Ġwanni Pawlu II fil-Katidral ta’ San Stiefnu fi Vjenna

VIŻTA PASTORALI FL-AWSTRIJA
QUDDIESA FIL-KATIDRAL TA’ SAN STIEFNU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Vienna (Awstrija) – It-Tnejn, 12 ta’ Settembru 1983

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!

Insellmilkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu; għaliex “fl-ebda isem ieħor mhemm salvazzjoni; mhemm infatti ebda isem ieħor mogħti lill-bnedmin taħt ix-xemx li fih huwa stabbilit li nistgħu nkunu salvati” (At 4, 12). Insellmilkom fl-sem ta’ Marija, li l-Vanġelu tallum jenfasizza, u li l-festa liturġika tagħha ħadet minn hawn il-bidu tliet mitt sena ilu. Insellem lilkom ilkoll hawn miġbura fil-meqjum Katidral iddedikat lil San Stiefnu. Dan kien mibni mill-komunità tad-Dieti b’sagrifiċċji deċennali u, wara l-qerda tat-tieni gwerra dinjija, inbena blfferti taċ-ċittadini u tal-Lander tal-Awstrija. Bħal f’dak iż-żmien, jirrapreżenta x-xhieda tal-fidi nisranija, iċ-ċentru tal-belt ta’ Vjenna u tal-Episkopat.

Illum, f’din l-okkażjoni festuża, huwa miġbur, fil-persuni tar-rappreżentanti propji, l-apostolat lajk kollu, biex jiċċelebra l-Quddiesa flimkien mal-Kardinal, l-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni tiegħu u s-suċċessur ea’ San Pietru. Ninsabu lkoll miġbura minn passat komuni nisrani, li tiegħu tagħmel ukoll parti l-istorja tal-ħelsien ta’ Art Twelidkom. Fl-istess ħin tgħaqqadna missjoni komuni: il-missjoni li nxandru s-salvazzjoni fid-dinja tallum.

2. Għeżież ħuti! “L-Amġlu Gabriel kien mibgħut minn Alla . . . għand waħda verġni . . . Il-verġni kien jisimha Marija” (Lq 1, 26-27).

Id-deskrizzjoni tal-Annunzjazzjoni skont Luqa titkellem dwar l-Anġlu Gabriel li jintbagħat għand Marija, il-verġni ta’ Nażżaret. Fl-istess ħin din is-silta tirrivelalna kif kien mibgħut l-Iben ta’ Alla: Alla, il-Missier, jibagħtu fid-dinja billi jagħtih omm terrena. Il-miġja ta’ Bin Alla titwettaq fli hu jsir bniedem. Il-Verb, ħaġa waħda mal-Missier, jinkarna ruħu fil-ġuf tal-verġni isir bniedem permezz tal-Ispirtu Santu. Marija tilqà l-aħbar tal-Anġlu b’fidi u tgħid il-“fiat” tagħha, l-iva tagħha: hekk issir Omm Kristu.

Din il-ġrajja hija l-quċċata tal-istorja tas-salvazzjoni: minn hawn tibda l-opra messjanika ta’ Kristu fost il-bnedmin: “Huwa jkun kbir u jissejjaħ bin l-Iktar Għoli . . . u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem” (Lq 1, 32. 33).

3. Il-missjoni ta’ Kristu li titwettaq fuq is-Salib fuq il-Kalvarju u li tiġi kkonfermatha mill-Missier permezz tal-Qawmien mill-Imwiet, għandha s-sekwenza tagħha. Il-Mulej irxuxtat jgħid lill-Appostli: “Kif il-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom (Ġw 20, 21). Jibagħathom bħala xhieda tal-Vanġelu, xhieda tas-Salib u tal-qawmien mill-imwiet. Jibagħathom bħala ambaxxaturi tas-Saltna ta’ Alla. Jibagħathom biex minn dak inhar ‘il quddiem ikunu jistgħu joperaw, bi kliemhom, l-azzjonijiet tagħhom u lil qlubhom. Permezz tal-Ispirtu Santu tkompliet u twettqet il-missjoni terrena tal-Iben ta’ Alla; permezz tal-istess Spirtu l-Appostli kellhom iwettqu l-missjoni li kienet afdatha lilhom  .

It-tieni qari tal-Liturġija tallum jurina lill-Appostli miġburin jistennew il-miġja tal-Ispirtu Santu “flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù u ma’ ħutu” (At 1, 14). “Il-koll kienu miġburin fit-talb”, fit-talb lill-Ispirtu Santu.

Dan l-ewwel nukleju tal-Knisja tal-oriġni mhux diġa x-xbiha tal-poplu ta’ Alla, illum iffurmat mill-Isqfijiet, suċċessuri tal-Appostli, u mill-insara lajċi, irġiel u nisa? F’ubbidjenza mar-rieda ta’ Alla u mal-missjoni tagħha fl-istorja, il-Knisja tagħraf b’mod effettiv żewġ dimensjonijet tal-apostolat: l-apostolat tas-servizz li jiġiha mis-suċċessjoni apostolika tal-Isqfijiet u l-apostolat tal-laċi li jiġi mis-sejħa komuni ta’ kull nisrani.

Il-Konċilju Vatikan II wera b’mod effettiv dawn iż-żewġ dimensjonijiet, fil-valur awtentiku tagħhom, indipendenti imma f’rapport strett bejniethom. Hawn insibu s-sies tejoloġiku kostanti għal kull twettiq konkret ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ apostolat fi żmienna. L-apostolat tar-reliġjużi u dak tal-lajċi mhumiex f’kuntrast, imma jintegraw ruħhom b’mod profond bejniethom. Fil-Knisja tal-oriġni, f’Ġerusalem, ma kienx hemm “Knisja li kienet fil-għoli” u “Knisja li kienet fil-baxx”: “flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija Omm Ġesù u ħutu, l-Appostli kollha kienu magħqudin fit-talb”.

4. Ħuti! Dan il-Katidral, li fih tistà tħoss l-istorja u l-fidi kostanti ta’ Art Twelidkom, ifakkarna kif darba rġiel u nisa kuraġġużi wasslu f’dan il-Pajjiż il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu. Flimkien mal-Isqfijiet, mas-saċerdoti u l-qassisin u s-sorijiet, numru enormi ta’ Lajċi tal-istrati soċjali kollha u ta’ kull kondizzjoni ekonomika wasslu l-Vanġelu, żergħuh, ikkultivawh u ġagħluh jagħmel il-frott. Alla biss jaf kemm fidi, kemm tama u kemm imħabba dawn il-bnedmin għexu u qajmu fl-oħrajn.

Illum ukoll il-Knisja ma tgħejjiex tqassam id-don tal-ħniena ta’ Alla, Fl-istess ħin hija tħabrek bla ma tgħejja sabiex l-art niexfa ssir fertili. Sabiex dan jistà jseħħ, intom tistgħu tagħtu l-kontribut tagħkom fil-missjoni speċifika tagħkom ta’ lajċi. Il-lajk huwa fl-istess ħin sinjal ta’ salvazzjoni fid-dinja u pont bejn il-Knisja u d-dinja. Spiss intom f’kuntatt iktar strett mal-kondizzjonijiet tal-ħajja, il-bżonnijiet, it-tamiet u l-kontradizzonijiet spiritwali ta’ żmienna, minn kemm mhumiex is-saċerdoti u r-reliġjużi. B’apostolat ġeneruż tal-lajċi biss, f’għaqda mar-Rgħajja tal-Knisja, imgħajjex mill-Grazzja sagramentali, il-Knisja hija tassew Knisja (cf. Ad Gentes, 21).

Bħala suċċessur ta’ San Pietru irrid nesprimilkom ir-ringrazzjament li nħoss għas-servizz li tagħtu f’din, imma lkoll f’kollaborazzjoni stretta il-missjoni, li Bin il-Missier afda lill-Knisja tiegħu. Aqdu l-Vanġelu f’modi differenti: kull wieħed u waħda fil-kamp tagħha u f’konformità mal-vokazzjoni personali propja imma lkoll f’kollaborazzjoni stretta bejnietkom. Kontu intom li segwejtu din il-vokazzjoni u li assumejtu dawn l-impenji. Fl-istess ħin iżda intom kontu magħżula minn Alla u mimlija bil-grazzja tiegħu.

5. Kunu mela konxji li kull opra tagħkom fl-apostolat lajkali hija fl-aħħar minn l-aħħar is-servizz tax-xandir tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu. Dan jgħodd b’mod partikolari għal dawk li huma mpenjati b’mod dirett fis-servizz tat-trażmissjoni tal-fidi. Hawn qiegħed nirreferi għall-għalliema tar-reliġjon fl-iskejjel, u għal dawk kollha li jedukaw fil-fidi f’oqsma oħra speċjalment fit-tħejjija għall-Magħmudija, għall-Griżma tal-Isqof, għall-Qrar u t-Tqarbin u għaż-Żwieġ.

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrivelalna li f’Ġesù il-Verb divin sar bniedem (cf. Ġw 1, 14). Alla huwa verità; u kien mogħti lilna li niskopru din il-verità F’ħajjitna, li nirrepetuha, u li nferrxuha u dan fil-lingwa tagħna, bi kliem u sentenzi tagħna. Minn hawn l-impenn tal-Knisja biex ixxandar u tferrex il-fidi b’dommi ċari. Dan jikkorrispondi wkoll man-natura tal-bniedem, li jippossiedi d-don irjali tal-intellett biex jismà, jirrifletti u jifhem.

Ħafna kurrenti spiritwali jesiġu t-tagħlim kateketiku: “Aħna rridu ngħixu skont il-verità fil-karità” (Ef 4, 15) ejjew inwieġbu mal-Appostlu Pawlu, mela la tgħejjewx taqdu u tgħallmu l-verità, sabiex “il-verità tal-Vanġelu tkompli u tibqa soda fostkom (Gal 2, 5). L-Iskrittura Mqaddsa issejjaħ lill-għadu ta’ Alla “Missier il-gidba” (Ġw, 8, 44); hija mill-banda l-oħra ssejjaħ il-kollaborazzjoni tagħna “Spirtu ta’ Verità” (Ġw 4, 17).

Naf li s-servizz tagħkom fil-katekeżi huwa mimli ostakli, Imma ejjew nafdaw li l-Ispirtu ta’ Alla jgħix fil-Knisja bil-verità tiegħu u ejjew ma nippermettux li dawk li kienu afdati lilna jgħixu s-solitudni ta’ interpretazzjoni soġġettiva tal-fidi. Ejjew infittxu li nutilizzaw il-meżżi ġusti kollha, sabiex il-verità tkun trażmessa b’mod li jiftiehem (cf. 1 Kor 3, 2). Iżda fl-istess ħin ejjew inżommu preżenti t-twissija tal-Appostlu: “Ħabbar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu” (2 Tm 4, 2).

L-evanġelizzazzjoni afdata lil-lajċi hija espressa speċjalment fl-ambjent tagħhom. Ġustament ngħidu li l-ġenituri huma l-ewwel katekisti ta’ wliedhom, li l-ħaddiem huwa l-ewwel appostlu tal-ħaddiema, li ż-żgħażagħ jisimgħu b’mod iktar faċli lil dawk tamparhom milli lill-adulti. Kulfejn tgħixu bħala kattolċi li temmnu, ikkomfermati fil-Magħmudija u fil-Griżma, hemm intom l-messaġġiera awtentiċi tal-fidi, bid-dmir li teħilsu lill-bnedmin permezz tal-verità (cf. Ġw 8, 32).

Tkun għajnuna kbira f’dan is-sens li jinħolqu ċerti komunitajiet. Il-Knisja dejjem uriet qawwa ineżawribbli, kull darba li nħolqu ċerti komunitajiet ta’ ħajja spiritwali u ta’ apostolat, fil-mixja sekulari tal-eżistenza tagħha. Xi wħud ikollhom ħajja qasira, oħrajn jibqgħu ħajjin u vitali tul il-korsa tas-sekli.

Jiena nsellem lil dawn il-komunitajiet kollha! Naf l-impenn tagħhom għall-formazzjoni tal-ħajja soċjali u reliġjuża, li assumejtu s’issa u li llum tiġi mitluba. Mela aħdmu għal tiġdid kostanti billi tibdew mis-sorsi, li joffrulkom it-tagħlim tal-Knisja u l-eżempju tal-qaddisin. L-Ewkaristija trid tirrapreżenta l-punt tar-riferenza fundamentali, li minnha tiksbu l-qawwa għall-apostolat tagħkom. Għal ħafna żmien fil-Pajjiż tagħkom ukoll ħafna persuni huma disponibbli biex jassistu b’mod dirett lill-Isqfijiet u s-saċerdoti fil-kura tal-erwieħ. Fuq kollox l-assistenti fil-kura tal-erwieħ wettqu opra ta’ pijonieri għas-servizz li llum, fil-komunitajiet, huwa dejjem rikonoxxut iktar fil-professjoni tal-assistent pastorali. Naħseb ukoll bi gratitudni għal tant irġiel u nisa oħra li jaqdu s-Saltna ta’ Alla fil-Knisja “full time”: sagristani u organisti, ġuristi u amministraturi. Speċjalment il-kollaboraturi tal-Caritas kattolika, u dawk kollha li, fi spirtu Kristjan, joffru l-opra tagħhom fid-diversi organizzazzjonijiet assistenzjali, huma l-mera tal-wiċċ maħbub u tal-id miftuħa ta’ Kristu. L-aġir kollu tagħkom se jkun il-prova tal-ħniena ta’ Alla fil-konfront tal-batuti. Il-Komunjoni ma’ min ibati, fl-isem ta’ Ġesù, għandha tkun ir-raġuni ta’ kull impenn soċjali tal-Knisja.

Għal kordinament opportun ta’ dawn is-servizzi kollha fl-isfera tal-Knisja, jeżistu wkoll qribkom xi kunsilli parrokkjali u istituzjonijiet simili f’livell iktar għoli. Dawn l-organiżazzjonijiet kollha jenfasizzaw ir-realtà tal-poplu ta’ Alla kollu. Dawn jikkollaboraw sabiex saċerdoti u lajċi jkunu jistgħu jfittxu toroq komuni għall-evanġelizzazzjoni: biex  jippermettu lill-Knisja ta’ Pajjiżkom li ssemma aħjar leħinha.

Fl-aħħarnett irrid insemmi wkoll lil dawk li jisilfu s-servizz tagħhom fis-skiet. Mhuwiex indifferenti jekk il-bini ta’ knisja jiġi kkurat u armat bi mħabba, mhuwiex indifferenti min jieħu ħsieb il-parroċċa; huwa mportanti l-ispirtu li bih jiffaċċjaw ix-xogħlijiet żgħar differenti f’komunità, li jistgħu jkunu kbar għal għajnejn Alla. Dawn ukoll jiftħu t-triq lill-Vanġelu, jekk jitwettqu b’konvinzjoni u bil-qalb.

6. Għeżież ħuti! Biex l-opra tagħkom fl-oqsma tal-apostolat lajk, tistà tkun tassew effettiva tridu tkunu konvinti profondament u animati mill-Ispirtu ta’ Kristu. Għalhekk inħeġġiġkom biex tqaddsu ħajjitkom. F’Pajjiżkom għexu u ħadmu Qaddisin li t-tifkira tagħhom hija nkanċellabbli. Ejjew naħsbu  speċjalment, hawn fi Vjenna, f’San Klement Marija Hofbauer. Kienu saċerdoti lajċi, irġiel u nisa, reliġjużi rġiel u nisa. U wkoll fi żminijiet riċenti kien hawn bnedmin li nħarsu lejhom bi gratitudni u tama wkoll jekk għadhom ma ġewx mgħollija għall-unur tal-altari.

Qaddis huwa, fil-ħajja u fil-mewt, it-traduzzjoni tal-Vanġelu għal Pajjiżu u għal żmienu. Kristu ma jittitubax li jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu għas-suċċessjoni u għall-perfezzjoni (cf. Mt 5, 48). Id- Diskors tal-Muntanja huwa tagħlima eżemplari għall-qdusija. La tibżgħux minn din il-kelma, la tibżgħux mill-verità ta’ ħajja qaddisa! Huwa minnu li l-Knisja tinħtieġ l-istituzzjonijit kbar tagħkom, strutturi u mezzi finanzjarji. Is-sors ta’ ħajjitha iżda huwa l-Ispirtu ta’ Alla, li jrid juri lilu nnifsu fil-bniedem. Għalhekk ħudu ħsieb it-talb, speċjalment dak personali. Ħafna mill-knejjes tagħkom huma opri stupendi tal-arti, imma m’għandhomx isiru mużewijiet. Il-fidi kostanti tat-talb sieket ta’ bosta bnedmin quddiem it-tabernaklu jagħmel iva li dawn il-knejjes iżommu id-destinazzjoni u d-dinjità awtentika tagħhom.

Agħtu mill-ġdid ħajja fil-komunitajiet tagħkom lis-Sagrament tal-Qrar. Bil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (cf. Lq 18, 10 ss.) il-Mulej jgħid b’mod ċar b’liema atteġġjament kull wieħed u waħda minna għandna nidħlu fil-knisja, Mingħar indiema jikbru l-akkużi u minn dawn l-akkużi jitnisslu l-ostilitajiet, l-inkwiet, saħansitra l-gwerra. L-indiema tagħna quddiem Alla ma sservix biss għas-salvazzjoni personali, imma wkoll għas-salvazzjoni tad-dinja li ddawwarna. Hekk insiru sinjali ħajjin tat-tama f’nofs il-bnedmin, li jirrifjutaw ħtijiethom jew jiġu mgħaffġa minnhom  .

Itolbu lil Alla sabiex jagħtikom il-grazzja li tkunu tistgħu ġġorru Salibkom. Spiss ħajjitna tkun fil-periklu u bosta pjanijiet ifallu. Hemm ħafna bnedmin – ukoll f’Pajjiżkom – li ma jsibux iktar sens f’ħajjithom. Kunu intom, bil-qawwa umli tagħkom, li ttuhom kuraġġ ġdid fil-ġarr tas-salib propju tagħhom. Tkunu mela għalihom eżempju ta’ liberazzjoni; fikom jaraw t-triq biex jaslu, flimkien għand il-Feddej tagħna, għall-Muntanja taż-Żebbuġ u għall-qawmien mill-imwiet.

U biex nikkonkludi: għixu b’kuraġġ ħajjitkom personali kollha, ukoll jekk din tidher insinifikanti. L-għalliema l-kbira tal-ħwejjeġ iż-żgħar, Tereża ta’ Lisieux, urietna fis-snin qosra ta’ ħajjitha kemm huma kbar quddiem Alla x-xogħlijier normali ċkejknin. Ejjew niftakru wkoll Charles de Foucauld, li għaraf l-eżempju kbir tal-ħajja moħbija ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Hemm qdusija evidenti ħafna ta’ diversi bnedmin: imma hemm ukoll qdusija mhux magħrufa tal-ħajja ta’ kuljum.

F’dan kollu Marija hija l-eżempju tagħkom. “L-Anġlu waqt li daħal ħdejha” sellmilha bħala “mimlija bil-grazzja”. “Ave Maria, gratia plena”, hekk sellmitilha l-Knisja tul is-sekli. Il-Mulej huwa Magħha. Iva, il-Mulej hu wkoll magħkom fil-qdusija ta’ ħajjitkom u fis-servizz apostoliku tagħkom .

Dan huwa l-awgurju tal-Papa, u dan hu s-servizz saċerdotali tal-Isqfijiet tagħkom, saċerdoti u djakni għall-vokazzjoni tagħkom.

7. Biex intemm irrid nerġà lura fuq il-kliem tal-Liturġija tallum. L-ewwel qari, meħud mill-ktieb tas-Siraċide jitkellem dwar l-għerf li, ħareġ mill-fomm tal-Iktar Għoli” (Sir 24, 3).

Għeżież ħuti! Irridu nħobbu dan l-għerf. Imbagħad lil ħbiebna f’apostolat li huwa għas-servizz ta’ dan l-għerf divin. Grazzi għal dan is-servizz ta’ tant ġenerazzjonijiet, l-għerf “l-għerf tefà għeruqu f’nofs poplu glorjuż”, “fil-porzjon tal-Mulej”, fil-“wirt” tiegħu (Sir 24, 12). Grazzi lil dan is-servizz il-messaġġieri tal-għerf divin tal-ġenerazzjoni attwali jistgħu jitfgħu għeruqhom fid-dinja tallum  .

Ejjew nikkultivaw din ix-xewqa eterna tal-għerf divin. Ejjew niftħulha qlubna. Ejjew nittrażmettuha lill-bnedmin u lill-ħwejjeġ li jdawruna, Ejjew inwittulhom it-triq għall-morali u għall-kultura, għall-ħajja soċjali, politika u ekonomika. L-għerf divin huwa d-dawl li jimla l-ħolqien kollu. Dan iħaddan f’imħabbtu lill-Ħallieq u l-ħolqien, Alla u l-umanità.

Ħuti! Ejjew nimxu għal għonq it-triq ta’ dan l-għerf. Ejjew insiru l-messaġġieri! Ejjew naqdu s-salvazzjoni, li Alla nnifsu ta lill-umanità f’ Ġesù Kristu. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading