Qari tal-Ġimgħa tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

QARI I
M’għandekx kejl biex tkun taf xi jsarraf ħabib ta’ min jafda fih.
Sir 6:5-17

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Fomm li jagħti gost ikattar il-ħbieb,
u lsien jitkellem tajjeb ikollu ħafna min jirrispettah.
Ħa jkunu ħafna dawk li jsellmulek,
imma wieħed f’elf dawk li jagħtuk parir.
Meta tikseb ħabib, iksbu wara li tkun ġarrabtu,
u tkunx mgħaġġel biex tafda fih.
Għax hemm min hu ħabib meta jaqbillu,
u ma jiqafx miegħek dakinhar tal-għawġ tiegħek.
Hemm il-ħabib li jinbidel f’għadu,
u b’għajb tiegħek jikxef li għandu tilwima miegħek.
Hemm il-ħabib li joqgħod miegħek mal-mejda,
imma ma jiqafx miegħek dakinhar tal-għawġ.
Fit-tajjeb tiegħek ikun qisu int,
u b’wiċċu minn quddiem jikkmanda lill-qaddejja tiegħek;
imma jekk tkun magħkus, idur kontrik
u jinħeba minn quddiem wiċċek.
Inqata’ mill-għedewwa tiegħek,
u oqgħod b’seba’ għajnejn fuq ħbiebek.
Kenn sod il-ħabib ta’ min jafda fih,
u min isib wieħed ikun sab teżor.
Ma tibdlu ma’ xejn ħabib tafdah,
u m’għandekx kejl biex tkun taf xi jsarraf.
Duwa tal-ħajja ħabib tafdah,
u jsibu minn jibża’ mill-Mulej.
Min jibża’ mill-Mulej imexxi tajjeb il-ħbiberija tiegħu,
u kif ikun hu, ikun ħabibu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 118(119):12,16,18,27,34,35

R/. (35a): Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek.

Imbierek int, Mulej!
Għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Bil-kmandamenti tiegħek irrid nitgħaxxaq,
qatt ma ninsa l-kelma tiegħek. R/.

Iftaħli għajnejja, biex nara
l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.
Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,
biex naħseb fuq għeġubijietek. R/.

Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha.
Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 17:17b,a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kelma tiegħek hi l-verità;
qaddisna permezz tal-verità.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.
Mk 10:1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq minn Kafarnahum u mar fl-art tal-Lhudija u ’l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, raġa’ qabad
jgħallimhom.

Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.

Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading