QARI I
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej.
Is 61:9-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Nisel il-poplu tiegħi ikun magħruf fost il-ġnus, u wliedhom qalb il-popli. Kull min jarahom jagħrafhom li huma nisel imbierek mill-Mulej. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imŻejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġahwar tagħha. Bħalma l-art tnibbet l-inbiet, bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih, hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u t-tifħir quddiem kollha kemm huma l-ġnus.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
1 Sam 2, 1.4.2.8
R/: Qalbi tifraħ fil-Mulej, is- Salvatur tiegħi!
Qalbi ferħet fil-Mulej;
il-qawwa tiegħi rtefgħet fil-Mulej;
fommi ddieħak bl-għedewwa tiegħi,
għax fraħt bissalvazzjoni tiegħek. R/.
Il-qaws tal-qawwijin inkiser,
u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.
L-imxebbgħin inkrew għall-ħobż,
imma l-imġewħin ma baqgħux jitħabtu.
Il-mara bla tfal wildet sebgħa,
u l-omm ta’ bosta wlied saret dgħajfa. R/.
Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,
iniżżel f’art l-imwiet u jtella’.
Il-Mulej ifaqqar u jagħni,
ibaxxi kif ukoll igħolli. R/.
Iqajjem lill-imsejken mit-trab,
jerfa’ lill-fqir mill-miżbla,
biex iqegħedhom mal-prinċpijiet,
u jiksbu post ta’ ġieħ. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 2:19
Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja l-Verġni Marija,
li żammet sewwa f’qalbha l-kelma ta’ Alla
u kienet taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Kienet iżżomm u tgħożż dawn il-ħwejjeġ ġo qalbha.
Lq 2:41-51
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, telgħu, kif kienet id-drawwa, għall-Festa. U wara li għaddew dawk il-jiem, huma u sejrin lura, it-tifel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Billi ħasbuh qiegħed ma’ dawk li kienu fit-triq magħhom, baqgħu mexjin jum sħiħ, imbagħad bdew ifittxuh fost qrabathom u n-nies li huma kienu jafu. Iżda billi ma sabuhx, reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-Tempju, bilqiegħda f’nofs il-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, stamtu, ommu qaltlu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “Il-għala kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena jeħtieġli nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda huma ma fehmuhiex il-kelma li qalilhom. Imbagħad niżel magħhom u reġa’ ġie Nazaret; u kien joqgħod għalihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
29 ta’ Ġunju
Quddiesa tal-Vġili ta’ San Pietru u San Pawl, Appostli
Solennità
QARI I
Minn dak li għandi se nagħtik, fl-isem ta’ Ġesù, imxi!
Atti 3:1-10
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Pietru u Ġwanni
kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar.
U xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu,
li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju,
li jgħidulu s-Sabiħ,
biex jitlob il-karità
lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju.
Xħin ra lil Pietru u lil Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità.
Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu:
«Ħares lejna.»
Dak baqa’ jħares lejhom,
jistenna li se jaqla’ xi ħaġa minn għandhom.
Imma Pietru qallu:
«Fidda u deheb ma għandix;
imma dak li għandi se nagħtihulek:
fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!»
U qabdu minn idu l-leminija u qajjmu.
Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi.
U daħal magħhom fit-tempju,
jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla.
Il-poplu kollu rah miexi u jfaħħar lil Alla; għarfu li hu kien l-istess wieħed li soltu kien jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b’dak li ġralu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 18: 2-5
R/. Mal-art kollha jasal leħinhom.
Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif. R/.
Ma hemmx aħbar u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Ma’ l-art kollha jasal leħenhom,
mad-dinja kollha jixtered kliemhom. R/.
QARI II
Alla għażilni sa minn ġuf ommi.
Gal 1: 11-20
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Galatin.
Dan ngħarrafkom, ħuti:
l-Evanġelju li ħabbartilkom jien m’huwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu,
imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.
Intom smajtu bl-imġieba tiegħi
meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija,
kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha;
u kemm kont ’il quddiem
fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari,
imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti. Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi,
u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu
biex inħabbru fost il-ġnus,
minnufih,
bla ma qgħadt infittex li nieħu parir
mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm
għand dawk li kienu appostli qabli,
jiena mort fl-Għarabja,
u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.
Imbagħad, tliet snin wara,
tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa,
u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej.
F’dan li qiegħed niktbilkom,
nixhed quddiem Alla, m’iniex nigdeb.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 21:17
Hallelujah. Hallelujah.
Mulej, Inti taf kollox, Inti taf li nħobbok.
Hallelujah.
EVANĠELJU
Irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Ġw 21:15-19
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru:
«Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?»
«Iva, Mulej,» wieġbu, «int taf li nħobbok.» Qallu: «Irgħa l-ħrief tiegħi.»
Staqsieh għat-tieni darba:
«Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?»
«Iva, Mulej,» wieġbu, «int taf li nħobbok.» Qallu: «Irgħa n-nagħaġ tiegħi.»
Għat-tielet darba staqsieh: «Xmun bin Ġwanni, tħobbni?»
Pietru ħass għafsa ta’ qalb
għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu:
«Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.» Qallu Ġesù: «Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ,
kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ,
int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!»
Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla.
Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: «Ejja warajja.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.