VIŻTA PASTORALI FL-AWSTRIJA
QUDDIESA FUQ IZ-ZUNTIER TAS-SANTWARJU TA’ MARIAZELL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Mariazell (Awstrija)
It-Tlieta, 13 ta’ Settembru 1983
Għeżież Pellegrini li flimkien miegħi ġejtu għand Omm Alla f’Mariazell.
1. Marija telqet bil-mixi lejn il-belt fuq il-muntanji tal-Ġudea. Isem din il-belt kien Ain-Karem. Illum tlaqna bil-mixi biex niltaqgħu magħha fuq il-muntanji tal-Istiria. Padre Magnus di St. Lambrecht bnielha hawn “ċella”. Għal iktar minn 800 sena ilha tilqà l-pellegrini bit-talbiet u r-ringrazzjamenti tagħhom, hawn fis-santwarju ta’ Mariazell.
Il-pellegrini kienu jiġu u għadhom jiġu mill-bogħod ħafna – bix-xettru jew il-bastun – u jkomplu jirrakkontaw lilhom infushom u lil qrabathom lill-“Magna Mater Austria”, lill-“Mater gentium Slavorum”, lill-“Mater Hungarorum Domina”, sabiex tipproteġihom u tinterċedi għalihom. B’dan jinserixxu ruħhom fil-pellegrinaġġ il-kbir tal-popli, li għadna kemm qrajna dwaru fis-silta tal-Profeta Iżaija: “Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek. Għolli u dawwar għajnejk madwarek u lkoll miġbura ġejjin għandek . . . Tħabbat u timtela qalbek” (Iż 60, 3-5).
Ukoll f’din is-siegħa tinfetaħ mill-ġdid il-qalb ta’ Marija, għeżież ħuti, ladarba fl-għeluq ta’ dan il-“Katholikentag” aħna wkoll ġejna għandha bħala Pellegrini, biex nirrapreżentaw quddiemha u nafdaw lil imħabbitha u għall-attenzjoni tagħha mhux biss id-dijoċesijiet tal-Awstrija u tal-Pajjiżi viċini, imma l-Knisja kollha ta’ Binha.
2. Għeżież ħuti fl-Episkopat, fis-saċerdozju u fid-djakonat, għeżież reliġjużi, għeżież seminaristi, għeżież novizzi femminili u maskili, għeżież ħuti lajċi! Bħala poplu ta’ Alla f’pellegrinaġġ aħna lkoll “magħrufin”, “iddestinati” u “msejħin” minn Alla biex “inkunu konformi mal-immaġni” ta’ Ibnu (cf. Rm 8, 28-30). Din il-vokazzjoni komuni tassumi fil-forom differenti tal-ħajja u fis-servizzi differenti tal-Knisja, bħal f’familja, ma jeżistux barrieri bejn il-membri ndividwali jew gruppi. Kull wieħed għandu bżonn l-ieħor u kull wieħed isostni lill-ieħor. Hekk kull laqgħa tiegħi ta’ dawn il-jiem tappartieni lilkom ilkoll, fidili għeżież tal-Awstrija: il-kelma tiegħi dwar il-politika u l-kultura, il-kelma tiegħi liż-żgħażagħ u lill-morda. U għalikom ilkoll jappartienu wkoll ħsibijieti dwar is-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża u nixtieq li intom, hawn quddiem ix-xbiha ħanina ta’ Omm Alla, tikkonsidrawhom u tapprofonduhom.
3. Il-Vanġelu tallum jilħaq il-quċċata tiegħu bis-sentenza: “u mbierka dik li emmnet fit-twettiq ta’ kliem il-Mulej” (Lq 1, 45). B’din is-sentenza l-evanġelista jgħaddi mid-dar ta’ Eliżabbetta għall-kamra ta’ Nażżaret, mid-djalogu taż-żewġ nisa għall-Kelma ta’ Alla. Huwa Alla li jiftaħ id-diskors mal-Verġni Mqaddsa, mal-umanità. L-ewwel hemm dejjem il-Kelma ta’ Alla: “Fil-bidu kien il-Verb” (Ġw 1, 1). Għal dan, għeżież saċerdoti u reliġjużi, is-smigħ għandu jkun dejjem l-ewwel azzjoni tal-ħajja tagħna reliġjuża. Qabel xejn irridu nifhmu l-Verb ta’ Alla; wara dan biss nistgħu nagħtu tweġiba; l-ewwel irridu nisimgħu, u wara dan biss nistgħu nobdu.
Ils-skiet u l-ġabra, il-qari u r-riflessjoni reliġjuża huma ndispensabbli għal triqtna u għas-servizz tagħna ta’ semmiegħa u xandara tal-Verb inkarnat. F’dan Marija hija għalina ta’ eżempju u ta’ għajnuna. Il- Vanġeli jiddefenuha bħala dik li tiskot, dik li tismà fis-skiet. Is-skiet tagħha huwa l-ġuf tal-Verb. Hija tgħasses kollox u timmaturah f’qalbha. Bħal fl-Annunzjazzjoni, tismà lil Alla jsir fih innifsu djalogu ma’ Alla, li fih nistgħu nkellmuh u hu jismagħna.
Esprimu mela quddiem Alla dak li jqanqalkom! Iżżuh ħajr mimlijin ferħ għal dak li għamel magħkom u għal dak li permezz tagħkom jum wara jum ittrażmetta lil oħrajn. Esprimulu l-inkwiet għall-bnedmin afdati lilkom, l-ulied u ż-żgħażagħ, il-miżżewġin, l-anzjani u l-morda. Esprimulu d-diffikultajiet u l-insuċċessi tas-servizz tagħkom, il-bżonnijiet kollha tagħkom u t-tbatijiet personali tagħkom!
Għeżież saċerdoti u reliġjużi, it-talb huwa komponent insostitwibbli tal-vokazzjoni tagħkom. Dan huwa hekk essenzjali li minħabba fih ħwejjeġ oħra – apparentement iktar urġenti – jistgħu u għandhom ikunu mqegħda fit-tieni post. Ukoll jekk ħajjitkom ta’ kuljum għas-servizz tal-bnedmin hija mimlija sax-xifer bix-xogħol, fiha m’għandux ikun nieqes il-ħin iddedikat lis-skiet u lit-talb. It-talb u x-xogħol qatt m’għandhom ikunu mifrudin minn xulxin. Jekk aħna nimmeditaw u nirrakkomandaw kuljum ix-xogħol tagħna lil Alla, dan isir talb.
Tgħallmu itolbu! Għal dan iġbdu fuq kollox mill-għana tal-Liturġija tas-sigħat u mill-Ewkaristija, li għandhom jakkumpanjaw b’mod partikolari ix-xogħol tagħkom ta’ kuljum. Tgħallmu fl-istess skola tal-Mulej titolbu, sabiex issiru għalliema tat-talb u tistgħu tgħallmu t-talb ukoll lil dawk li huma afdati lilkom. Jekk tgħallmu lill-bnedmin jitolbu, allura tkunu qegħdin tirrestitwixxu l-kelma lill-fidi tagħhom spiss imregħda. Permezz tat-talb treġġgħuhom lura lil Alla u tagħtu mill-ġdid lil ħajjithom kontenut u sens.
Jiena nħares lejkom mimli tama, għeżież kandidati għas-saċerdozju, għeżież novizzi maskili u femminili. Diġa s-seminarji u n-novizzjati tagħkom għandhom ikunu postijiet ta’ ġabra, ta’ talb u ta’ eżerċizzju għal rapport ta’ fiduċja mal-Mulej. Jiena naf x-xewqa ġdida tagħkom għal talba biex iġġegħlu jippenetra ferm iktar profondament it-talb f’ħajjitkom. Flimkien magħkom aħna lkoll irridu nitgħallmu nitolbu b’mod ġdid! Ejjew inħallu lilna nfusna niġu ggwidati b’entużjażmu mis-Salmista tat-Testment il-Qadim li jitlob: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, din biss jiena nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajti, biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej jien u nħares lejn it-tempju tiegħu” (Sal 27, 4).
4. Għeżież ħuti! Il-Verb ta’ alla imexxina għas-skiet, għalina nfusna, għal-laqgħa miegħu, imma ma jifridniex minn xulxin. Il-kelma ta’ Alla ma tiżolax imma tgħaqqad. Fis-skiet td-djalogu tagħha mal-Anġlu, Marija tagħraf il-maternità ta’ Eliżabetta. Mis-skiet ta’ dan id-djalogu hija terħilha bil-mixi biex tiltaqà ma’ din tal-aħħar fuq il-muntanji tal-Ġudea. Marija taf li Alla aġixxa f’Eliżabetta kif aġixxa ġewwa fiha. Talb prezzjuż huwa d-don ta’ dik is-siegħa: “Int imbierka fost in-nisa u mbierek il-frott ta’ ġufek”, hekk twieġeb Eliżabetta għat-tislima ta’ Marija, u il- Magnificat tagħna ta’ kuljum huwa t-tweġiba ta’ Marija lil Eliżabetta. Mill-Vanġelu ta’ din il-Quddiesa tagħna tal-pellegrini ejjew niftakru dan il-ħsieb: Alla ma jsejjaħx biss, imma jgħin lill-imsejħin biex jifhmu lilhom infushom fil-vokazzjonijiet differenti tagħhom u biex jaċċettaw lilhom infushom b’mod reċiproku.
Ġesù jrid li l-imsejħin ikunu ħdejh (cf. Mk 3, 14), imma mhux iżolatament, imma f’komunjoni. Il-poplu kollu ta’ Alla, imma wkoll l-individwi imsejħa huma f’komunjoni mal-Mulej u bejniethom. Bħal ma’ Marija u Eliżabetta din il-komunjoni tifhem kemm il-ħajja tal-fidi kif ukoll dik tal-jiem kollha. Din hija partikolarment evidenti fil-każ tagħkom ir-reliġjużi. Intom iktar mill-oħrajn tgħixu skont l-eżempju tal-Knisja tal-oriġni, fejn “il-komunità tal-fidili kienet qalb waħda u ruħ waħda” (cf. At 4, 32). Iktar ma jirnexxilkom tgħixu fil-komunitajiet tagħkom f’imħabba awtentika, iktar tixhdu b’mod effettiv il-kredibiltà tal-messaġġ nisrani. Skont il-kelma tal-Konċilju, l-għaqda tagħkom turi l-miġja ta’ Kristu u minnha tgelgel enerġija kbira għall-apostolat” (Perfectae Caritatis, 15).
Dan huwa similment validu wkoll għalikom saċerdoti tad-dijoċesijiet u għalikom djakni. Naf li wħud minnkom ibatu bis-solitudni. Ħafna minnkom – ukoll minħabba l-iskarsezza krexxenti ta’ saċerdoti – huma weħedhom f’xogħolhom. Jistà jkun li tħossukom mintomx mifhuma u aċċettati f’dinja li taħseb b’mod differenti u tħossukom bil-messaġġ tagħkom xi ħaġa stramba. Għalhekk hemm bżonn li nfittxu ferm iktar li nirriflettu u li ngħixu b’mod konkret dak li l-Konċilju jgħid rigward il-komunjoni bejn is-saċerdoti.
Intom ukoll kleru sekulari u djakni m’intom qatt verament weħedkom: intom tiffurmaw komunità intima ta’ vokazzjoni. Ladarba permezz tal-voti sagri u l-missjoni intom, kif il-Konċilju jenfasizza effettivament, bħala “fraternità animata mill-ispirtu ta’ unità” (Lumen Gentium, 28), “magħqudin minn fraternità sagramentali ntima” (Presbyterorum Ordinis, 8). Intom magħqudin ma’ “ħutkom bir-rabta tal-karità, tat-talb u ta’ kull speċi ta’ kollaborazzjoni” (Presbyterorum Ordinis, 8). Għeżież ħuti, impenjaw ruħkom biex tgħixu f’komunità saċerdotali attiva din il-verità li tiġikom mis-sagrament tal-Ordni Sagri u li jagħti ferħ. Aħna wkoll, il-Papa u l-Isqfijiet, naqsmu magħkom l-istess għanijiet. Ejjew nagħmlu dak kollu li l-forzi tagħna jippermettulna bl-għajnuna ta’ Alla, biex naċċettaw lil xulxin bħala aħwa, biex insostnu lil xulxin u biex hekk nagħtu flimkien xhieda lil Kristu.
Iċ-ċelibat li intom, saċerdoti u reliġjużi, għażiltu għas-Saltna ta’ Alla, jirrendikom iktar liberi għall-komunjoni ma’ Kristu u għas-servizz lill-bnedmin. Imma jirrendikom ukoll iktar liberi għall-għaqda stretta u profonda bejnietkom. Tħallu xejn u lil ħadd jittentakom biex tiċħdu din id-disponibiltà jew li tnaqqsuha. Iżda rrenduha iktar fertili għal ħajjitkom u għas-servizz tas-salvazzjoni tal-bnedmin.
Għeżież seminaristi! Intom mimlijin b’ideat dwar is-servizz u dwar il-ħajja tas-saċerdot fi żmienna. Irridu ninfetħu flimkien magħkom għal dak “li l-Ispirtu jgħid lill-Knejjes” (Ap 2, 29; 3, 6. 13. 22). Fl-istess ħin nitlobkom: għixu minn issa l-ideali tagħkom, b’mod speċjali l-ideal tal-komunità – bejnietkom u mas-superjur tagħkom – fil-ħajja tal-fidi, fl-istudju u fil-ħin liberu. Iktar ma jkun ħaj l-ispirtu ta’ komunità fost ir-reliġjużi u s-saċerdoti, tant iktar ikunu l-paċi u s-servizz tagħhom. Se jkun il-mod li fih huma għixu l-komunità li jiddetermina jekk numru ikbar ta’ żgħażagħ jiddeċidix li jieħu t-triq tal-ordinazzjoni u tas-saċerdozju. Hemm fejn jeżistu kunventi attivi, hemm fejn ir-Rgħajja tal-erwieħ jgħixu fraternament, hemm fejn is-saċerdoti u l-lajċi jikkollaboraw fl-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu, hemm jiffjorixxi l-ikbar numru ta’ vokazzjonijiet!
5. Għeżież ħuti! Huwa għalija ferħ partikolari li nista nkellimkom quddiem ix-xbiha ħanina ta’ Omm Alla ta’ Mariazell. Bħala Omm Alla u Omm il-Knisja, Marija hija b’mod meraviljuż ukoll Omm dawk li jkomplu l-missjoni ta’ Binha fl-istorja. Fis-sejħa tagħha, fl-“iva” tagħha bla riservi għall-messaġġ tal-Anġlu, fl-izzi ħajr għall-ħniena ta’ Alla fil-Magnifikat aħna nagħrfu l-misteru u l-kobor tal-vokazzjoni tagħna stess. Fl-“iva” mimlija fidi għall-predestinazzjoni u l-missjoni tagħha, il-Kelma ta’ Alla inbidlet ġewwa fiha f’verità storika. B’dan twettqet d-deċiżjoni eterna ta’ Alla, li dwarha jitkellem San Pawl fit-tieni qari tallum: “Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredistinhom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu ħalli dan ikun il-kbir fost bosta aħwa” (Rm 8, 29).
Grazzi għall-ubbidjenza fidila tagħha għall-kelma tal-Anġlu, Marija saret iċ-ċentru tal-pjan tas-salvazzjoni. Bil-maternità tagħha L-Iben ta’ Alla sar ħuna lkoll, sabiex inkunu nistgħu nsiru nixbħuh fil-ġustizzja u fil-grandjożità. Għaliex hekk ikompli San Pawl illum, dawk li Alla “sejħilhom, iġġustifikhom, ukoll, dawk li ġġustifika, igglorifikahom ukoll” (Rm 8, 30). L-innalzament tal-bniedem sas-sehem fil-kobor tat-Trinità Qaddisa twettaq permezz ta’ Kristu, Bin Alla, li permezz tal-“fiat” mimli fidi ta’ Marija sar Bin il-bniedem. Iva, fil-fatt: “Hija mbierka dik li emmnet”; araw, minn issa ‘l hemm il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħuli beata.
Iva, għeżież ħuti, inkunu beati wkoll aħna li emminna, jekk, bħal Marija, permezz tal-laqgħa personali tagħna ma’ Alla, inqumu biex illum inħabbru lil dawk li jgħammru fuq il-muntanji u fil-widien ta’ kull Pajjiż u ta’ kull Kontinent liema atti divini meraviljużi seħħew fil-ġuf ta’ Marija, fi Kristu, Ibnu, u fina, ħutu. Ladarba hekk jgħidilna l-Profeta Iżaija fl-ewwel qari: “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej u sebħu jfiġġ fuqek” (Iż 60, 2). Permezz tal-fidi ta’ Marija xegħel id-dawl ta’ Alla u issa dan idawwal lil Ġerusalem il-ġdida. Dan huwa d-dija tas-sbuħija tal-Iktar Għoli, ta’ dak id-dawl li diġa fil-bidu idawwal lil kull bniedem, imma li permezz ta’ Ġesù Kristu irid jilħaq lil kulħadd bl-ikbar dija qawwija tiegħu. Għalhekk huwa dmirna li nħabbru: “Qum! Ilbes id-dawl, għaliex id-dawl tiegħek ġej, il-glorja tal-Mulej tiddi fuqek”(Iż 60, 1).
Din il-missjoni tal-Knisja hija ndirizzata b’mod partikolari lil dawk li jeżerċitaw ministeri spiritwali. Kristu sejjaħ lejh lis-segwaċi tiegħu u bagħathom fost il-bnedmin, bogħod mill-preżenza rassikuranti tiegħu (cf. Mk 3, 14); “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull ħlejqa” (Mk 16, 15). B’mod partikolari irrid infakkar f’din l-okkażjoni lis-saċerdoti tagħkom, għeżież ħuti li fil-missjonijiet, flimkien mal-assistenti soċjali tal-Knisja fil-Pajjiżi sottożviluppati, iħabbru fid-dinja kollha l-Bxara t-Tajba permezz tal-kelma u l-azzjoni soċjali. Intom min intom u kulfejn taħdmu dmirkom reliġjuż huwa dejjem l-istess, irrid ngħid bid-“dawl li jiddi mill-għoli” dawlu lil dawk kollha li :jinsabu fid-dlam u fid-dell tal-mewt” (cf. Benedictus). Din hija l-missjoni tagħkom. Kemm jekk intom saċerdoti f’parroċċa tal-belt, kif ukoll jekk tassistu komunità agrikola żgħira l-opra tagħkom bħala reliġjużi rġiel u nisa fl-iskola jew inkella jekk taħdmu fil qasam tal-assistenza soċjali u medika, kif ukoll jekk intom ikkundannati mill-mard u mill-età għal inattivita apparenti, Propju għalikom saċerdoti u reliġjużi morda u anzjani inħossni b’mod partikolari marbut f’din is-siegħa, fit-tmiem se nsellem personalment lil uħud minnkom.
Il-Knisja kollha universali tirrakkomanda ruħha għall-interess u l-ħsieb tagħkom. Għall-missjoni tagħkom ma jeżisti l-ebda limitu ta’ spazju. Il-lingwa tagħkom hija t-talb u t-tbatija aċċettatha kull darba b’kuraġġ imġedded. Lilkom ukoll il-Mulej jafda dejjem missjonijiet ġodda, Is-servizz partikolari tagħkom – it-talb u t-tbatija – huwa missjoni nsostitwibbli fil-Knisja. Il-Mulej ukoll ma ppridkax iktar fi tmiem ħajtu. Hemm huwa ħa s-Salib u ġarru u ssaportih, sakemm, fit-tmiem, kollox kien mitmum.
6. Għeżież ħuti li intom diġa saċerdoti u reliġjużi, u intom ilkoll li qegħdin tħejju ruħkom għall-ministeru. Il-Mulej għażilkom, sabiex tkunu qribu fit-talb u fir-riflessjoni, sabiex tgħixu l-vokazzjoni tagħkom f’komunità u sabiex twasslu fost il-bnedmin is-salvazzjoni tiegħu. Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jien se nirrakkomanda din il-vokazzjoni tagħkom lill-protezzjoni u lis-sosten matern tal-Omm Ħanina ta’ Mariazell.
Biex niġbor fil-qosor dak li nixtieq nitrażmettilkom bil-pellegrinaġġ komuni tagħna, u dak li Marija stess, minn dan is-santwarju tagħha trid li jikkumpanjana – lilkom u lili – tul il-mixja tagħna, nagħżel sentenza li hi stess bla dubju ppronunzjat spiss f’ħajjitha, vers meħud mis-Salm responsorjali tallum. Bih nixtieq nerġa għal darb’oħra naqbad it-tema kbira tal-“Katholikentag” u permezz ta’ Marija ngħid lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom: “ittama fil-Mulej, qawwi qalbek! Ikollok kuraġġ kbir u ttama fil-Mulej! Amen”.
Dan it-test tal-appell għat-talb għall-Knisja u d-dinja, ippronunzjat mill-Papa qabel il-Barka konklussiva tal-Quddiesa f’Mariazell.
Bħala konklużjoni, irrid nitlobkom biex tingħaqdu f’intenzjoni ta’ takb li kkumpanjani matul il-korsa kollha ta’ dan il-vjaġġ pastorali. Irrid ngħid it-talb għat-tribulazzjonijiet tal-Knisja fid-dinja kollha u għall-provi iebsin ta’ tant ħutna rġiel u nisa, għall-vittmi tal-ġuħ, tal-mibegħda, tat-terroriżmu u tar-rivalità bejn in-Nazzjonijiet. Dawn kollha huma wlied tal-istess familja umana! Kif nistgħu llum ninsew speċjalment il-vittmi tal-gwerra bejn l-aħwa tal-Libanu, u wkoll il-vittmi tal-vjolenza f’Pajjiżi tal-Amerka Latina u fl-Afrika, u fl-aħħarnett il-vittmi fit-twaqqigħ traġiku riċenti tal-ajruplan tal-Korea t’Isfel? Lill-interċessjoni materna tal-Verġni Marija nafdaw is-serenità u l-libertà tal-Knisja u ta’ dawk kollha li jemmnu, u nqiegħed f’idejha l-aspirazzjonijiet tal-umanità għall-paċi, għall-ġustizzja, għall-fratellanza fost il-popli.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb