Helena Agnieszka Kmieć
Lejn il-beatifikazzjoni
F’April li għadda l-Arċisqof ta’ Krakovja Marek Jędraszewski ħareġ editt li bih infetħet il-kawża għall-beatifikazzjoni ta’ Helena Kmieć, missjunarja lajka Pollakka ta’ 25 sena li ġiet maqtula fil-Bolivja fl-2017. Din iż-żagħżugħa fuq ruħha, li kienet tħobb ħafna l-mużika u l-ivvjaġġar, sabet il-qawwa biex taqdi lil ħaddieħor fl-imħabba intima tagħha ma’ Ġesù. Helena Agnieszka Kmieć tista’ ssir qaddisa millennjali oħra wara l-Beatu Carlo Acutis u hekk tkun bħalu fuq l-artali. Ngħidulha persuna millennjali għax twieldet bejn l-1980 u l-1990.
Il-qaddejja t’Alla Helena Agnieszka Kmieć twieldet fid-9 ta’ Frar 1991 u trabbiet f’Libiąż, belt żgħira madwar siegħa sewqan fil-punent ta’ Krakovja. Ommha mietet sitt ġimgħat wara t-twelid tagħha u missierha Jan reġa’ żżewweġ lil Barbara Zając. Helena qalet li kellha tliet ommijiet: ommha bijoloġika, Barbara u Marija Santissma. Il-familja Kmieć hija devota ħafna u Jan Zając, l-isqof awżiljarju emeritu ta’ Krakovja, jiġi z-ziju ta’ Helena.
Fir-rapport dwar ħajjitha, il-postulatur tal-kawża, Fr Pawel Wróbel, enfasizza li “l-konvinzjoni profonda tagħha kienet li kellha d-dmir li taqsam ma’ nies oħra l-esperjenza ta’ min jiltaqa’ ma’ Alla”. Huwa qal: “Kważi kuljum waqt l-istudji tagħha kienet tieħu sehem fil-Quddiesa li kienet punt importanti ħafna tal-ġurnata għaliha.” F’intervista lil ġurnal prominenti Kattoliku Pollakk, Father Wróbel qal li waqt il-kawża tagħha ried jiffoka “mhux fuq il-mewt traġika tagħha, imma fuq il-ħajja sabiħa tagħha.”
“Fid-dar tal-familja Kmieć kien tinħass il-preżenza ta’ Alla kullimkien,” qal Fr Paweł Król, li għal għaxar snin ħadem fil-parroċċa fejn kienet toqgħod Helena f’Libiąż. Spjega li din il-preżenza kienet tidher anke fid-dekorazzjoni tad-dar. Il-ħitan kienu miksija bl-ikoni. “Għal Helena kienet ħaġa naturali li jkollha għaqda ma’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Għaliha din ma kellhiex tkun xi ħaġa sfurzata imma xi ħaġa li nesperjenzaw b’entużjażmu u b’ferħ.”
Studenta brillanti
Helena kienet studenta brillanti. Mhux biss qabżet grad, imma rebħet ukoll borża ta’ studju biex tattendi skola għolja prestiġjuża fl-Ingilterra. Barra minn hekk hija kellha xeħta mużikali u anke attendiet skola tal-mużika. Spiss kienet tkanta u ddoqq il-kitarra kemm fil-kor parrokkjali kif ukoll waqt il-pellegrinaġġi bil-mixi minn Libiąż sa Jasna Góra, is-santwarju nazzjonali hekk famuż tal-Polonja.
Madankollu, kif stqarret oħtha Teresa Kmieć, Helena kellha rabta emozzjonali qawwija ħafna mal-Polonja. Wara li ma ġietx aċċettata biex tistudja l-mediċina f’Oxford, iż-żagħżugħa marret lura f’pajjiżha, fejn studjat l-inġinerija kimika fl-Università tat-Teknoloġija tas-Silesja f’Gliwice. Hekk kif iggradwat, Helena daħlet stewardess ma’ kumpanija tal-ajru.

Għalkemm Helena kienet tħobb il-mużika u tivvjaġġa u timxi fuq il-muntanji, x’aktarx l-akbar passjoni tagħha kienet li tgħin lill-oħrajn. Għalhekk malajr bdiet tinteressa ruħha fil- volontarjat. Ftit qabel il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fi Krakovja fl-2016, il-parroċċa tal-villaġġ tagħha f’Libiąż sabet ruħha f’diffikultà għax il-koordinatur tal-kumitat parrokkjali ma setax jieħu l-leave fiż-żmien tal-Jum Dinji. Waqt li taha ftit ħin biex taħsibha u tieħu deċiżjoni, Fr Paweł Król, li semmejna aktar ’il fuq, talab lil Helena biex tieħu f’idejha d-dmirijiet tal-koordinatur, billi emmen li kienet il-persuna l-aktar adatta, kemm minħabba l-ħiliet lingwistiċi tagħha kif ukoll għax kienet tmur tajjeb man-nies. Helena setgħet tittrasferixxi l-ġranet tal-leave tagħha u aċċettat li tmexxih hi l-grupp. Skont Fr Król, jekk Helena tiġi kkanonizzata tista’ tkun patruna ideali tal-voluntiera.
Iddedikata għall-voluntarjat
Iktar tard Helena ngħaqdet mal-Voluntieri Missjonarji Salvatorjani, grupp ta’ madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa lajċi minn madwar il-Polonja li għaddew sena ta’ formazzjoni spiritwali qabel ma marru għall-missjoniji barra l-pajjiż. L-ewwel Helena għenet fl-organizzazzjoni ta’ kampijiet ta’ ġurnata għat-tfal fl-Ungerija u r-Rumanija u wara marret Lusaka, iż-Żambja, fejn għallmet l-Ingliż, il-matematika u l-Evanġelju lit-tfal tat-triq u dawk minn familji foqra. Hija ssorveljat ukoll il-bżonnijiet bażiċi, inklużi l-ikliet. Helena ġiet mwissija li ż-Żambja xejn ma kienet pajjiż sigur, iżda l-ħeġġa tagħha biex taqdi lill-oħrajn kienet aktar b’saħħitha mill-biża’ għas-sigurtà tagħha nfisha.
Kif marret lura l-Polonja, il-pjanijiet ta’ Helena kienu li tkompli l-karriera tagħha bħala stewardess u tiżżewweġ ħalli tibda familja. Iżda waqt irtir hija kitbet l-għanijiet ta’ ħajjitha fuq karta li nstabet wara mewtha: “Nitgħallem l-Ispanjol, nifforma ministeru Kattoliku u nsir qaddisa.”
L-għan ta’ Helena li titgħallem l-Ispanjol kien marbut mal-missjoni tagħha f’Cochabamba, il-Bolivja, fejn ivvjaġġat biex tgħin fit-tħejjija tat-tfal qabel jibdew jattendu fl-iskola mmexxija mis-sorijiet. Ġara, iżda, li qabel ma nfetaħ l-orfanatrofju raġel daħal fil-kamra tas-sodda tagħha u qatilha. Għalkemm il-qattiel ġie identifikat, instab ħati u issa jinsab il-ħabs, il-motivi tad-delitt tiegħu mhumiex ċari. Jidher li ma kienx imqanqal mill-mibegħda għall-fidi, u għalhekk il-kawża tagħha għall-beatifikazzjoni se tkun relatata mal-virtù erojka tagħha, mhux mal-martirju.
Imħabba lejn l-Ewkaristija
F’intervista ma’ Radju Vatikan, Fr Wróbel qal li fl-applikazzjoni biex tmur il-missjoni Helena stqarret li kienet irċeviet il-grazzja ta’ Alla, li hija ddefiniet permezz ta’ ħames kelmiet bil-Pollakk li jibdew bl-ittra D: “Dar, Darmo, Dany, Do, Dawania” (“Rigal mogħti b’xejn minn Alla biex jingħata lill-oħrajn”). Helena twieldet fl-istess sena tal-Beatu Carlo Acutis. Meta ġiet mistoqsija jekk tarax xebh bejn it-tnejn, oħt Helena,Teresa Kmieć, wieġbet li l-Ewkaristija kienet fiċ-ċentru tal-ħajja taż-żewġ żgħażagħ. Fil-fatt il-Beatu Carlo Acutis sejjaħ lis-Sagrament Imqaddes “it-triq lejn is-sema”. Tereża tiddubita jekk qattx kien hemm xi waqt meta oħtha ma kinetx fl-istat tal-grazzja t’Alla. Tiftakar li qatt ma ratha toqgħod lura milli titqarben waqt il-Quddiesa u li kienet tmur tqerr regolarment.
Meta żar il-familja ta’ Helena ftit wara li sar jaf bil-mewt traġika tagħha, Fr Paweł Król qal li għalkemm in-niket tal-ġenituri tagħha kien evidenti, it-tieni omm tagħha Barbara esprimiet il-ferħ tagħha li Helena kienet irċeviet l-Ewkaristija fil-lejla qabel ma nqatlet u għalhekk mietet fl-istat tal-grazzja.
Fr Król jara xebh ieħor mal-Beatu Carlo Acutis, li kien entużjasta kbir tal-kompjuter u ħoloq websajts dwar il-mirakli Ewkaristiċi. Helena Kmieć kellha blog tar-ritratti u profil fuq Facebook. Il-profil tagħha jpinġiha bħala adulta żagħżugħa moderna ordinarja li għalkemm twajba kienet tixbah ħafna lil sħabha. Profil minnhom fih kumment tagħha: “Jgħidu li l-aqwa make-up li tista’ tilbes mara hija tbissima. Imma l-lipstick tajjeb ukoll.”
L-aħħar post ta’ Helena
Meta ssir taf bid-destin traġiku li kien hemm jistenna lil Helena, tikkommovi ruħek xħin taqra l-aħħar post tagħha fuq Facebook, ippubblikat 15-il ġurnata qabel mewtha. Il-post bit-titolu “Bolivja: Missjoni Possibbli” fih ritratti ta’ Helena u l-voluntier seħibha jitbissmu viċin xulxin malli waslu fl-ajruport f’dan il-pajjiż tal-Amerika t’Isfel.
Wara li nfetħet il-kawża tagħha għall-beatifikazzjoni, il-postulatur tagħha qal li huwa “sinjal taż-żminijiet” li l-Knisja se tistudja l-korrispondenza bl-email ta’ Helena u l-posts u l-kummenti fil-midja soċjali.
Mistoqsi kif Helena tista’ tkun mudell għal sħabha millennjali, oħt Helena, Teresa, tgħid li l-ħajja ta’ oħtha kienet xhieda ta’ kif nistgħu nkunu “fl-imħabba ta’ Alla imma mija fil-mija fid-dinja”. M’hemmx għalfejn tgħix f’monasteru biex ikollok relazzjoni mill-qrib ma’ Alla. Meta r-relazzjonijiet tagħna m’Alla jkunu kif suppost, inkunu ferħanin mhux biss fis-sema imma wkoll fuq l-art.
Joe Galea

