Ġwanni Pawlu II f’konċelebrazzjoni ewkaristika fi Vjenna

VIŻTA PASTORALI FL-AWSTRIJA
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA TAL- TAL-GĦELUQ TAL-“KATHOLIKENTAG”
Park tad-Danubju
Vjenna, Austria
Il-Ħadd, 11 ta’ Settembru 1983

1. “Inqum u nmur għand Missieri” (Lq 15, 18).

Għeżież ħuti! Mill-qari tal-Vanġelu tallum jolqotna dan il-kliem. Dan jassumi sinifikat partikolari fl-għeluq ta’ dan il- “Katholikentag”, li t-tema tiegħu “Ngħixu t-tama – nagħtu t-tama” turi l-prospettivi tat-tama tagħna. Iva, dan il-kliem tal-Vanġelu jiġbor fih b’mod effettiv il-prospettiva tat-tama, li Ġesù Kristu ħabbrilna meta, bil-Bxara t-Tajba, qiegħed f’dawl ġdid l-ħajja kollha tal-bniedem.

Il-Quddiesa sollenni tal-għeluq tallum tagħtini l-opportunità li nsellem kordjalment, fl-ispirtu ta’ tama nisranija komuni, lill-parteċipanti kollha f’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika u l-“Katholikentag” kollu.

Nestendi t-tislim tiegħi lill-fidili tad-diversi dijoċesiiet Awstrijaki. Iż-żjara tiegħi hawn fi Vjenna tinfirex b’mod kontemporanju lill-postijiet kollha ta’ Art Twelidkom viċini u mbegħda.  Nestendi wkoll it-tislima tiegħi ta’ aħwa lill-Kardinali lill-Isqfijiet hawn preżenti, immexxija mid-distint Kardinal König, lis-saċerdoti u lid-djakni u wkoll lir-rappreżentanti tal-Knejjes insara l-oħra u lill-komunitajiet reliġjużi l-oħra. Bl-istess mod kordjali nsellem lill-personalitajiet tal-Istat u tas-soċjetà li qegħdin jieħdu sehem f’din il-Quddiesa sollenni tal-għeluq. Fl-aħħarnett insellem bil-ferħ lill-mistednin numerużi li waslu għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija minn bosta Pajjiżi oħra, ukoll mil-Lvant.

2. Intom, għeżież Awstrijaċi, tajtu lill-“Katholikentag” tagħkom it-tema tat-tama. B’esperjenza, intom tafu li llum ħafna bnedmin, żgħażagħ u anzjani, tilfu t-tama. Imma fit-tul ma nistgħux ngħixu mingħajr it-tama! Kif nistgħu mela nerġgħu nsibu t-tama? Kif nistgħu nindikaw lill-oħrajn it-triq lejn it-tama?

Il-parabbola tal-Vanġelu li għadna kemm smajna, titkellem dwar żagħżugħ li, kburi u mimli bih innifsu, ħalla dar missieru għal pajjiżi mbegħda, fejn ittama li jsib libertà u fortuna ikbar. Imma meta l-patrimonju tiegħu intemm u hu kien kostrett li joqgħod għal kondizzjonijiet ġodda u baxxi tal-bniedem, it-tama kollha tiegħu għabet. Sakemm fl-aħħar, ammetta ħtijietu, ftakar f’missieru u ddeċieda li jerġà lura f’dar missieru. Mimli tama, kontra kull tama!

3. Propju f’dan il-pass tal-Vanġelu nsibu l-kliem: “Inqum u nmur għand missieri”. F’din il-parabbola profonda ta’ Kristu hemm miġbur fir-realtà d-dramm etern kollu tal-bniedem: id-dramm tal-libertà, id-dramm ta’ libertà użata ħażin.

Il-bniedem kiseb mingħand il-Ħallieq tiegħu d-don tal-libertà. Bil-libertà huwa jistà jifforma u jordna din id-dinja. Jistà joħloq l-opri meraviljużi tal-ispirtu uman, li bihom dan il-Pajjiż u d-dinja huma mimlija: xjenza u arti, ekonomija u teknika, il-kultura kollha. Il-libertà tagħti lill-bniedem il-possibiltà li jesprimi dik l-imħabba li hija biss tal-bniedem, li mhix biss konsegwenza ta’ ġibda naturali, imma att liberu tal-qalb. Il-libertà tirrendih kapaċi – bħala att l-iktar għoli tad-dinjità umana – li jħobb u li jadura lil Alla. Il-libertà iżda għandha prezz. Dawk kollha li huma liberi jistaqsu lilhom infushom? Aħna kkonservajna fil-libertà d-dinjità tagħna? Libertà ma tfissirx rieda. Il-bniedem ma jistax jagħmel dak kollu li jistà u li jrid. Ma teżistix libertà mingħajr irbit. Il-bniedem huwa responsabbli tiegħu nnifsu, tal-proxxmu tiegħu u tad-dinja. Huwa hu responsabbli quddiem Alla. Soċjetà li ċċekken ir-responsabiltà, il-liġi u l-kuxjenza timmina s-sisien tal-ħajja umana .

Il-bniedem bla responsabiltà jabbanduna ruħu għall-pjaċiri ta’ din id-dinja, bħall-iben il-ħali, jkollu joqgħod għal kondizzjonijiet mhux xierqa u jitlef l-art twelidu u l-libertà. B’egoiżmu spjetat huwa jabbuża mill-proxxmu tiegħu jew inkella jagħmel tiegħu ġid materjali bla ebda limitu. Fejn ma jiġix magħruf l-irbit mal-aħħar valuri, hemm jiddewbu iż-żwieġ u l-familja. Hemm tkun miżmuma kważi ma tiswa xejn il-ħajja tal-bnedmin l-oħra, speċjalment tat-trabi, tal-anzjani, tal-morda. L-adorazzjoni ta’ Alla tinbidel fl-adorazzjoni tal-flus u tal-poter  .

L-istorja kollha tal-umanità mhix ukoll storja tal-abbuż tal-libertà? Illum ukoll bosta ma jaqbdux it-triq tal-iben il-ħali? Għandhom quddiemhom ħajja mfarrka, imħabba ttraduta, fi tbatija ħatja,, pieni ta’ regħbà u disperazzjoni. “Ilkoll dinbu u huma nieqsa mill-glorja ta’ Alla” (Rm 3, 23). Huma jistaqsu lilhom infushom: fejn wasalt? Fejn hi s-soluzzjoni?

4. Fil-parabbola ta’ Kristu l-iben il-ħali huwa l-bniedem li uża ħażin il-libertà tiegħu. F’din il-parabbola nistgħu nirrejalizzaw il-konsegwenzi tal-abbuż tal-libertà – jiġifieri tad-dnub –: dawk  il-konsegwenzi li jagħfsu fuq il-kuxjenza tal-individwu, kif ukoll dawk li jagħfsu fuq il-ħajja tal-komunitajiet umani differenti u tal-ambjent tagħhom, saħansitra dawk li jagħfsu fuq il-popli u fuq l-umanità kollha kemm hi. Id-dnub huwa degradazzjoni tal-bniedem (cf. Gaudium et Spes, 13): Dan jikkontradiċi d-dinjità reali tiegħu u jikkawża fl-istess ħin ferita fil-ħajja soċjali. It-tnejn idallmu d-dehra tal-ġid u jnaqqsu lill-ħajja umana d-dawl tat-tama.

Il-parabbola ta’ Kristu madankollu ma titlaqniex quddiem is-sitwazzjoni miżerabbli tal-bniedem mwaqqà fid-dnub bid-degradazzjoni kollha tiegħu. Il-kliem: “Inqum u nmur għand missieri” iġegħlna naraw fil-qalb tal-iben il-ħali x-xenqa għall-ġid u d-dawl tat-tama sikura. F’dan il-kliem tinfetaħlu l-prospettiva tat-tama. Viżjoni simili dejjem tingħatalna, ladarba kull bniedem u l-umanità kollha jistgħu jqumu flimkien u jmorru għand il-missier. Din hija l-verità li tinsab fiċ-ċentru tal-Bxara t-Tajba. Il-kliem: “Inqum u nmur għand missieri” huma s-sinjal tal-bidla nterna. La darba l-iben il-ħali jkompli: “Ngħidlu: Missier dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek” (Lq 15, 18). Fiċ-ċentru tal-messaġġ ferrieħi hemm il-verità tal-“metanoia”, tal-bidla: il-bidla hija possibbli, il-bidla hija meħtieġa!

5. U għaliex dan hu hekk? Għaliex hawn juri ruħu dak li hemm imqiegħed fl-iktar profond tar-ruħ ta’ kull bniedem u hemm jgħix u jaġixxi minkejja d-dnub u saħansitra permezz tad-dnub. Dak il-ġuħ bla xabà ta’ verità u ta’ mħabba, li jixhdilna kif l-ispirtu tal-bniedem iġebbed, permezz tal-ħolqien kollu, lejn Alla , huwa fil-bniedem il-punt tat-tluq tal-konverżjoni. Għal dan jikkorrispondi l-punt tat-tluq min-naħa ta’ Alla.

Fil-parabbola dan il-punt tat-tluq divin huwa rappreżentat b’sempliċità effettiva u fl-istess ħin b’qawwa konvinċenti. Il-missier jistenna. Huwa jistenna r-ritorn tal-iben mitluf, bħallikieku diġa sikur li huwa se jiġi lura. Il-missier jinżel fit-triq li minnha l-iben setà jiġi lura d-dar. Hu jrid jilqgħu. F’din il-ħniena titħabbar dik l-imħabba li biha Alla, permezz ta’ Ibnu Etern ħabb sa mill-bidu lill-bniedem (cf. Ef 1, 4-5). Din hija l-imħabba li, moħbija sa mill-eternità fil-qalb tal-missier, kienet rivelata lil żmienna permezz ta’ Ġesù Kristu. Is-Salib u l-qawmien mill-imwiet jikkostitwixxu l-quċċata ta’ tali rivelazzjoni.

Għalhekk kien sinifikattiv ħafna l-fatt li l-bieraħ, tul l-“Europavesper” onorajna s-Salib ta’ Kristu bħala sinjal tat-tama: għaliex minn dak il-“Katholikinteg” 1983 Awstrijak – flimkien mal-Knisja kollha – kiseb il-qawwa vitali kollha tiegħu.  Fis-sinjal tas-Salib hemm dejjem preżenti l-punt tat-tluq divin ta’ kull konverżjoni fl-istorja tal-bniedem u tal-umanità kollha. La darba fis-Salib tinsab l-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu li niżel darba għal dejjem fuq l-umanità, imħabba li qatt ma tintemm. Tikkonverti tfisser tiltaqà ma’ din l-imħabba u tilqagħha f’qalbek; tfisser tibni fuq din l-imħabba l-imġieba futura.

Propju dan huwa li seħħ fil-ħajja tal-iben il-ħali, meta ddeċieda: “Inqum u nmur għand missieri”. Fl-istess ħin iżda huwa kien b’mod ċar konxju li, meta jerġà lura għand missieru, kellu jagħraf ħtijietu: “Missier, dnibt” (Lq 15, 18). Konverżjoni u rikonċiljazzjoni. Ir-rikonċiljazzjoni iżda hija possibbli biss meta nagħrfu dnubietna. Tagħraf dnubietek ifisser tixhed il-verità li Alla huwa l-Missier, Missier li jaħfer. Dak li fil-kredu tiegħu jixhed din il-verità, huwa mill-ġdid milqugħ mill-Missier bħala ibnu. L-iben il-ħali huwa konxju li l-imħabba  paterna biss ta’ Alla tistà taħfirlu dnubietu.

L-imħabba hija aqwa minn kull ħtija!

6. Għeżież ħuti! Intom qegħdtu fiċ-ċentru ta’ dan il-“Katholikentag” il-prospettiva tat-tama: idħlu fl-ispirtu tal-parabbola ta’ Kristu dwar l-iben il-ħali. Din hija realistika fl-aspetti kollha.  Hawn il-prospettiva tat-tama hija marbuta b’mod strett mat-triq lejn il-konverżjoni. Immeditat dwar dak kollu li jirrigwarda din it-triq: l-eżami tal-kuxjenza, l-indiema bil-wegħda soda tal-bidla, it-twemmin bl-istqarrija.  Ġeddu fikom l-istima għal dan is-sagrament, li huwa wkoll imsejjaħ “sagrament tar-Rikonċiljazzjoni”. Dan huw marbut b’mod strett mas-sagrament tal-Ewkaristija, is-sagrament tal-imħabba: il-qrar jeħlisna mill-ħażin; l-Ewkaristija tirregalalna l-komunjoni mal-ogħla ġid.

Ħudu bis-serjetà l-istedin vinkolanti tal-Knisja biex kull nhar ta’ Ħadd tieħdu sehem fil-Quddiesa. Hawn f’nofs il-komunità tistgħu kull darba tiltaqgħu mal-Missier u tirċievu d-don ta’ mħabbtu, il-Komunjoni Qaddisa, il-ħobż tat-tama tagħna. Minn dan is-sors ta’ qawwa tibdlu l-Ħadd kollu f’jum iddedikat lil Alla. Ladarba lilu tappartieni l-ħajja tagħna, lilu tmiss l-adorazzjoni tagħna. Hekk fil-ħajja ta’ kuljum r-rabta tagħkom ma’ Alla tistà tibqà ħajja u l-operat kollu tagħkom isir xhieda nisranija.

Dan kollu jfisser il-kliem: “Inqum u nmur għand missieri”. Programm tat-tama tagħna li ma nistgħux nimmaġinawh iktar profond u fl-istess ħin iktar sempliċi! (cf. Ġwanni Pawlu II, Dives in Misericordia, 5 e 6).

7. Waqt li nitilqu minn dan il-programm spiritwali nixtieq nirrifletti flimkien magħkom dwar xi punti tal-konverżjoni fl-isfera tal-familja u tas-soċjetà.

Iż-żwieġ u l-familja illum jinsabu fil-periklu. Għal dan il-għan tant bnedmin qegħdin ibatu: Il-miżżewġin u iktar u iktar uliedhom, imma f’analiżi aħħarija s-soċjetà kollha kemm hi. Sentejn ilu, permezz tal-esperjenza tal-Isqfijiet tad-dinja kollha, iddeskrivejt il-kriżijiet tal-familja tallum bil-mod li ġej. Jeżistu “sinjali ta’ degradazzjoni nkwetanti ta’ xi valuri fundamentali:  idea ħażina . . . tal-indipendenza tal-miżżewġin bejniethom; l-ambigwitajiet gravi dwar ir-rapport ta’ awtorità bejn il-ġenituri u wliedhom; id-diffikultajiet konkreti li l-familja spiss tisperimenta fit-trażmissjoni tal-valuri; in-numru krexxenti tad-divorzji; il-pjaga tal-abort” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 6). Ħażin, li għadu ma rnexxilniex inwaqqfuh u li tal-gravità tiegħu ftit ħafna huma l-bnedmin li huma konxji. Il-għerq ta’ din il-kriżi donnu li hu b’mod speċjali konċett żbaljat ta’ libertà. Libertà, “iddisinjata mhux bħala l-ħila tat-twettiq tal-libertà tal-kunċett ta’ Alla dwar iż-żwieġ u l-familja imma bħala forza ndipendenti ta’ affermazzjoni, spiss kontra l-oħrajn, għall-ġid egoistiku propju” (Ivi). Dawn l-aspetti negattivi jiġu wkoll imqawwija minn opinjoni punnlika li tqiegħed fid-dubju l-istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja u li tfittex li tiġġustifika forom oħra ta’ konvivenza. Minkejja l-affermazzjoni ta’ bosta li l-familja hija tant important għas-soċjetà, illum għadu jsir ftit wisq biex tassew jipproteġuha. Jiena iżda nemmen li l-għan determinanti ta’ din il-kriżi għandu oriġni aktar profonda. Iż-żwieġ u l-familja jinsabu fil-periklu għaliex spiss ħafna fihom il-fidi u s-sens reliġjuż għabu. Għaliex il-miżżewġin stess u minħabba dan ukoll l-ulied saru ndifferenti fil-konfront ta’ Alla.

Għeżież missirijiet u ommijiet! Għeżież familji! Qumu intom ukoll u morru għand il-Missier! Fir-responsabiltà biss quddiem Alla tistgħu tagħrfu u tgħixu l-għana kollu taż-żwieġ u tal-familja. Naf li fl-Awstrija bosta saċerdoti u lajċi ppruvaw fl-aħħar snin iġeddu ż-żwieġ u l-familja fl-ispirtu nisrani. Naf l-isforzi tagħkom fl-għajnuna lill-miżżewġin biex jgħixu rapport awtentiku, l-impenn tagħkom biex tagħtu lill-mara post addattat għad-dinjità tagħha u għan-natura tagħha fiż-żwieġ u fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja. Intom fhimtu li n-nukleju familjari għandu jinfetaħ ukoll għall-oħrajn biex ikun jistà joffrilhom, permezz tal-imħabba migħuxa, għajnuna spiritwali u materjali. Huma dejjem iktar numerużi l-familji li jirrejalizzaw li huma jikkostitwixxu knisja ċkejkna, jiġifieri “knisja domestika”. Komplu f’dan is-sens!

Fittxu iżda, bl-istess serjetà, iktar modi biex tgħixu paternità u maternità responsabbli quddiem Alla, li jikkorrispondu ma’ xi kriterji oġġettivi, bħal dawk proposti fid-dinja kollha mit-tagħlim reliġjuż flimkien mas-suċċessur ta’ Pietru. Għal dan il-għan irrid infakkar b’mod partikolari l-eżortazzjoni apostolika qasira Familiaris Consortio, li tagħti forma għall-indikazzjoni tal-enċiklika Humanae Vitae.

Familja nisranija! Issir mill-ġdid familja li titlob! Familja li tgħix bil-fidi! Familja fejn il-ġenituri huma l-ewwel katekisti ta’ wliedhom. Fejn tistà tilraqà mal-ispirtu ta’ Alla li huwa mħabba. Tgħallmu mill-Missier ħanin biex taħfru dejjem lil xulxin. Ġenituri, tgħallmu wkoll minnu li tagħtu libertà lil uliedkom u bdanakollu li tkunu dejjem qribhom. Ibbenefikaw mill-parabbola tagħna it-tama li propju l-iben il-ħali mitluf fl-aħħar sab missier li qabel ma kienx jaf.

8. “Inqum u nmur għand missieri”. Dan il-kliem indikalna t-triq tat-tama għall-familji. Il-familja iżda tappartieni għal soċjeta determinata, għal poplu u, fis-sens l-iktar wiesà, għall-umanità kollha. Hekk hija wkoll hija mdeffsa fil-bosta ġrajjiet taċ-ċiviltà attwali.

Ma nisimgħux ukoll f’dawn il-ġrajjiet u żviluppi kollha t-twerżiqa ddisprata ta’ dak l-iben tal-parabbola ta’ Kristu? Jew talinqas diwi fjakk ta’ din it-twerżiqa?

L-iben, fix-xewqa eżaltanti ta’ libertà, jidhirli li jirrapreżenta l-bniedem fis-soċjetà tal-Istati żviluppati bil-kbir. Progress rapidu fit-teknika u fl-ekonomija, livell ta’ ħajja li kiber bil-għaġġla ikkawżaw bidla fundamentali f’din is-soċjetà. Ħafna jinħatfu mill-ġenn, bħallikieku l-bniedem kien fl-aħħar kapaċi li jaħtaf fil-ponn t’idu d-dinja u jagħġina għal dejjem. F’dan l-għarfien orgoljuż mhux ftit abbandunaw il-konċezzjoni ntrinsika tad-dinja, skont liema Alla kien l-oriġni u t-tmiem ta’ kull esseri. Issa Alla donnu mhux iktar indispensabbli.

Imma għal dan it-tbegħid egoistiku minn Alla immedjatament segwiet diżillużjoni kbira, akkumpanjata mill-biżà: il-biżà tal-futur, il-biżà quddiem il-possibiltà li issa l-bniedem għandu f’idejh.

Biżà mela tal-istess bnedmin. L-Awstrija wkoll fil-qalba tal-Ewropa ma ħelsithiex minn dan il-proċess. Issa tfittxu toroq ġodda, tweġibiet ġodda għall-problemi ta’ dan iż-żmien. Erġgħu lura għall-oriġni spiritwali tagħkom: erġgħu lura, duru mill-ġdid lejn Alla u organizzaw il-ħajja tas-soċjetà tagħkom skont il-liġijiet tiegħu! Il-Knisja, bir-Rgġajja u l-għalliema tagħha, trid f’dan tkunilkom ta’ għajnuna.Permezz tal-kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju hija kontinwament tqiegħed il-mistoqsijiet fundamentali: “X’inhu l-bniedem?. X’inhu s-sinifikat tat-tbatija, tal-ħażin, tal-mewt? . . .. . Xi jressaq fis-soċjetà, u x’jistà jistenna mingħandha? X’se jkun hemm wara din il-ħajja?” (Gaudium et Spes, 10).

9. Għeżież ħuti! Tali mistoqsijiet fundamentali tal-Konċilju Vatikan II imissu l-qalbha tal-problema, li għaliha huma ddedikati x-xogħlijiet tal-“Katholikentag” 1983. It-tweġiba għal dawn il-problemi hija mogħtija mill-Vanġelu. F’din it-tweġiba tidher lill-bniedem il-prospettiva tat-tama. Mingħajr din it-tweġiba ma teżisti ebda probabiltà ta’ tama.

Ma jirriżultax li rridu naċċettaw b’mod ġdid il-bxara t-tajba? Ma rridux naċċettawha bħala messaġġ li huwa tal-istess importanza vitali għall-bnedmin tallum bħa ma kienet għal dawk il-bnedmin ta’ elfejn sena ilu? Ma għndniex naċċettawha bil-konvinzjoni nterna u bid-determinazzjoni li nikkonvertu?

Iva, aħna għandna nibdew annunzjazzjoni ġdida. L-annunzjazzjoni tal-konverżjoni u tar-ritorn tal-bniedem għand il-Missier.

Il-Missier jistenniena.

Il-Missier jiġi jilqagħna.

Il-Missier jixtieq jilqà mill-ġdid lil kull bniedem bħala iben u bint.

Ejjew inqumu u nmorru għandu! Din hija t-tama tagħna! Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading