minn Manwel Cutajar
Xi ismijiet li bihom kienu jissejħu l-abbatini:
Matul l-istorja tal-Knisja Kattolika l-abbatini kienu magħrufa wkoll bħala:
Il-Kavallieri tal-Artal – Dan l-isem ġie mfassal għall-ewwel darba minn San Ġwann Bosco fil-ministeru tiegħu għat-tfal u ż-żgħażagħ f’Turin,l-Italja. Fr. Francis E. Benz kien l-ewwel li organizza formalment u waqqaf is-soċjetà għall-abbatini fl-1938.
Piccolo Clero “…dite loro che al Papa piace molto il piccolo Clero e raccomanda a tutti di volergli bene…” (Bil-Malti) ” … għidulhom li l-Papa jħobb ħafna l-Piccolo Clero u jirrakkomanda lil kulħadd biex iħobbhom! ” (il-Papa Pawlu VI fl-Omelija tiegħu lill-abbatini fil-Vatikan,fil-25 ta’ April 1964.)
Dan l-isem ġieli kien jintuża wkoll hawn Malta għall-abbatini Maltin u Għawdxin.
Ġeneralment ukoll it-Taljani jużaw il-kelma chierichetto għal abbati tifel.
L-abbatini jissejħu ukoll Qaddejja tal-artal, kif rajna fl-artiklu preċedenti. Ximindaqqiet jissejħu wkoll akkoliti.
L-abbatini Bniet
Fil-15 ta’ Marzu 1994,Il-Kardinal Antonio Maria Javierre Ortas,dak iż-żmien Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti kien bagħat komunikat lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali li fih ħabbar li l-Vatikan kien, għall-ewwel darba, jippermetti abbatini bniet– deċizjoni li kienet ġiet meħuda fil-11 ta’ Lulju 1992 mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
Siltiet mill-messaġġ li l-Papa Franġisku kien għamel lill-abbatini tal-Portugall f’Fatima fl-1 ta’ Mejju 2021 fl-okkażjoni tal-25 Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-abbatini.
“Kun qaddis!”
“ Din hi l-ewwel ħaġa li Ġesù jgħid lil kull wieħed minnkom: Kun qaddis!” qal il-Papa Franġisku lill-qaddejja tal-artal.
Il-Papa fakkarhom fix-xorti li għandhom li jkunu fuq l-artal fejn l-Ostja u l-Inbid jiġu kkonsagrati biex isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna,filwaqt li żied jgħid li għalkemm għajnejhom ma jarawx lil Ġesù, xofftejhom u qalbhom jadurawH.
Il-Papa ħeġġiġhom biex iġibu ruħhom kif jixraq fis-servizz tal-ħwejjeġ qaddisa, billi jikkonformaw l-imġiba interna u esterna tagħhom ma’ dak li jagħmlu, speċjalment meta jkunu qrib l-artal, jew meta jagħmlu s-sinjal tas-Salib, joqogħdu bil-qiegħda jew jieħdu sehem fit-talb u l-innijiet komuni.
“Animati mir-rispett u l-ġabra interjuri, is-servizz tagħkom bħala qaddejja tal-artal isir Professjoni tal-Fidi għall-komunità,” qal il-Papa.
“Offru lilkom infuskom lil Ġesù”
Il-Papa Franġisku kompla jħeġġeġ lill-qaddejja tal-artal biex ipoġġu l-entużjażmu kollu ta’ żmienhom fil-laqgħa ma’ Ġesù moħbi taħt il-veluEwkaristiku. “Offru lil Ġesù idejkom, ħsibijitkom u l-ħin tagħkom,” ħeġġiġhom “u Hu mhux se jonqos milli jippremjakom, jagħtikom ferħ veru u jġiegħelkom tħossu fejn hu l-aktar ferħ sħiħ.”
Il-Papa enfasizza l-eżempji tal-qaddisin li sabu nutriment għall-vjaġġ tagħhom lejn il-perfezzjoni fl-Ewkaristija, fosthom il-Beata Alessandrina Maria de Costa ta’ Balasar li għexet biss bit-Tqarbin għal erbatax-il sena,u San Franġisk Marto, ir-ragħaj ċkejken ta’ Fatima.
Hawnhekk, il-Papa Franġisku jikkwota wkoll lill-Beatu Carlo Acutis li fl-Ewkaristija kien sab it-“triq ewlenija diretta għall-Ġenna” tiegħu.
“Kunu oriġinali”
Il-Papa Franġisku rrimarka li t-testimonjanzi tal-qaddisin huma meħtieġa biex jimmotivawna lejn il-qdusija, iżda li nimitaw lill-qaddisin ma jfissirx li nikkuppjaw il-mod kif kienu jgħixu l-qdusija għax dan jista’ “jiżvijana mit-triq unika u speċifika li l-Mulej għandu f’moħħu għalina. Intom tridu tiskopru min intom u tiżviluppaw il-mod tagħkom ta’ kif tkunu qaddisin, jgħid x’jgħid jew jaħseb ħaddieħor. Issiru qaddisin ifisser li ssiru aktar intom infuskom, li ssiru dak li l-Mulej ried joħlom u joħloq, u mhux fotokopja” saħaq il-Papa u żied jgħid li “ħajjitkom għandha tkun stimolu profetiku għall-oħrajn u tħallu marka fuq din id-dinja, il-arka unika tisgħu tħallu’
L-Eżempju ta’ San Ġużepp:
Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku ppropona għall-abbatini l-eżempju ta’ San Ġużepp, filwaqt li enfasizza li għalkemm ma kienx jgħin il-Quddiesa,San Ġużepp sar l-abbati l-kbir ta’ Ġesù bir-rwol tiegħu bħala r-raġel ta’ Marija u l-missier putattiv ta’ Ġesù.
Il-Papa filwaqt li kompla jħeġġeġ lill-qaddejja tal-altar fakkarhom għal darb’ oħra fil-kliem tal-Beatu Carlo Acutis:“Kollha nitwieldu bħala oriġinali,imma ħafna jmutu bħala fotokopji.” Innota li għalkemm jistgħu jidhru differenti, ħafna jispiċċaw bħal oħrajn u ma jisponux ‘il barra minnhom infushom id-doni u t-talenti personali u uniċi li tahom il-Mulej.
Il-Miraklu Ewkaristiku tal-Beata Alexandra Maria de Costa
Alexandrina Maria de Costa twieldet fit-30 ta’ Marzu 1904 f’Balasar, il-Portugall.Hi rċeviet edukazzjoni Kristjana soda mingħand ommha u mingħand oħtha Deolinda.
Fis-sena 1918, waqt li Alexandrina u Deolinda kienu qed iħetu,tliet irġiel daħlu b’mod vjolenti f’darhom u ppruvaw jabbużawhom sesswalment. Biex tippreserva l-purità tagħha,Alexandrina qabżet minn tieqa,għoli ta’ madwar erba’ metri.
Il-ġrieħi tagħha kienu ħafna,u t-tobba djanjostikaw il-kundizzjoni tagħha bħala “irreversibbli”.
Sa 19-il sena, Alexandrina kienet għadha kapaċi “tkaxkar lilha nnifisha” lejn il-knisja biex tibqa’ titlob għal ħin twil. Bil-paraliżi u l-uġigħ tagħha jmorru għall-agħar, mill-14 ta’ April 1925 sal-mewt tagħha – bejn wieħed u ieħor 30 sena – kienet spiċċat bedridden paralizzata għalkollox.
Alexandrina kompliet titlob lill-Omm Imqaddsa l-grazzja ta’ fejqan mirakoluż, u wiegħdet li ssir missjunarja jekk titfejjaq.
Ftit ftit, iżda, Alla għenha tara li t-tbatija kienet il-vokazzjoni tagħha u li kellha sejħa speċjali biex tkun il-“vittma” tal-Mulej. Aktar ma Alexandrina “fehmet” li din kienet il-missjoni tagħha, aktar riedet tħaddanha.
Missjoni li tbati ma’ KristuI
Ix-xewqa tat-tbatija kompliet tikber fiha aktar ma dehret ċara l-vokazzjoni tagħha: fehmet li hija kienet imsejħa biex tiftaħ għajnejn l-oħrajn għall-effetti tad-dnub, tistedinhom għall-konverżjoni, u toffri xhieda ħajja tal-Passjoni ta’ Kristu.U hekk kien li mit-3 ta’ Ottubru 1938 sal-24 ta’ Marzu 1942 Alexandrina għexet il-“Passjoni” ta’ Ġesù ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, wara li rċeviet il-grazzja mistika li tgħix b’ruħha u ġisimha t-tbatija ta’ Kristu fl-aħħar sigħat Tiegħu.Kienet ukoll tiġi attakkata mix-xitan u tturmentata b’tentazzjonijiet kbar kontra l-Fidi u bil-ġrieħi li kellha.
L-Ewkaristija – l-uniku nutriment tagħha
Fis-27 ta’ Marzu 1942, inbdiet fażi ġdida għal Alexandrina li kienet se tkompli għal 13-il sena u seba’ xhur sal-mewt tagħha.Hija ma kienet tirċievi l-ebda nutriment ħlief l-Ewkaristija Mqaddsa,f’ħin minnhom tiżen daqs 33 kilo. It-tobba baqgħu mħawda b’dan il-fenomenu u bdew jagħmlu diversi testijiet fuq Alexandrina,aġixxew b’mod ostili ħafna lejha.Dan żied it-tbatija u l-umiljazzjoni tagħha,
Minkejja dan,dawk li kienu jżuruha dejjem sabu mara li,kienet dejjem ferħana u toffri t-tbatjiet tagħha għas-salvazzjoni tal-erwieħ u l-qdusija taż-żgħażagħ.
Alexandrina mietet fit-13 ta’ Ottubru 1955. Hijakienet ġiet ibbeatifikata solennement mill-Papa Ġwanni Pawlu II fis-26 ta’ April 2004.