Qari tal-Ġimgħa tal-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

QARI I
Dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom.
2 Kor 4:7-15

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, aħna għandna t-teżor f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; imħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin mal-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut. U b’hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja.

Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub: “Emmint, u għalhekk tkellimt”, aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 115(116):10-11,15-16,17-18

R/. (17a): Lilek noffri, Mulej, sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr.

Bqajt nemmen, imqar meta għedt:
“Jiena mdejjaq ħafna”.
Jien għedt fin-niket tiegħi:
“Qarrieq hu kull bniedem”. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 2:15d,16a

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
Mt 5:27-32

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.

Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

One thought on “Qari tal-Ġimgħa tal-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena”

  1. Qari ta min jixtarru.Sfirtunatament kollox nqaleb illum IL hazin sar tajjeb.
    Nitolbu lil Sam Mikiel Arkanglu halli jidhol ghalina u ibedna mil hazen

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading