Suġġerimenti lill-knejjes, parroċċi u komunitajiet oħra, bi tħejjija u għall-Ġublew 2025
Kristu huwa t-tama tagħna. Dan huwa l-messaġġ kostanti tul il-Bolla tal-Indizzjoni, “Spes non confundit”, “It-tama ma tqarraqx”, li l-Papa Franġisku ppublika għall-Ġublew Ordinarju tas-sena 2025, Pellegrini tat-Tama.
Fl-ittra li kien kiteb fi Frar 2022, huwa rrakomanda li s-sena 2024, li fil-mument li qed nikteb diġà għaddiet aktar minn nofsha, tkun “sinfonija kbira ta’ talb. Qabelxejn biex nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh.”

Minn dan, diġà joħroġ programm qawwi u ċar għal kull nisrani u kull nisranija, imma wkoll b’mod patrtikolari għall-parroċċi, għall-knejjes u għall-komunitajiet kollha tagħna; “sinfonija kbira ta’ talb biex nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej.” Mhux il-ħsieb li nkomplu nżidu mal-attivitajiet li diġà qed isiru, imma li norjentawhom aktar lejn Kristu, t-tama tagħna.
Xi suġġerimenti prattiċi
Fuq skala internazzjonali, fis-7 ta’ Ottubru li ġej (2024) ser issir madwar id-dinja, il-World Rosary Day (WRD) – Jum Dinji tar-Rużarju bi tħejjija għall-Ġublew. Dakinhar il-Knisja tagħmel it-tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju, waqt li f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna ssir il-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna mat-toroq tal-parroċċa, waqt li kulħadd jitlob u jimmedita l-misteri ewlenin tal-ħajja ta’ Ġesù.
Nistgħu, per eżempju, aħna wkoll dakinhar, norjentaw iċ-ċelebrazzjonijet tagħna lejn it-tema tal-Ġublew, Pellegrini tat-Tama. Dan ikun possibli billi r-riflessjonijiet qosra li jsiru ma’ kull posta tar-rużarju, jkunu ċċentrati fuq Kristu, bħala t-tama tagħna.
Forsi l-Imqaddsa Verġni Marija ma mxietx hija wkoll, dan il-pellegrinaġġ tat-tama, bi Kristu fi ħdanha meta, dakinhar tal-Inkarnazzjoni, hija ħaffet lejn l-għoljiet biex twassal it-tama inkarnata li kellha fiha lil qaribitha, Eliżabetta – hija wkoll tqila, b’binha fil-ġuf? Marija mxiet il-pellegrinaġġ tat-tama lejn Betlehem biex tagħti lid-dinja l-ewwel iben tagħha. Kompliet il-pellegrinaġġ ta’ tama lejn l-Eġittu u lura. Lejn it-tempju ta’ Ġerusalemm, meta binha kien għad kellu biss erbgħin jum, imma wkoll tnax-il sena wara, meta qalbha maqsuma fittxitu għal tlitt ijiem. Il-pellegrinaġġ tat-tama, tagħha u tagħna, Marija imxietu wara binha sa fuq il-Kalvarju.
Forsi l-misteri l-oħra, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja, mhumiex kollha sinjali ta’ tama għal matul il-pellegrinaġġ li aħna qed nimxu llum?
Knejjes miftuħa
Aktar ‘il fuq ikkwotajt kliem il-Papa fl-ittra tiegħu lil Mons Fisichella, li huma nkarigat mill-kordinament tal-Ġublew f’Ruma. “Qabelxejn jeħtieġ li nirkupraw ix-xewqa li noqogħdu fil-preżenza tal-Mulej, nisimgħuh u nadurawh.”
Nistgħu fil-knejjes u kappelli sagramentali tagħna, noffru aktar aċċessibiltà biex dan isir? Li dawn ikunu miftuħin għal ħinijiet itwal u li ma jinfetħux biss għall-quddies jew għal waqt xi ċelebrazzjoni? Possibli li darba kultant, imqar darba fix-xahar, possibilment aktar ukoll, ikun hemm knejjes miftuħa anke tard filgħaxija u forsi wkoll matul il-lejl?
Il-Qrar
Fil-Bolla tal-indizzjoni, il-Papa jikteb dwar preparazzjoni tas-saċerdoti u tal-fidili għall-Qrar u dwar aktar aċċessibbiltà għal dan is-sagrament fil-forma individwali. Il-ġublew huwa żmien ta’ maħfra.
Kulħadd jaf li n-numru tas-saċerdoti huwa dak li hu, imma forsi ma jkunx possibli li matul dawn il-ħinijiet speċjali ta’ skiet li għadna kif semmejna, ikun hemm saċerdot disponibbli għall-qrar? Bl-għajununa ta’ Alla, ix-xhieda tal-preżenza ta’ dawn il-ministri tal-Knisja, taf tkun ukoll okkażjoni ta’ grazzja li minnha jitwieldu vokazzjonijiet ġodda. Ninsab ċert li tali xhieda tħalli ħafna aktar frott mir-riklami fuq il-mezzi tal-midja.
Żminijiet liturġiċi speċjali
L-Avvent dalwaqt insibuh ma’ wiċċna. Minnu nnifsu, dan huwa żmien ta’ tama, iċċentrata fuq il-miġja ta’ Kristu. Kull qari li jkollna fil-quddies, mhux biss tal-Ħdud, ikun immirat lejn it-tama.
Nistgħu, allura, fil-knejjes kollha fejn isir il-quddies, waqt l-omeliji u waqt ukoll il-kumplament taċ-ċelebrazzjoni, tkun mogħtija enfasi fuq din il-virtù nisranija? Tant u tant persuni ta’ kull età, mit-tfal sax-xjuħ qed jistennew, forsi wkoll qed jokorbu għal kelma ta’ tama u ta’ kuraġġ! Mhemmx bżonn li kull darba nsemmu l-ġublew, wara kollox, il-ġrajja tal-ġublew tiġi u tmur, imma t-tama tagħna fi Kristu, trid tibqa’ hajja sal-aħħar.
Il-Milied u ż-żmien liturġiku marbut miegħu, għandu konnessjoni diretta mal-ġublew, li minnu nnisfu hu tifkira tat-twelid ta’ Ġesù. Tant personaġġi mill-Kotba Mqaddsa stennew b’tama il-miġja ta’ Kristu! NIstgħu fil-parroċċi tagħna, jkun hemm inizjattivi ta’ laqgħat biex jitfakkru dawn il-persuni bibliċi, mhux bħala tagħrif biex ikunu nafu dwarhom, imma bħala fanali ta’ tama għalina llum. Bħala xhieda għad-dawl veru li huwa Kristu, l-istess kif kien Ġwanni l-Għammiedi..
Dawn l-inizjattivi jistgħu jsiru wkoll bil-kollaborazzjoni ta’ għaqdiet u movimenti tal-lajċi, li għandhom ikunu nvoluti, mhux għax ma hemmx saċerdoti jew reliġjużi biex imexxu, imma għax huwa important li l-għaqdiet tagħna jkunu parti attiva mill-ġublew.
Ir-Randan ukoll, għall-grazzja ta’ Alla, ikun mogħti kull sena, ħafna importanza, speċjalment b’tant eżerċizzi spiritwali li jsiru matulu. Huwa ħasra li f’numru ta’ parroċċi, in-numru ta’ persuni li jieħdu sehem fihom naqas. Imma nistaqsi, tista’ s-sena tal-ġublew tkun okkażjoni biex nirrifreskaw mill-ġdid dawn l-eżerċizzi u ż-żmien kollu tar-Randan? Forsi noħolmuhom b’mod ġdid, li jibdew ikunu aktar addattat għaċ-ċirkustanzi preżenti tal-poplu tagħna? Hekk, minflok nużaw ir-Randan biex inħeġġu għall-ġublew, aħna ninqdew bil-ġublew biex nagħtu ħajja ġdida lir-Randan, mhux biss għal matul l-2025, imma wkoll anke għal wara.
L-Għid il-Kbir. Xi ħadd darba ddeskrivih miegħi bħala, “anti-climax tar-Randan u festa ta’ figolli”. Ħasra hux? L-akbar festa tal-Insara u nħarsu lejha b’dan il-mod. Forsi kultant ma’ nħarsu lejha xejn, għax ninjorawha kważi għal kollox. Għal bosta minna l-insara, huwa jum bħall-oħrajn. Aktar importanti mill-Għid il-Kbir, għal bosta minna hija l-festa tar-raħal. F’xi knejjes, peress li tkun saret iċ-ċelebrazzjoni tal-velja tal-Għid, lanqas il-quddiesa tal-ewwel ma’ ssir!
Il-mixja liturġika tagħna matul iż-żmien tal-Għid, hija fija nfsiha pellegrinaġġ ta’ tama. Kull wieħed u kull waħda mill-personaġġi li niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju, kienu huma nfsushom pellegrini tat-tama.
Lectio divina
Dan iwassali għal tema oħra li tant jisħaq fuqha l-Papa Franġisku, il-Lectio Divina Nistgħu matul dan iż-żmien hekk speċjali fis-sena liturġika, jkollna laqgħat ta’ Lectio Divina, msejsa fuq il-qari tal-Evanġelju ta’ Ħdud jew fuq siltiet oħra? Fil-verità, dawn jistgħu jibqgħu jsiru wkoll fil-kumplament tas-sena, basta li jkunu tassew Lectio Divina, fejn il-qari tal-Kelma ta’ Alla jsir talba.
Fil-mumenti tat-talb, nistgħu wkoll nagħmlu użu prattiku mis-Salmi li insibu fil-Kotba Mqaddsa, deskritti mill-Papa Franġsiku nnifsu bħala “sinfonija ta’ talb fil-Bibbja”.
Poplu parteċipiiv
Importanti wkoll li l-poplu jkun imħeġġeġ u mogħti kull opportunità possibli biex jinvolvi ruħu pastoralment b’mod attiv. Hemm diversi modi kif dan jista’ jsir, b’mod partikolari fejn jidħlu dawk il-membri tal-komunità li għal raġuni jew oħra ma jistgħux jipparteċipaw fil-ħajja parrokjali; il-morda u l-anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, persuni fl-istituti u djar apposta għalihom. Dawk fl-isptarijiet jew djar komunitarji, dawk li għal raġuni jew oħra huma emarġinati mis-soċjetà. Tant persuni li ħajjithom saret traġedja kontinwa. Jalla, li b’ħafna prudenza, umiltà u mħabba, noqorbu aktar lejhom u nuruhom li aħna ninsabu hemm għalihom. Li aħna wkoll ninħtieġu lilhom kif huma jinħtieġu lilna. Huwa mpressjonanti kif fil-bolla dwar il-ġublew tat-tama, Franġisku jikteb daqshekk fit-tul fuq l-opri tal-ħniena. Huma dawn li jagħmluna tassew, pellegrini tat-tama.
Bħala poplu nisrani jeħtieġ insiru lkoll konxji li dawn l-atti ta’ mħabba, huma obligu ta’ kull min hu mgħammed. Kultant nistgħu nserrħu l-kuxjenza tagħna minħabba li fil-parroċċa jkun hemm Kummissjoni Djakonija, jew għaliex fil-pajjiż hemm is-serviżżi soċjali. Imma dawn ma jfarfrux minn fuqna l-obbligu li rċevejna fil-magħmudija tagħna, li nkunu aħna wkoll pellegrini tat-tama, għalina nfusna u għall-oħrajn.
Il-barrani li niltaqgħu miegħu fit-triq
Il-ġrajja li seħħet liż-żewġ dixxipli fit-triq lejn Għemmaws dakinhar tal-Għid, hija xhieda qawwija li dak li aħna nħarsu lejh bħala l-barrani, spiss ikun il-Kristu, li aħna ma nagħrfux. Forsi naħsbuh, kif kienu ħasbuh huma dakinhar, li dak la jaf lil Mulej u wisq anqas dwar il-ġrajja tiegħu. “Inti biss il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemm f’dawn il-jiem?” Mur għidilhom!
Imma jekk ikollna s-sabar li nħalluh jimxi magħna u jkellimna, jekk ikollna qalb miftuħa li nilqgħuh fi djarna u f’ħajjitna, allura malajr nistgħu niskopru li dak “il-barrani”, kien mibgħut lilna biex ifissirlna hu, l-Iskrittura u jħeġġiġlna qalbna.
Jista’ jkun li bosta minn dawn il-persuni li qed jiġu fostna u li spiss inqisuhom bħala, “barranin”, huma għalina grazzja speċjali, mibgħuta mis-sema biex jevanġelizzaw lilna u mhux bil-maqlub? Forsi mhux dan huwa l-mod kif il-mixja tal-ħajja tiegħi ta’ kuljum, tista’ tinbidel f’pellegrinaġġ ta’ tama tassew?
Forsi bosta minn dawn il-persuni, ma imxewx huma wkoll il-pellegrinaġġ tat-tama, kemm għalihom infushom u kif ukoll għall-familji tagħhom? Minħabba li bosta minnhom mhumiex mgħammdin fl-istess twemmin tagħna, allura spiss ninsew li huma wkoll ulied l-istess Missier. Tant minn dawn ħutna, jgħixu madwarna, u jimxu l-istess toroq li nimxu aħna, u allura ma jixirqilhomx huma wkoll l-avviċinament kordjali u fratern tagħna?
Fortunatment, fi żmienna m’ghadnix nirreferu għalihom bħala, “infidili”, imma hija ħasra li minkejja li waqgħet il-kelma, il-mentalità għadha preżenti llum ukoll. Għalhekk, il-pellegrinaġġ tat-tama tagħna, jeħtieġ iqarribna lejhom ukoll. Tant fadlilna x’nitgħallmu!
Noħolmu tappi ġodda
Dawn huma biss ftit suġġerimenti dwar kif il-membri tal-komunità parrokjali jew ta’ komunitajiet oħra jistgħu jsiru huma wkoll, pellegrini tat-tama. Bis-sehem ta’ kulħadd, imma b’mod speċjali tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, ta’ kummissjonijiet, għaqdiet, movimenti u gruppi oħra, nistgħu flimkien noħolmu tappi ġodda għal dan il-pellegrinaġġ partikolari tagħna. Jeħtieġ ma jkunx ġita jew xalata, imlaqqma “pellegrinaġġ”. Jalla jkun pellegrinaġġ li ma jintemmx mal-ġrajja tal-ġublew, imma wieħed li nkomplu nimxuh tul ħajjitna kollha.
Għaliex il-pellegrinaġġ tat-tama, la ħa jibda llum, u lanqas ħa jintemm meta tintemm il-ġrajja nfisha, fl-aħħar tal-2025. Jiena ċert li meta l-pellegrinaġġ personali tagħna jiġi fi tmiemu tassew, allura dakinhar ħa jkun ħuna l-kbira, Kristu Ġesù, li bil-maqlub tal-iben il-kbir tal-parabbola, ser jersaq lejna biex idaħħalna huwa stess fid-dar tal-Missier, li hija l-vera dar tat-tama tagħna.
Aktar fuq il-Ġublew … https://laikos.org/g2025/
Kitba ta’ Joe Farrugia