Qari tas-Sibt tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

QARI I
Alla għamel il-bniedem skont xbihatu.
Sir 17:1-13 (gr. 1-15)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Il-Mulej ħalaq il-bniedem mill-art,
u mill-ġdid reġġgħu lura lejha.
Tahom żmien u jiem magħduda,
u tahom setgħa fuq kulma hawn fuq l-art.
Libbishom b’saħħa tixbah lil tiegħu,
u għamilhom skont xbihatu.
Nissel f’kull ħlejqa l-biża’ tagħhom,
u tahom is-setgħa fuq it-tajr u l-bhejjem.
Irċevew l-użu ta’ ħames ħidmiet tal-Mulej,
qassmilhom id-don tal-moħħ bħala s-sitt wieħed,
u bħala s-seba’ r-raġuni għat-tifsir tal-ħidmiet tiegħu.
Tahom ir-raġuni, l-ilsien u l-għajnejn,
u wkoll il-widnejn u moħħ biex jaħsbu.
Tahom is-setgħa li jitgħallmu u jifhmu,
u wriehom x’inhu t-tajjeb u l-ħażin.
Żamm għajnejh fuq qlubhom,
biex jurihom l-għemejjel tal-għaġeb tiegħu.
U tahom li jiftaħru bl-għeġubijiet għal dejjem tiegħu.
U huma jfaħħru ismu l-qaddis,
u hekk ixandru l-għemejjel tal-għaġeb tiegħu.
Qegħdilhom quddiemhom it-tagħlim,
u tahom b’sehemhom il-liġi tal-ħajja.
Għamel magħhom patt għal dejjem,
u wriehom x’inhu l-ħaqq tiegħu.
Raw b’għajnejhom il-kobor tal-glorja tiegħu,
u semgħu b’widnejhom il-leħen glorjuż tiegħu.
U wissiehom: “Ħarsu rwieħkom minn kull ħażen!”.
U lil kull wieħed tah kmandament dwar il-proxxmu tiegħu.
Triqathom huma dejjem quddiemu,
mhumiex moħbija minn għajnejh.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 102(103):13-14,15-16,17-18a

R/. (ara 17): It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.
Għax hu jaf kif aħna magħġuna,
jiftakar li aħna trab. R/.

Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem,
bħall-fjur tar-raba’, hekk jikber.
Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa,
u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien. R/.

Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,
u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom;
ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11:25

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier,
Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.
Mk 10:13-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, ġiebu quddiem Ġesù xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken, ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading