Qari tat-Tnejn tat-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena/Qari tal-Vġili tas-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista

It-Tnejn

Qari I
U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.
Ġen 12, 1-9

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, 1il-Mulej qal lil Abram:
“Qum u itlaq minn artek,
minn art twelidek,
u minn dar missierek,
lejn l-art li jien nurik.

U jien nagħmlek ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek,
u int tkun barka.

Jien inbierek lil min ibierkek,
u nisħet lil min jisħtek.

U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.
U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. U ħa miegħu Abram ’il Saraj martu, u ’l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta’ Kangħan, u waslu f’art Kangħan. U Abram qasam l-art sas-santwarju ta’ Sikem, sal-balluta ta’ Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art.

U l-Mulej deher lil Abram u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art”. U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu. Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-Punent u Għaj fuq il-Lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej. U Abram baqa’ sejjer, miexi, miexi lejn il-Negeb.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 32 (33), 12-13.18-19.20 u 22

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin kollha. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 4, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija;
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

Evanġelju
Neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int.
Mt 7, 1-5

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom.

Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk: “Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek”, meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu


24 ta’ Ġunju
Quddiesa tal-Vġili tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista
Solennità

QARI I
Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek.
Ġer 1:4-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Fi żmien Ġosija, il-Mulej kellimni u qalli:
“Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek;
qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.
Jien qegħedtek profeta fuq il-ġnus.”
Jien weġibt: “Ah, Sidi Mulej,
ma nafx nitkellem, għadni żgħir.”
U l-Mulej weġibni:
“Tgħidx, ‘Għadni żgħir’.
Inti tmur kull fejn nibagħtek,
u tgħid kull ma nordnalek.
La tibżax minnhom,
għax jien miegħek biex neħilsek.”

oraklu tal-Mulej. –
U l-Mulej ħareġ idu u messli fommi,
u qalli l-Mulej:
“Ara, qegħedtlek kliemi fuq fommok.
Ara, jiena llum qegħedtek
fuq il-ġnus u s-saltniet, biex taqla’ u ġġarraf,
biex teqred u tħott, biex tibni u tħawwel.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 70: 1-6. 15ab.17

R/. Minn ħdan ommi inti ħadtni.

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni. R/.

Kun sur ta’ kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin. R/.

Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni. R/.

Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek.
O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek. R/.

QARI II
Il-Profeti stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni.
1 Piet 1:8-12

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu.

Għeżież,
għalkemm lil Ġesù Kristu
għadkom ma rajtuhx, intom tħobbuh;
fih, għad li issa m’intomx tarawh,
intom temmnu;
fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż,
li ma jistax jitfisser,
waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom,
li hu s-salvazzjoni tagħkom.
Il-profeti,
li ħabbru l-grazzja li kellha tingħata lilkom,
stħarrġu u tkixxfu fuq din is-salvazzjoni;
huma kienu jitkixxfu l-mod u f’liema żmien
kien qiegħed jaħseb l-Ispirtu ta’ Kristu,
li kien fihom,
meta kien jixhdilhom minn qabel
it-tbatijiet ta’ Kristu u l-glorji tiegħu
li kellhom jiġu warajhom.
Lilhom kien mgħarraf
li mhux għalihom infushom,
imma għalikom,
kien jiswa dak li huma kienu jħabbru,
u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li,
bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu
mibgħut mis-sema,
qegħdin jagħtukom l-Evanġelju.
Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess
jixtiequ jifhmuhom sewwa.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 1:7; Lq 1:17

Hallelujah. Hallelujah.
Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl;
biex ilesti lill-Mulej poplu mħejji sewwa.
Hallelujah.

EVANĠELJU
Martek se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.
Lq 1:5-17

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija,
kien hemm qassis jismu Żakkarija,
mit-taqsima ta’ Abija;
martu, li kien jisimha Eliżabetta,
kienet minn ulied Aron.
It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla
u jimxu bla nuqqas ta’ xejn
skont il-preċetti
u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.
Ulied ma kellhomx,
għax Elizabetta ma setax ikollha,
u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru
ta’ qassis quddiem Alla,
għax kien imissha t-taqsima tiegħu,
u, skont id-drawwa tal-liturġija,
ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa
fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.
Waqt ir-rit tal-inċens,
il-kotra kollha tal-poplu
kienet qiegħda titlob barra.

U deherlu anġlu tal-Mulej,
wieqaf in-naħa tal-lemin tal-artal tal-inċens.
Żakkarija, malli rah, tħawwad
u waqa’ biża’ fuqu.
Imma l-anglu qallu:
“Tibżax, Żakkarija,
għax it-talba tiegħek instemgħet:
martek Elizabetta se tagħtik iben,
u inti ssemmih Ġwanni.
Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ
u thennik ħafna,
u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.
Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej;
ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi,
u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.
Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael
lejn il-Mulej Alla tagħhom,
u hu ġej qabel il-Mulej,
mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija,
biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom,
u lil dawk li ma jridux jobdu
jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti,
ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading