Ġwanni Pawlu II mal-Assoċjazzjoni Taljana Santa Ċeċilja

QUDDIESA GĦALL-ASSOĊJAZZJONI TALJANA SANTA ĊEĊILJA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru 1983

1. “Ma’ l-arpa jqabblul-għana, / bħal David strumenti jivvintaw . . .” (Amos 6, 4-5).

Għeżież! Dan il-kliem li smajna fl-ewwel qari tal-Liturġija tallum, huma riferiti mill-Profeta Amos “għal dawk moħħhom frisk ta’ Sion u għal dawk li jqisu ruħhom sikuri fuq il-muntanja tas-Samarija”, u li, minflok, diġa jinsabu fix-xifer tal-qerda u fl-imminenza tad-deportazzjoni u tal-eżilju!

Fil-patt il-ġdid aħna l-insara, imwielda għall-ħajja l-ġdida, aħna il-veri David, li nfaħħru lil Alla bil-kant il-ġdid, il-kant tal-fidwa. Flimkien mas-Salmista inkantaw lill-Missier: “Ismà, Mulej, leħen l-għajta tiegħi, ħenn għalija u weġibni . . . “Ejja”, għidt, “Fittexlil wiċċu”; jien wiċċek infittex, Mulej, La taħbix wiċċek minni!” (Sal 27, 7-9).

Dawn l-invokazzjonijiet vibranti jesprimu x-xenqa tar-ruħ lejn ir-realtà soprannaturali, skont r-rakkomandazzjoni ħajja ta’ San Pawl: “Fittxu l-ħwejjeġ ta’ hemm fuq . . . Aħsbu għall-ħwejjeġ ta’ hemm fuq” (Kol 3, 1-2); xenqa li tittraduċi ruħha f’talba tal-qalb. Fin-nisrani, li jgawdi mill-ħajja l-ġdida u li fiha jgħix Kristu nnifsu – Verb tal-Missier – tali  talba  tassumi ħerqa hekk kbira li tesprimi u teżalta ruħha fil-kant.

Din it-talba, fil-forma l-iktar perfetta, tiġi mgħollija lill-Missier minn Kristu. Kristu, infatti, kif mill-eternità, hekk wara l-inkarnazzjoni, il-qawmien mill-imwiet u l-axxensjoni tiegħu, ikompli jkanta, billi hu medjatur u interpretu tal-umanità kollha, it-tifħir u l-glorja tal-Missier, u  wkoll l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tal-bnedmin. Huwa Kristu, mela, li – bħalma tiddikjara l-kostituzzjoni konċiljari dwar il-Liturġija sagra – introduċa f’dan l-eżilju terrestri dak l-innu li jiġi kantat eternament fis-sedji ċelesti. Huwa jgħaqqad miegħu l-komunità tal-bnedmin u jassoċjaha fl-elevazzjoni ta’ dan il-kant divin ta’ tifħir” (Sacrosanctum Concilium, 83).

Ma’ dan il-kant ta’ tifħir intom, b’mod partikolari, assoċjati ilkoll, membri tal-I“Scholae cantorum”, li intom membri tal-Assoċjazzjoni Taljana Santa Ċeċilja, li llum, bit-talb u l-kant tagħkom, qegħdin iġġegħlu tidwi Pjazza San Pietru. Nesprimilkom il-gost mill-qalb u grat tiegħi għax-xogħol li tagħmlu b’tant entużjażmu u wkoll għall-preżenza tagħkom f’Ruma, tul is-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni. Insellem bil-qalb lill-President tal-Assoċjazzjoni, Monsinjur Antonio Mistrorigo, Isqof ta’ Treviso, il-kollaboraturi tiegħu, il-mexxejja dijoċeżani, il-kompożituri, il-surmastrijiet u intom, kanturi tat-tifħir lil Alla.

Dmirkom hu dak li tieħdu ħsieb l-esekuzzjoni eżatta tal-innijiet sagri fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, kif ukoll li tiffavorixxu s-sehem attiv tal-fidili fil-kant (cf. Musicam sacram, 19). Mela, din tagħkom hija funzjoni li ma tirriduċix ruħha għal fatt sempliċement u esklussivament artistiku, imma li tinvolvi – flimkien mal-arti – il-fidi u l-ħniena, il-bniedem mifdi kollu, in-nisrani kollu.

2. Bħalma l-Ispirtu Santu huwa Dak li jagħti lill-ħwejjeġ tagħna ta’  qawwiet  fraġli il-ħila li jinfetħu fl-invokazzjoni: “Abba – Missier” (cf. Rm 8, 15), dan l-istess Spirtu  jagħtina wkoll il-ħila li nirrendu mimlija t-talba tagħna, billi jġegħlha tisplodi b’ferħ qaddis bil-gost tal-kant u tal-mużika, skont l-eżortazzjoni ta’ San Pawl: “Imtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Ef 5, 19).

Konsegwenza ta’ din l-attività nterna tal-Ispirtu Santu huma, il-bniedem ġdid, li għandu jilbes mill-ġdid ix-xbiha tal-Ħallieq u jkanta “kantiku ġdid”; ħajja ġdida ta’ komunità u ta’ komunjoni, sabiex it-taħriġ u t-twissija lil xulxin b’għerf, billi nkantaw lil Alla minn qalbna   u bi gratitudni (cf. Kol 3, 16), jidhru bħala don paskwali, frott tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Waqt li jikkummenta l-kliem tas-Salm 32: “Kantaw lill-Mulej kantiku ġdid” (Sal 32, 3), Santu Wistin iħeġġeġ lill-fidili tiegħu u lilna wkoll b’dan il-mod: “Inżgħu dak li hu issa Qadim; sirtu tafu l-kantiku l-ġdid. Bniedem ġdid, Testment Ġdid, kantiku ġdid. Il-kantiku l-ġdid ma jixraqx lill-bnedmin ġodda, bnedmin imġedda, permez tal-grazzja, minn dak li kien qadim; bnedmin li jappartienu issa lit-Testment il-Ġdid, li huwa s-Saltna tas-smewwiet . Imħabbitna kollha issa għalih tixxennaq u tkanta kantiku ġdid. Għollu iżda kantiku ġdid mhux bi lsienkom, imma bil-ħajja” (S. Wistin Enarr. in Ps. XXXII, Sermo I, 8: PL 36, 283).

Fil-patt il-ġdid l-kant huwa tipiku ta’ dawk li rxuxtaw ma’ Kristu. Fil-Knisja biss min ikanta b’din id-dispożizzjoni ta’ novità paskwali – jiġifieri b’tiġdid intern ta’ ħajja – huwa verament irxuxtat. Hekk, waqt li fit-Testment il-Qadim il-mużika forsi setgħet tinstema tal-kult marbut mas-sagrifiċċji materjali, fit-Testment il-Ġdid hija ssir “spiritwali”, similment għall-kult il-ġdid u għal-liturġija l-ġdida, li tagħha huwa parti ntegranti, u hija milqugħa b’kondizzjoni li tispira devozzjoni u ġabra nterna.

3. Kristu huwa l-Innu tal-Missier u, bl-inkarnazzjoni, huwa ta lil tiegħu  dan l-istess Innu, jiġifieri lilu nnifsu,, sabiex hi tipperpetwah sakemm jerġà jiġi. Issa, kull nisrani huwa msejjaħ biex jieħu sehem f’dan l-Innu, u biex jagħmel lilu nnifsu “innu ġdid” fi Kristu lill-Missier ċelesti. Fi grad ferm iktar profond  huwa msejjaħ biex jieħu sehem f’tali Innu, jiġifieri fil-misteru ta’ Kristu. Is-saċerdozju ministerjali, li tiegħu l-Episkopat huwa l-attwazzjoni perfetta. Bħala Isqof u bħala suċċessur ta’ Pietru fis Sedja ta’ Ruma, għalija huwa mela spontanju li llum nirrepetilkom il-kliem ta’ Santu Wistin: “O ħuti, o wlied, o poplu nisrani, o razza qaddisa u ċelesti, o riġenerati fi Kristu u mwielda mill-ġdid mill-għoli, isimgħuni, anzi permezz tiegħi kantaw lill-Mulej  kantiku ġdid”  (S. Wistin, Sermo XXXIV, III, 6: PL 38, 211).

Naturalment, tali kantiku ġdid, li jidwi fija u fikom bħala estensjoni tal-Innu etern li huwa Kristu irid ikun f’sintonija mal-perfezzjoni assoluta, li biha l-Verb jindirizza lill-Missier, b’mod li fil-ħajja, fil-qawwa tat-tqanqil u fis-sbuħija tal-arti, titwettaq għal kollox l-għaqda bejnietna, membri ħajjin, ma’ Kristu, Kap tagħna: “Meta tfaħħru lil Alla, faħħruh bl-esseri kollu tagħkom; tkanta l-vuċi, tkanta l-qalb, tkanta l-ħajja, ikantaw il-fatti!”, u mill-ġdid r-rakkomandazzjoni inċiżiva ta’ Santu Wistin, (Enarr. in Ps. CXLIII, 2: PL 37, 1938).

Tali għaqda tesiġi qabel xejn li l-Mużika sagra tkun arti tassew – kif tennejt lill-membri tal-Assoċjazzjoni tagħkom fiċ-ċelebrazzjoni tal-21 ta’ Settembtru 1980 –, arti  vera, li tkun jiġifieri kapaċi li tibdel is-sentiment tal-bniedem f’kant,  li tadatta d-daqq għall-kliem, li tilħaq dik is-sintonija perfetta u fertili mal-finalitajiet għolja u l-esiġenzi tal-kult kattoliku. Tali għaqda tesiġi, fl-istess ħin, li tali Mużika tkun awtentikament sagra, li tippossiedi jiġifieri predispożizzjoni adegwata għall-finalità tagħha sagramentali u liturġika, u, għalhekk,tkun  aljena mill-karattri tal-mużika ddestinata gal skopijiet oħra. Tali għaqda tesiġi wkoll li għar-rejalizzazzjoni ta’ vera Mużika sagra tiżdied permezz ta’ preparazzjoni speċifika fitta, kemm artistikament kif ukoll spiritwali u wkoll liturġika. F’tali prospettiva hemm bżonn ta’ insistenza fuq it-tħejjija tal-kompożituri, li lilhom hemm bżonn li tiġi offruta l-għajnuna, is-suġġerimenti u l-istrumenti adegwati; dwar il-formazzjoni tal-fidili u tal-kanturi, membri tal-“iScholae cantorum”, li huma eżempju fertili ta organizzazzjoni finalizata għad-dinjità taċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, skont il-mudelli proposti mis-Santa Sede, fis-seminarji kollha u l-Istituti Reliġjużi; fuq il-fondazzjoni u fuq il-vitalità ta’ diversi istituti u skejjel tal-Mużika sagra, għall-formazzjoni ta’ għalliema li, għall-kompetenza fl-arti mużikali, jgħaqqdu fidi profonda u dehra prattika ta’ ħajja nisranija (cf. Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III/2 [1980] 699-700).

4. Mir-Reġjonijiet kollha tal-Itlja, intom membri tal-i“Scholae cantorum” Membri tal-Assoċjazzjoni Taljana ta’ Santa Ċeċilja ġejtu Ruma biex tingħaqdu bil-kant ta’ tifħir lill-Missier ċelesti ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.

Naf li ġejtu wkoll biex tftakkru fit-talb u fil-kant, il-25° anniversarju tal-ordiazzjoni episkopali tiegħi. Jiena grat għal dan il-ġest sinifikattiv: grazzi sinċiera lil kull wieħed minnkom u lill-Assoċjazzjoni  ta’ min ifaħħarha tagħkom.

Tliet snin jew ftit iktar, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tagħha, jiena ħeġġiġt biex tħobbu l-Assoċjazzjoni tagħkom, biex issegwuha, biex issostnuha fl-opra tal-għaġeb tagħha, sintesi ta’ arti u ta’ fidi. Illum nerġà għal darb’oħra nikkonsenjalkom l-istess impenn ta’ mħabba u ta’ sosten u, fl-istess  ħin, nawguralkom li tkunu dejjem xhieda ġenerużi u entużjasti tal-messaġġ evanġeliku bil-kant tagħkom u b’ħajjitkom!

Amen!

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading