Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa għall-Papiet Pawlu VI u Ġwanni XXIII

QUDDIESA GĦALL-PAPA PAWLU VI U L-PAPA ĠWANNI PAWLU I
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa, 28 ta’ Settembru 1983.

Mill-ġdid għal darb’oħra ingħatalna li ninġabru u nassoċjaw ruħna f’ċelebrazzjoni speċjali, li hija ordnata għat-tifkira u għas-sufraġju ta’ żewġ erwieħ kbar ta papiet, li għebu mix-xena ta’ din id-dinja ħames snin ilu, imma dejjem ħajjin fil-memorja mqanqla u rikonoxxenti tagħna hawn preżenti u ta’ tant u tant fidili mferrxin fuq il-wiċċ ta’ din l-art.

Kbir, infatti, huwa d-dejn ta’ gratitudni li jgħaqqadna kemm ma Pawlu VI, Ragħaj għaref u żelanti li kellu l-missjoni diffiċli li jmexxi l-Knisja għal iktar minn kwindiċenju, kif ukoll ta’ Ġwanni Pawu I li, minkejja il-qosor mhux mistenni tas-servizz tiegħu, ħalla, bdanakollu, marka viżibbli sewwa fl-istorja tal-pontifikat Ruman. Kif kelli okkażjoni nikteb fl-ewwel enċiklika tiegħi (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 2-4), jiena nħoss għalihom, għall-wirt singulari tagħhom, kif ukoll għall-korteżija li t-tnejn urewni, rabta ta’ kollegament personali, li timmarka fl-istess ħin punt oġġettiv ta’ riferenza għall-attività tiegħi, dmir ta’ fedeltà għal-linja li huma indikaw għall-mixja tal-Knisja f’din  il-parti tas-seklu XX, u obbligu ta’ devozzjoni reminixxenti u ta’ mħabba lejn il-figura tagħhom.

Il-Qari liturġiku sinifikattiv, li sejrin nisimgħu, isostni u jiggwida t-talb komunitarju tagħna għaż-żewġ Papiet mibkija. Fit-tiġdid fuq l-altar tas-sagrifiċċju stess ta’ Kristu Mulej, aħna nitolbu għal ruħhom, billi għal darb’oħra nsejħu mingħand Dak li huwa “il-Qawmien u l-Ħajja” (Ġw 11, 25) dik il-milja ta’ bejatitudni, ta’ dawl u ta’ paċi, li tikkostitwixxi il-premju tal-ġusti.

Ejjew imbagħad nitolbu għalina r-Rgħajja, sabiex l-eżempju ta dawn iż-żewġ Papiet, iddestinat li jibqà għal ħafna żmien, ikun partikolarment effettiv għalina li kellna l-fortuna li nkunu nafuhom u nħobbuhom.

U se nitolbu għall-Knisja kollha, li għaliha huma tant ħadmu, sabiex fost id-diffikultajiet li qatt ma jonqsu tkompli tipproċedi mgħaġġla u sikura fl-adeżjoni nkrollabbli mal-Kelma tal-Fundatur u Mulej tagħha, waqt li dejjem iżżomm għolja il-fjakkla tal-fidi vera u billi ddawwalha mhux biss fost uliedha, imma wkoll fost tant – bnedmin ta’ rieda tajba – li jgħixu fid-dinja.

Irridu wkoll nitolbu għad-dinja , li x-xorti tagħha, propju minħabba l-alternanza tat-tama u t-theddid permanenti, anzi krexxenti, fl-ekwilibriju prekarju bejn paċi u gwerra, kienet kostantament,  “sofferenti” għall-qalb taż-żewġ Papiet għeżież.  Iva, waqt li noffru sufraġji għall-mistrieħ etern tagħhom, aħna nazzardaw nitolbu wkoll għall-interċessjoni tagħhom, sabiex fid-dinja tallum ikun milqugħ l-messaġġ etern tat-tama li jindirizza lill-bnedmin tal-ġenerazzjoni tagħna lejn ħsibijiet ta’ paċi, ta’ ġustizzja, ta’ fraternità umana u solidali.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading