Minn Edward Tagliaferro
Heinrick Himmler kien in-numru wieħed wara Hitler. Kien il-kap tal-Gestapo u tal-kampijiet ta’ konċentrament. Kien hu li jiddieċiedi min imut u min jgħix. Kien responsabbli tal-qtil ta’ sitt miljun Lhud, barra oħrajn ta’ nazzjonalitajiet oħra. Dan in-numru kien ikun ferm akbar kieku ma kienx għal Dr Felix Kersten, Olandiż terapista espert fil-massaġġi. Il-fama tiegħu tant kienet kibret li beda jitqies bħala “l-bniedem b’idejn mirakulużi.”
Himmler kien ibati b’uġigħ u krampi kbar fl-istonku u f’dahru. B’uġigħ bħal dan, ma setax jaqdi d-dmirijiet tiegħu sew, dmirijiet li kienu jitolbu minnu responsabbiltajiet kbar. Diversi tobba ppruvaw jgħinuh imma ma kinux kapaċi. Qalulu li bniedem wieħed biss seta’ jgħinu.
Għalhekk bagħat għal Dr Kersten, li telaq kollox biex jaqdi persuna tant important dak iż-żmien. Dan beda jimmassaġġalu l-muskoli tal-istonku. Qal lil Himmler li dan l-uġigħ ġej minn tant deċiżjonijiet ibsin li jkollu jagħmel kuljum, l-aktar meta jibgħat tant Lhud fil-“banjijiet” tal-gass. Meta spiċċat l-ewwel sezzjoni, Himmler tant ħassu jistrieħ mill-uġigħ li xtaq iħallsu sew. Kersten kien jaf li, għalkemm somom kbar ta’ flus kienu jgħaddu minn taħt idejh, Himmler ma kellux paga tajba biżżejjed għalih u għall-familja tiegħu. Għalhekk Kersten qallu li minn flok flus xtaq pjaċir żgħir. Ħabib tiegħu Olandiż bħalu kien il-ħabs akkużat bla ħtija. Jekk Himmler jordna li jiġi meħlus, dan kien ikun ħlas biżżejjed.
B’riħet hekk, Kersten beda kuljum jikseb il-ħelsien ta’ ftit nies ta’ kull nazzjon, imma l-aktar Lhud. Għall-ewwel beda bi ftit, imma bil-mod il-mod, il-ftit saru tużżani u mijiet. Kersten kien jinsisti li atti ta’ umanita’ bħal dawn jgħinuh biex inaqqas l-istress li jġiblu xi ordnijiet li kellu jobdi, bħal meta jkollu jordna l-qtil t’eluf ta’ nies f’daqqa. Bejn is-snin kefrin 1940-1945, Kersten baqa’ għaddej b’dil-ħidma tiegħu.
Meta mbagħad Hitler kien jaf li tilef il-gwerra, ftit ġranet biss qabel ma qatel ruħu b’idejh, ordna lil Himmler biex jibbumbardja l-kampijiet kollha ta’ konċentrament. Kersten għamel ħiltu biex isalvahom. Beda jappella għall-vanita’ ta’ Himmler. Beda jgħidlu kif se jibqa’ magħruf wara l-gwerra – jekk hux bniedem bla qalb għall-aħħar jew almenu kellu uqija ħniena lejn l-umanita’. Issa kellu l-unika ċans għalih li jiġbor ftit ġieħu u ma jiġix ikkundannat daqs Hitler. Kersten wiegħdu li jekk jagħmel hekk se jibqa’ jfaħħru ma’ kulħadd sakemm imut. Himmler għoġbu dan id-diskors u, għalkemm dejjem obda l-kap tiegħu għax kien l-idolu tiegħu, did-darba ddeċieda li jaħseb ftit għal rasu. Meta l-Allejati avvanzaw, ħelsu elsuf ta’ priġunieri mill-kampjiet qerrieda Nazisti.
Il-World Jewish Congress jistqarr li bis-saħħa tiegħu, Kersten b’kollox salva minn ħalq il-mewt aktar minn 60,000 Lhudi. Ma setgħux jikkalkulaw in-numru ta’ Olandiżi, Pollakki, Finlandiżi Norveġiżi u oħrajn li salvaw ukoll.
(Meħud mill-ktieb “The Magic Touch” ta’ Robert Blake)