IX-XHIEDA TA’ ĠWANNI U L-PELLEGRINAĠĠ TAL-POPLU

    Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.

    Kien fit-tempju ta’ Ġerusalemm, li l-Mulej kellem lix-xwejjaħ saċerdot, Żakkarija, ir-raġel ta’ Eliżabetta. Imma kien fid-deżert tal-Ġordan li huwa kellem lil binhom, il-profeta żagħżugħ, Ġwanni l-Għammiedi. 

    U l-poplu kien imur fit-tempju biex joffri sagrifiċċju tal-ħruq, imma kien imur ukoll bi ħġaru, għand Ġwanni fid-deżert, biex ixandrilhom magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet u biex ikunu mgħammda minnu. Lq 3:3, 7

    L-istess Mulej, li dakinhar kellem lil Żakkarija waqt ir-rit tal-inċens fit-tempju, u li kellem lil Ġwanni fid-deżert, illum irid ikellem lilek u lili, eżattament fil-post fejn aħna qegħdin bħalissa.

     Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

    Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.  1Sam 3:9)

    QARI I

    Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Ġw 1:6-9

    Ftit mumenti ta’ skiet

    MEDITAZZJONI

    Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl u dan huwa kien jafu.  Kien jaf x’kienet il-missjoni li ġie msejjaħ għaliha.  “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. Lq 3:16-17

    Ħajjiet Ġwanni ma kinitx ċċentrata fuqu nnifsu, imma fuq dak li kellu jiġi. Stqarr li huwa stess ma kienx jafu, imma kien l-Ispirtu nnifsu li uriehulu. Ġw 1:33

    Lest inkun onest miegħi nnifsi, li minkejja kollox, jiena lil Kristu għadni ma nafux u li jrid ikun biss l-Ispirtu s-Santu li jurihuli? Lest nindem jiena wkoll mill-awtoreferenzjalità li taħkimli ħajti biex nibda niskopri l-ħtieġa taċ-ċentralità ta’ Kristu?

    Ftit mumenti ta’ skiet

    QARI II

    Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta’ l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija:

    ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew. U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla’. Lq 3:1-6

    Ftit mumenti ta’ skiet

    MEDITAZZJONI

    Kull awtorità, kemm jekk ċivili u kemm jekk reliġjuża bħal ma kienet dik tal-persuni msemmija f’din is-silta, hija hemm għal qadì tal-oħrajn.  Dan jgħodd ukoll fil-kuntest kollu tal-ħajja tagħna, kemm jekk fuq il-post tax-xogħol u kemm jekk fil-familja. Jista’ jkun li jiena ninsa dan kollu u minflok naqdi, qiegħed naħkem?

    Illum, liema huwa dak il-leħen li hemm jgħajjat fid-deżert tal-ħajja tiegħi? Liema huma l-ħofor f’ħajti li jridni nimla, il-ħotob f’ħajti li rrid nbaxxi? Hemm fil-mod kif qed ngħix, xi mogħdijiet mgħawwġa li jeħtieġ ikunu iddrittati? Hemm xi t-triqat imħarbta li hemm bżonn ikunu mwittija? 

    Il-mixja ta’ ħajti tista’ ssir pellegrinaġġ tassew, jekk jiena nifli triqti kontinwament u nħalli l-Kelma ta’ Alla tibdilni.  Imbagħad, minkejja l-ħofor u l-ħotob kollha, bla ma nintebaħ, jiena wkoll bħal Ġwanni, insir xhud tad-dawl, leħen, mhux li jgħajjat fid-deżert tal-Ġordan, imma f’dak tal-ħajja tiegħi u ta’ ħuti.

    Għaliex l-Ispirtu ta’ Alla jkellem lil kull bniedem, kemm jekk saċerdot waqt li qiegħed joffri s-sagrifiċċju fit-tempju, kemm jekk żagħżugħ fid-deżert, imħażżem b’libsa tax-xagħar tal-ġemel u bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu. Kemm lil min l-ikel tiegħu hu minn dak offrut lis-saċerdoti fil-maqdes, u kemm jekk jitrejjaq bil-ġradijiet u għasel selvaġġ.  U anke lili u lilek, ikellem l-Ispirtu ta’Alla.

    Ftit mumenti ta’ skiet

    TALB

    Għal dan il-ħin ta’ talb, nistgħu aħna wkoll imbierku lil Alla bil-kantiku li niseġ  Żakkarija fit-twelid ta’ ibnu, Ġwanni.

    “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu.  

    Waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu,  bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu, biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

    B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

    U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem. “ Lq 1:68-79

    KONTEMPLAZZJONI

    Is-skiet minn fomm Żakkarija tul iż-żmien kollu tat-tqala ta’ martu, Eliżabetta, sal-mument tat-twelid ta’ binhom, Ġwanni, kien għalih, bla dubju ta’ xejn, żmien ta’ grazzja qawwija. Huwa li kien regolarment okkupat bil-ħidma tiegħu fit-tempju tal-Mulej, issa ħtieġlu jieqaf, sieket fil-preżenza ta’ Dak li dejjem emmen fih, imma mhux dejjem emmen kliemu.

    Dan huwa l-mument li nieqaf jiena wkoll, ħiemed fil-preżenza ta’ Dak li nemmen fih, anke jekk mhux dejjem naċċetta kliemu.

    Kitba ta’ Joe Farrugia

    Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

    Discover more from Laikos

    Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

    Continue reading