Ġwanni Pawlu II waqt il-Vespri fi Vjenna

VIŻTA PASTORALI FL-AWSTRIJA
ĊELEBRAZZJONI TAL-VESPRI D’EUROPA FIL-PJAZZA TAL-EROJ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Vjenna. Austria
Is-Sibt, 10 ta’ Settembru 1983

1. Il-paċi magħkom! Paċi lil din il-belt! Lil din l-Awstrija! U lill-Pajjiżi kollha li jmissu magħha fit-Tramuntana, fil-Lvant, fin-Nofsinhar u fil-Punent!

Lilkom kattoliċi Awstrijaki, miġbura fl-okkażjoni ta’ dan il- “Katholikentag” mid-dijoċesijiet kollha, mill-parroċċi, mill-komunitajiet kbar u żgħar, awgurju ta’ paċi u tislima partikolari. Paċi lil dawk kollha li ġew hawn minn Pajjiżi oħra jew li qegħdin jieħdu sehem f’dan il-Vespri sollenni permezz tar-radju u tat-televiżjoni! Paċi lill-insara kollha, lill-Knejjes insara kollha! Paċi wkoll lill-bnedmin kollha li jemmnu f’Alla wieħed u jafdaw fih umilment id-destin tagħhom!

Lilkom ilkoll nindirizza din it-tislima ta’ paċi fl-isem ta’ Ġesù Kristu, li taħt is-Salib tiegħu llum ninsabu miġbura. Il-vera paċi tiġi mill-qalb miftuħa ta dak li – mgħolli fuq is-Salib –  jiġbed lil kulħadd lejh. Mil-lum ‘il hemm is-sinbolu tiegħu se jkun mgħolli hawn fi Vienna, post important u għani bi storja, bħala tama u twissija lill-insara, bħala tifkira tas-Sena tas-Salvazzjoni, tas-sena tal-Ġublew tar-Redenzjoni, ta’ “Katholikentag”, li għandu jkun għall-istorja ta’ dan il-Pajjiż jum ta’ tama nisranija.

Taħt dan is-sinjal tas-Salib inqegħdu l-Awstrija u l-Ewropa. Ladarba fis-Salib biss hemm it-tama! Bih il-ħajja rebħet lill-mewt. Is-Salib huwa s-simbolu tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin, imħabba li tirrikonċilja, li tegħleb in-niket u l-mewt, u li hija wegħda ta’ fraternità għall-bnedmin u l-popli kollha, sors divin ta’ qawwa, għall-bidu tat-tiġdid tal-Ħolqien kollu.

2. Illum, din il-festa sollenni tal-Ewropa fl-okkażjoni tal- “Katholikentag” Awstrijak, tattira ħarsitna ‘l hemm minn kull fruntiera naturali, nazzjonali u artifiċjali fuq l-Ewropa kollha, fuq il-popli kolla ta’ dan il-Kontinent bl-imgħoddi komuni tagħhom, mill-Atlantiku sal-Urali, mill-Baħar tat-Tramuntana sal-Mediterran. L-Awstrija li tinsab fil-qalba tal-ewropa, b’mod partikolari qasmet u kkontribwiet fid-destini tagħhom. Uriet b’mod eżemplari kif varjetà ta’ popli jistgħu jgħixu fi spazju ristrett, mhux mingħajr problemi, b’mod krejattiv, billi fil-moltipliċità jsibu l-għaqda: fuq it-territorju ta’ din l-Awtrija żgħira tallum, karatteristiċi tipiċi ta’ Ċelti u Rumani, ta’ Ġermani u Slavi, huma profondament inċiżi u ħajjin fil-popolazzjoni. F’din l-Awstrija hija mera u mudell għall-Ewropa.

Dak li wassal il-Kontinent Ewropew għall-għaqda fil-varjetà kien it-tixrid ta’ fidi nisranija waħda. It-toroq tal-missjunarji u tal-pellegrini nsara paċifikament għaqqdu l-Pajjiżi u l-popli tal-Ewropa. Ukoll f’dan l-Awstrija hija eżempju importanti. Għall-evanġelizzazzjoni ta’ pajjiżkom ikkontribwixxa San Severino. Ruan, li l-ġublew tiegħu iffesteġjajtuh ftit ilu, flimkien ma’ missjunarji oħra ġejjin minn diversi Pajjiżi Ewropej. Pajjiżkom mhux biss irċieva għajnuna ta’ missjunarji, imma spiss tawh ukoll lil popli oħra.  Fost ħafna oħrajn infakkru per eżempju, għal okkażjoni attwali, il-fundatriċi tal-Orsolini l-Griżi, Sorella Maria Julia Ledochowska. Imwielda f’Loosdorf qrib Melk, ħadmet b’mod hekk bonifiku fil-Polonja, li f’Ġunju ta’ din is-sena, tul il-vjaġġ tiegħi fl-Art Pollakka ta’ twelidi, setgħet tkun ibbejatifikata.

Mat-toroq unifikanti tal-wasla tal-fidi jiżdiedu t-toroq tal-pellegrini. Pellegrinaġġi f’Ruma, għall-qabar ta’ San Pietru, f’Santiago di Compostela fuq il-passi ta’ San Ġakbu, għall-postijiet fejn qaddisin oħra aġixxew jew jinsabu midfuna, u għas-satwarji l-kbar marjani, mhux biss ikkuraw fl-Ewropa kollha t-tifkira pija ta’ Omm il-Mulej, tal-Appostli u tal-qaddisin, imma ppromwovew ukoll il-fehim reċiproku bejn popli u Nazzjonijiet hekk differenti.

B’dan il-mod ikkontribwew ukoll  biex tinħoloq l-identità tal-ewropa. U propju f’Mariazell, f’pajjiżkom, għal sekli ġew f’pellegrinaġġ insara mill-Ewropa kollha, u wkoll ħafna mill-pajjiżi Slavi. Jiena stess, Pollakk u Ruman, jiena tassew kuntent li f’dawn il-jiem li niġi f’Mariazell bħala pellegrin.

Lgħaqda kulturali tal-Kontinent Ewropew, li qiegħda tkompli minkejja il-kriżijiet u l-qsim, ma jiftihemx jekk mhux bil-kontenut tal-messaġġ nisrani. Din l-għaqda, amalgamat b’mod meraviljuż bl-ispirtu antik, tikkostitwixxi wirt komuni, li lilu l-Ewropa taf l-għana tagħha u l-qawwa tagħha, l-iżvilupp fjorixxenti tal-arti u tax-xjenza, tal-formazzjoni kulturali u tar-riċerka, tal-filosofija u tal-kultura tal-ispirtu. Fl-isfera ta’ dan il-wirt spiritwali nisrani, ix-xbiha kristjana tal-bniedem iddeterminat partikolarment il-kultura Ewropeja. Il-konvinzjoni tax-xebħ tal-bniedem lil Alla u tal-Fidwa tiegħu permezz ta’ Ġesù Kristu, bin il-bniedem, tat sies storiko-reliġjuż lill-konsiderazzjoni u lid-dinjità tal-persuna, u lir-rispett tal-esiġenza tiegħu ta’ żvilupp liberu fis-solidarjetà umana. B’dan il-mod kienet konsegwenza loġika li l-formulazzjoni u l-proklamazzjoni tad-drittijiet umani b’mod ġenerali ġew mill-Punent.

Din l-Ewropa magħquda u ffurmata mill-fidi fi Kristu, ejjew inqegħduha mill-ġdid taħt is-sinjal tas-Salib; ladarba “fis-Salib hemm it-tama”.

3. Ħadd ma jistà jagħlaq għajnejh quddiem il-fatt – u min mhux milqut b’mod profond? – li l-istorja komuni tal-Ewropa m’għandhiex waqtiet imdawla, imma wkoll waqtiet imdallma, terribbli, li huma inkompatibbli mal-ispirtu tal-idea tal-umanità u tal-messaġġ ferrieħ ta’ Ġesù Kristu. Wisq ta’ sikwit Stati u partiti, b’mibegħda u krudeltà, ipprovokaw gwerer. Wisq ta’ spiss bnedmin kienu mċaħħda minn art twelidhom; kienu mkeċċija jew imġegħla jaħarbu minħabba miżerja, diskriminazzjoni u persekuzzjoni. Miljuni ta’ bnedmin, kienu maqtula minħabba razzithom, in-Nazzjon tagħhom, u minħabba l-ideat tagħhom, jew, sempliċement, għaliex skomdi għal oħrajn. Titnikket tara li wkoll fidili nsara kienu parti minn dawk li kienu jaħqru u jippersegwitaw lill-proxxmu tagħhom. Jekk minn banda nistgħu niftaħru b’Sidna Ġesù Kristu u bil-messaġġ tiegħu, mill-banda l-oħra hemm bżonn nistqarru, u nitolbu maħfra, għal bosta ħtijiet li fihom aħna l-insara tebbajna lilna nfusna, bi ħsibijiet, kliem u opri, u permezz tal-indifferenza apatika quddiem l-inġustizzja.

Mhux biss fil-ħajja statali u politika l-istorja tal-Ewropa hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ ftehim. Firdiet reliġjużi ħolqu limiti u fruntieri wkoll fl-unika Knisja ta’ Ġesù Kristu. Fl-istess ħin imbagħad minħabba interessi politiċi u minħabba problemi soċjali seħħew battalji ħorox, oppressjonijiet, restrizjonijiet u espulsjonijiet ta’ dawk li kienu jipprofessaw fidi differenti. Bħala werrieta ta missirijietna aħna nġorru taħt is-Salib ukoll din l-Ewropa mimlija ħtijiet. Ladarba fiha hemm it-tama.

4. L-Awstrija tallum – sfortunatamen mhux l-Ewropa kollha! – hija libera mid-dominju barrani u mill-vjolenza tal-gwerra, libera minn theddida esterna mmedjata, nieqsa minn konflitti nterni. X’differenza pożittiva u memorabbli fil-konfront ta’ diversi epoki preċedenti u b’mod partikolari tas-sena 1683. Din is-sena hija data mportanti, mhux biss għall-istorja Awstrijaka, imma wkoll għal dik Ewropeja, mottiv validu ta’ riflessjoni u ta’ tifkira li lejha aħna grati.

Huwa magħruf għalina lkoll li 300 sena ilu t-truppi tal-Imperu Ottoman dawru b’assedju din il-belt, kif diġa kienu għamlu fl-1529, b’superjorità kbira ta qawwiet. Ir-rotta ta’ dawn l-armati kienet immarkata mit-terrur tal-ħruq, tal-istraġi u tad-deportazzjonijiet; indeskrivibbli kienu l-miżerja, il-krib, it-tbatija, ammirabbli il-kuraġġ tad-difensuri ta’ Vienna. Kienu jsibu l-qawwa fil-fidi tagħhom, fit-talb u fil-konvinzjoni li kienu qegħdin jissieltu mhux biss għal Pajjiżhom, imma wkoll għall-Ewropa u għall-Kristjaniżmu. Lill-Papa jmiss id-dmir li jfakkar li l-predeċessur tiegħu ta’ dak iż-żmien, il-Beatu Innoċenzu XI, appoġġja b’mod effikaċi lill-Awstrija u lill-allejati tagħha b’sussidji,, b’għajnuniet diplomatiċi u b’appell għat-talb indirizzat għall Kristjanità. Ukoll lill-Papa Pollakk huwa mogħti li jitkellem bi tqanqil partikolari dwar is-sultan Pollakk Jan Sobieski li mexxa t-truppi ta’ għajnuna allejata li lliberaw lil Vienna, f’waqt li fih i-difensuri erojċi tal-belt, issa biss bl-aħħar forzi tagħhom, setgħu jevitaw l-okkupazzjoni.

Huwa ġust li nfakkru b’ammirazzjoni id-difensuri u l-ħelliesa ta’ Vienna li opponew reżistenza għall-attakk b’kollaborazzjoni eżemplari. Kienu ntbagħtu appelli ta’ predikaturi li fittxew li jimbuttaw lill-qalbiena ta’ dak iż-żmien mhux biss għall-kuraġġ, imma qabel kollox għar-ritorn tal-kristjaneżmu L-istorja timponilna li ninterpretaw il-ġrajjiet ta’ dak iż-żmien bl-ispirtu tal-epoka u mhux sempliċement biss li nqisuhom mal-preżent tagħna. Hija timponi li nevitaw kundann u eżultanza unilaterali. Aħna nafu xi krudeltà orribbli kienu jingħataw mhux biss mill-eżerċtu Ottoman, imma wkoll mill-armata tal- imperatur u tal-allejati tiegħu. Għalkemm nistgħu nkunu kuntenti bis-suċċess fid-difiża tal-Punent nisrani, hemm bżonn insiru konxji bil-mistħija għall-fatt li s-solidarjetà nisranija ta’ dak iż-żmien la kienet spontanja u linqas Ewropeja.

Aħna fuq kollox konxji mill-fatt li l-lingwa tal-armi mhix il-lingwa ta’ Ġesù Kristu u linqas il-lingwa ta’ Ommu, li lilha dak iż-żmien bħal-lum insejħulha “għajnuna tal-insara”. Hemm każijiet fejn il-ġlieda armata hija realtà inevitabbli li fiha f’ċirkustanzi traġiċi ma jistgħu jibqgħu barra linqas l-insara. Imma wkoll f’dan il-każ jorbot ukoll l-imperattiv nisrani tal-imħabba għall-għadu, tal-ħniena: dak li miet fuq is-Salib għal dawk li biċċruh u qatluh jibdel kull għadu tiegħi f’ħija, ukoll jekk jiddefendini mill-attakk tiegħu.

Hekk dan il-Ġublew ma huwiex il-festeġġjament ta’ rebħa gwerriera imma iktar il-festeġġjament ta’ paċi mogħtija lilna llum f’kuntrast, imħabbar bi gratitudni, bi ġrajja li kienet marbuta ma’ sofferenza hekk kbira. Hemm bżonn nuru ruħna denji  tal-libertà li dak iż-żżmien kienet iddifenduta bi mpenn hekk kbir.

5. L-Awstrija illum tisforza, bħal fil-passat, biex tilħaq  r-responsabiltà partikolari u dmirha fil-qalba tal-Ewropa. Pajjiżkom jimpenja ruħu b’effettività għall-paċi u għall-komunikazzjoni bejn il-popli, għall-ġustizzja soċjali, intom mhux biss ilqajtu għajnuna effettiva fi żminijiet diffiċli ta’ għar-rispett u r-rivendikazzjoni tad-drittijiet umani fuq skala nazzjonali u internazzjonali. Intom stess ilqajtu eluf ta’ maħrubin u rifuġjati; klijenti mill-pajjiżi kollha tad-dinja jiġu f’Pajjiżkom u jsibu lqugħ u mistrieħ. Intom mhux biss irċivejtu għajnuna effettiva fi żminijiet diffiċli mingħand għajnuniera ġenerużi imma min-naħa tagħkom għentu Pajjiżi oħra fosthom lill-Art Twelidi l-Polonja. Ir-rikonoximent tas-solidarjetà Ewropeja ma jħallikomx tagħlqu għajnejkom quddiem il-miżerja u l-bżonn ta’ għajnuna tat-territorji extrarwropej. Bi gratitudni naħseb dwar il-kontribut tagħkom għall-iżvilupp, u għall-impenn personali ta’ tant missjunarji, sorijiet u assistenti. Pajjiżkom għandu – minħabba l-pożizzjoni partikolari tiegħu u l-wirt storiku tiegħu – irwol important speċjalment għall-ħolqien ta’ Ewropa stabbli u iktar umana u għat tnaqqis tat-tensjonijiet internazzjonali. Dawn l-isforzi jixirqilhom eloġji u inkuraġġiment. Dawn jitolbu iżda fl-istess ħin quddiem d-diffikultajiet gravi kontinwi fl-intern tal-komunità tal-popli impenn dejjem ikbar. Il-Knisja kattolika hija f’dan il-każ, fl-isfera tal-missjoni tagħha, allejat dejjem ġeneruż u solidali.

It-testment tal-ġrajja tal-1683 imħolli lill-Knejjes insara, jiġbor fih b’mod speċjali l-esiġenza tal-paċi reliġjuża: il-paċi fost il-werrieta ta’ Abraham u l-għaqda bejn l-aħwa ta’ Ġesù Kristu. Is-segwaċi ta’ Mawmettu li dak iż-żmien kienu ikkampjati bħala għedewwa quddiem il-bibien tal-kapitali tagħkom, illum jgħixu f’nofskom u spiss ikunu ta’ eżempju għalikom fl-adorazzjoni fidila tagħhom lill-uniku Alla. Il- komunità Lhudija li dak iż-żmien kienet tgħin b’mod fruttuż mal-popli tal-Ewropa u li issa ddeċimata b’mod traġiku twissina propju għalhekk biex naħtfu kull possibiltà ta’ avviċinament uman u spiritwalo, biex nippreżentaw irwieħna flimkien lil Alla u biex naqdu lill-bnedmin permezz tiegħu. Il-qasma bejn l-insara, fl-1683 li kellha effetti traġiċi saħansitra fil-politika, hija llum suġġeriment u riferenza għal komunità konxja fil-laqgħa, fit-talb u fid-djakonat.

6. Għeżież ħuti! Kif enfasizzajt fil-messaġġ televiżiv tiegħi f’Ġunju tas-sena l-oħra, l-impenn fertili tal-kristjaneżmu għad-difiża tal-Punent fis-sena 1683 u t-tifkira tallum tul il “Katholikentag” Awstrijak għandhom ifakkru speċjalment lill-“insara tallum fir-responsabiltà komuni tagħhom għall-Ewropa u ddaħħal fihom kuraġġ ġdid għal impenn ta’ sagrifiċċju għall-paċi u għall-ġustizzja, għad-drittijiet umani u s-solidarjetà fost il-popli”. F’dik l-istess okkażjoni esprimejt it-tama tiegħi li mill-Katholikentag tagħkom “tinbet riflessjoni nisranija dwar l-għeruq spiritwali komuni u profondi ta’ Art Twelidkom u tal-Ewropa kollha”. Kull wieħed u waħda minnkom intom imsejħa biex twasslu l-kontribut personali tagħkom fil-post fejn tinsabu u skont il-possiiltajiet tagħkom. Aħna l-insara għandna d-dmir li jiġina mill-profondità tal-fidi tagħna u mill-impenn solidali għall-ġid tal-bnedmin u tas-soċjetà, li nixhdu b’mod effettiv li fis-Salib biss tinsab it-tama vera: għall-individwu, għall-Pajjiż propju, għall-Ewropa u għall-umanità kollha.

Intom l-insara fl-Awstrija u fil-Pajjiżi kollha tal-Kontinent! Agħtu xhieda tal-għeruq insara profondi fil-valuri umani u kulturali, li huma sagri għalikom – u għall Ewropa kollha – li taw timbru hekk deċiżiv lill-imgħoddi u li huma garanzija għall-futur. Uru ruħkom denji ta’ dawk l-aħwa fil-fidi li llum ukoll jeħtieġ li jġarrbu l-persekuzzjoniijiet għall-konvinzjoni reliġjuża tagħhom u għall-mod kif jgħixu l-kristjaneżmu, u li jridu jagħmlu sagrifiċċji kbar. Ikollkom il-kuraġġ u l-qawwa – li jiġu mir-responsabiltà nisranija tagħna – li timpennjaw ruħkom ukoll fil-politika u fil-ħajja pubblika għall-ġid tal-bniedem u tas-soċjetà f’Pajjiżkom u ‘l hemm mill-fruntieri.

Fis-Salib tinsab it-tama ta’ tiġdid nisrani fl-Ewropa, imma biss kemm-il darba l-insara stess jieħdu bis-serjetà l-messaġġ tas-Salib. Is-Salib ifisser: tagħti ħajtek għal ħuk biex isalva, flimkien miegħek, ħajjitna. Is-Salib ifisser: l-imħabba hija aqwa mill-mibegħda u mill-vendetta: tagħti ferħ iktar milli tirċievi. Li timpenja ruħek huwa iktar effettiv milli titlob.

Is-Salib ifisser: mhemmx nawfraġju mingħajr tama, ma jeżistix dlam mingħajr kewkba. Ebda tempesta mhi mingħajr port sikur. Is-Salib ifisser: l-imħabba ma tafx limiti: tibda bil-proxxmu tiegħek imma ma tinsiex lil min jinsab ‘il bogħod. Is-Salib ifisser: Alla huwa dejjem ikbar minna l-bnedmin, huwa s-salvazzjoni ukoll fl-ikbar falliment. Il-ħajja hija dejjem iktar qawwija mill-mewt.

Bħala segwaċi ta’ Kristu, għeżież ħuti, intom imsejħa biex tagħtu tweġiba liberatorja u tama lill-bnedmin tallum li jgħixu fost it-theddid u l-ansjetajiet multipli, bil-qawwa li tiġikom mis-Salib ta’ Kristu, bil-kelma tagħkom mimlija tama u bl-eżempju nisrani ta’ ħajjitkom.

U ħudu fuq kollox ħsieb it-talb. Itolbu kif għamlu l-insara kollha fit-tbatijiet tal-1683. Itolbu, kif sar f’Pajjiżkom minn għaxriet ta’ snin b’mod eżemplari fir-“Rosenkranz-Sühnenkreuzzug um den Frieden der Welt”. Inġabru miegħi f’din is-siegħa taħt is-sinjal tas-Salib, li llum għollejna f’din il-pjazza għal dik il-kroċjata tal-impenn veru nisrani u tat-talb. Bħalma f’dak iż-żmien il-beatu Papa Innoċenzu XI kien sejjaħ lill-popli mhedda għall-allejanza Qaddisa, hekk illum is-suċċessur tiegħu għat-tron ta’ Pietru jappella lill-kuxjenzi tagħkom:  il-battalja spiritwali għal sopravivenza f’paċi u libertà titlob l-istess impenn u kuraġġ erojku, l-istess disponibiltà għas-sagrifiċċju, l-istess qawwa ta’ reżistenza li biha Missirijietkom salvaw dak iż-żmien lil Vienna u lill-Ewropa! Ejjew nieħdu din id-deċiżjoni u nafdawha lis-simbolu tas-Salib ta’ Kristu, tal-Mulej tal-istorja kollha ladarba fis-Salib hemm tassew tama ta’ salvazzjoni!

“Aħna nadurawk, Mulej Ġesù Kristu, u nfaħħruk, għaliex permezz ta’ Salibek Imqaddes int salvajt id-dinja”. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading