OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castel Gandolfo – Il-Ħamis, 8 ta’ Settembru 1983
Għeżież ħuti, Rettur u exstudenti tas-seminarju Potifiċju Lombardo!
Jiena kuntent niċċelebra magħkom din il-Quddiesa fil-jum liturġiku tat-Twelid ta’ Marija, waqt li nipprofessaw att komuni ta’ fidi, li huwa fl-istess ħin, fuq l-eżempju tagħha, disponibiltà sħiħa għall-grazzja divina u tensjoni ġeneruża lejn ħajja sħiħa imwegħda lill-Mulej.
Naf li ġejtu Ruma biex tiċċelebraw s-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, u jien nitlob lil Alla li tkunu kull jum portaturi nstankabbli tar-Redenzjoni mwettqa minn Kristu għall-bnedmin ta’ żminijietna, bil-qies tal-bżonnijiet tagħhom.
L-okkażjoni hija għalija wkoll favorevoli biex nuri l-istima tiegħi lejn l-istituzzjoni providenzjali, li ħejjietkom għad-dmirijiet ministerjali attwali u li tgħaqqadkom f’rabta ta’ fraternità profonda. Id-dijoċesijiet tagħkom jafu ħafna mill-vitalità tagħhom liż-żelu u l-intelliġenza tagħkom, hekk kif il-Knisja kollha tħossha midjuna fil-konfront tal-qatt minsi Papa Pawlu VI, li tal-Assoċjazzjoni tagħkom jibqà l-esponent l-iktar illustri u l-iktar meqjum.
Komplu fuq din it-triq imdawla, għas-servizz tal Vanġelu u għall-progress spiritwli tal-Knisja mqaddsa ta’ Alla, U jien, li ddedikajt propju għas-seminarju Lombardo l-ewwel żjara tiegħi lill-Kulleġġi Rumani, waqt li nikkonferma t-tamiet tiegħi fikom imwieġba, nassikurakom dwar imħabbti, li issa ssir din it-talba f’din il-liturġija ewkaristika.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb