoni għall-valuri tal-eżistenza, jekk primarjament ma tkunx difiża u msaħħa l-ħajja, għerq u kondizzjoni ta’ kull valur. Mhux biss: imma propju fejn jaslu l-vittmi tad-dgħufija tal-kondizzjoni umana, tad-diżastri, tal-korrimenti, ta’ kull forma ta’ vjolenza, li thedded il-bniedem u s-soċjetà, il-kmandament primarju – li tiegħu  r-responsabbli u l-istaff tas-sanità huma id-destinatarji – huwa dak li jiddefendu u jiċċelebraw il-ħajja sa mill-ewwel konċepiment tagħha u mhux li jaċċettaw li tiġi meqruda jew misħuqa. F’dan id-dawl juri ruħu s-sinifikat għoli tal-għażla ta’ dawk li, billi  ġew ivvutati għas-servizz tal-ħajja, jirrifjutaw, b’konsistenza mal-kuxjenza propja, li jippreżentaw ruħhom biex jeqirduha. Lil dawn kollha nixtieq nixhed l-istima tiegħi u l-inkuraġġiment tiegħi f’dan l-impenn uman u nisrani.

Ebda bniedem, jemmen u ma jemminx, ma jistà jirrifjuta li jemmen fil-ħajja u li jħoss id-dmir li jiddifendiha, li jsalvaha, b’mod speċjali meta din ma għad għandha l-leħen biex tiddikjara d-drittijiet tagħha. Jekk tali għarfien u tali messaġġ sussegwenti jiġi minnkom, morda, tobba, infermieri, kappillani, sorijiet, voluntarji, familjari tal-morda, dan isir neċessarjament kredibbli, għax ma jirreferix għal dikjarazzjonijiet astratti imma għall-esperjenza personali u ta’ kuljum tagħkom. Din hija traskrizzjoni f’termini tal-fidi tagħkom f’Alla u fil-bniedem u, fl-aħħar minn l-aħħar, tal-fidi tagħkom fi Kristu, li huwa fl-istess ħin Alla u bniedem.

5. Nafu, madankollu – u intom dan tisperimentawh b’rejaliżmu partikolari – li l-qawwiet umani mhumiex suffiċjenti weħidhom biex jiffaċċjaw dmirijiet hekk għolja u impenjattivi. Huwa meħtieġ it-talb, mediċina tassew tal-ġisem u tal-ispirtu, kanal u pont tal-esperjenza tagħna. Quddiem Ġesù li kien ifejjaq, raġel li kien qed jitlob fejqan talab lill-Mulej biex iqawwilu l-fidi tiegħu (Mk 9, 24). Dik id-domanda tiegħu kienet talba u jistà jkun li f’ebda post tal-art, bħal fil-postijiet iddestinati biex jilqgħu persuni milquta mit-tbatija, id-domanda tal-fidi ma hi sinċiera u spontanja, essenzjali u, fl-istess ħin effikaċi  .

Talb individwali, personali, intimu, imma wkoll talb komunitarju, invokazzjoni kollettiva, kapaċi li ssejjaħ għal ġabra lil dawk li jaqsmu dan is-servizz lill-ħajja, minkejja d-differenza tal-kondizzjoni u tad-dmirijiet. Il-ħsieb tiegħi f’dan il-waqt imur, b’mod partikolari, għall-Quddiesa, li spiss tiġi ċċelebrata fil-korsiji ta’ dan l-isptar: fiha, Kristu jsir preżenti sagramentalment billi jwettaq komunjoni awtentika fost il-morda u dawk li jaħdmu qribhom.

L-istorja kollha tal-ħniena nisranija tiċċertifika li t-talb li jitlà b’mod speċjali minn xuftejn min ibati dejjem fittex l-interċessjoni ta’ Omm Alla, imsejħa universalment bħala “Saħħa tal-morda”. Lil Marija afdaw is-suplika tagħkom sabiex hija tippreżentaha lil Alla, Missier ta’ tjubija u ta’ ħniena.

Din il-laqgħa tallum, għeżież tiegħi, ma jibqax waqt iżolat, ukoll jekk migħux b’sehem imqanqal. imħeġġeġ u sostnut mis-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, jimmarka l-bidu ta’ impenn imġedded mill-familja sanitarja kollha hekk li minnha joħroġ messaġġ lejn “dawk b’saħħithom”, li għandhom iħossu l-preżenza tal-morda bħala parti ħajja tal-esperjenza komunitarja, umana u nisranija tagħhom.

Ħadd ma jgħix u jsofri biss għalih innifsu, imma l-ħajja u t-tbatija ta’ kull wieħed u waħda jappartienu lill-ħajja u l-esperjenza tal-komunità soċjali kollha u, b’mod għal kollox partikulari, bħala vokazzjoni speċifika, għall-ħajja tal-komunità ekkleżjali.

L-isem tal-Qaddis li jġib dan l-isptar, il-preżenza fih tal-Patrijiet Kamilljani, ministri tal-morda, u tar-reliġjużi nisa tal-Karità ta’ Santa Antida Touret u tal-Qlub Sagri, id-dedikazzjoni ta’ tant tobba kkwalifikati u ta’ infermiera esperti, l-impenn nisrani tal-komponenti attivi kollha ta’ din ir-realtà sanitarja, ikunu garanzija ta’ servizz dejjem diliġenti u responsabbli għall-valur fundementali tal-ħajja, li f’Alla għandha s-sors oriġinali tagħha u d-destin aħħari tagħha.

B’dan l-awgurju nagħtikom b’imħabba l-barka apostolika tiegħi, waqt li nsejjaħ fuqkom it-tixrid ta’ favuri ċelesti abbundanti, bħala sabar u sosten tal-proposti u tat-tamiet li kull wieħed u waħda minnkom iġġorru fi qlubkom.

Miġjuba għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading