Qari tas-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

QARI I
Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom.
Eżek 34:11-16

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: “Arawni, jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.

Noħroġhom minn qalb il-popli, niġborhom mill-artijiet, inġibhom lejn arthom. Nirgħahom fuq il-muntanji ta’ Iżrael, fil-widien u l-meddiet kollha tal-art. F’mergħat bnina għad nirgħahom, u fuq l-iġbla għolja ta’ Iżrael tkun mergħathom. Hemm jinxteħtu f’mergħa bnina, u jimirħu f’art tajba fuq il-muntanji ta’ Iżrael.

Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom, oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 22(23):1-3a,3b-4,5,6

R/.(1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
l-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

QARI II
Alla wriena l-imħabba tiegħu.
Rum 5:5b-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla! Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu! Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11:29ab

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, jgħid il-Mulej;
għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah.

jew

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10:14

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,
u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.
Lq 15:3-7

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej u lill-kittieba din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’. Ngħidilkom: l-istess jiġri fis-smewwiet, ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading