FTUĦ TAL-ĠUBLEW TAL-MOVIMENTI MARJANI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 2 ta’ Ottubru 1983
1. “Hija tħawdet u staqsiet x’sens kellha dik it-tislima . .”.
Illum, l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, insellem lilkom ilkoll, membri tal-movimenti marjani, devoti tat-“Tislima tal-Anġlu”, li tinsabu hawn Ruma, fl-okkażjoni tal-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni tagħna b’affett speċjali lill-Kardinal Ugo Poletti, li tiegħu din is-sena jaħbat il-XXV anniversarju tal-ordinazzjoni episkopali. Lilu nindirizza, għal din iċ-ċirkustanza, ħsieb speċjali, waqt li nassigurah talba lill-Mulej. Insellem imbagħad lill-membri tal-Kulleġġ sagru u lil ħuti fl-Episkopat.
Tislima lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa, membri tal-Assoċjazzjonijiet tar-rużarju tal-adulti u taż-żgħar; insellem lill-membri tal-movimenti l-oħra kollha, gruppi, istituti, għaqdiet reliġjużi, konfraternitajiet, parroċċi, li jimpenjaw ruħhom għall-progress fid-devozzjoni ta’ Marija. Insellem lir-Rumani kollha li nġabru madwar il-Kardinal Vigarju, kif ukoll lill-pellegrini ġejjin minn partijiet differenti tad-dinja.
L-evanġelista Luqa jgħid li Marija “tħawdet” bil-kliem tal-Arkanġlu Gabriel, indirizzat lilha fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, u “staqsiet x’sens kellha dik it-tislima” Din il-meditazzjoni ta’ Marija tikkostitwixxi l-ewwel mudell tat-talba tar-Rużarju. Din hija t-talba ta’ dawk li għalihom hija għażiża t-tislima tal-Anġlu lil Marija. Il-persuni li jgħidu r-Rużarju jerġgħu jaqbdu bil-ħsieb u bil-qalb il-meditazzjoni ta’ Marija u waqt li jirreċitaw jimmeditaw “X’sens kellha tali tislima”.
2. L-ewwelnett jirripetu l-kliem indirizzat lil Marija minn Alla nnifsu, permezz tal-messaġġier tiegħu. Dawk li għalihom hija għażiża din it-tislima tal-Anġlu lil Marija jirripetu l-kliem li ġej mingħand Alla. Fir-reċitar tar-Rużarju ngħidu dan il-kliem bosta drabi. Din mhijiex xi reġistrazzjoni sempliċistika. Il-kliem indirizzat lil Marija minn Alla nnifsu u ppronunzjat mill-messaġġier divin, jiġbor fih kontenut impenetrabbli. “Indsellimlek, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek . . .” (Lq 1, 28), “imbierka int fost in-nisa” (Lq 1, 42).
Dan il-kontenut huwa marbut b’mod strett mal-misteru tar-redenzjoni. Il-kliem tat-tislima anġelika lil Marija jintroduċu f’dan il-misteru, u fl-istess ħin insibu fih l-ispjega tiegħu. Dan jesprimih l-ewwel Qari tal-liturġija tallum, li jeħodna fil-Ktieb tal-Ġenesi. Huwa propju hemm – fuq l-isfond tal-ewwel dnub u fl-istess ħin oriġinali tal-bniedem – li Alla jħabbar għall-ewwel darba l-misteru tar-redenzjoni. Għall-ewwel darba jgħarraf l-azzjoni tiegħu fl-istorja futura tal-bniedem u tad-dinja.
Hawn hu it-tentatur li jaħbi lilu nnifsu taħt l-aspett ta’ serp, il-Ħallieq jgħid hekk: “Jiena nqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara / bejn nislek u nisilha: / u hu jisħaqlek rasek / u int tisħaqlu għarqubu”.
3. Il-kliem mismugħ minn Marija fl-Annunzjazzjoni jirrivela li wasal iż-żmien tat-twettiq tal-wegħda nkluża fil-Ktieb tal-Ġenesi. Mill-protovanġelu ngħaddu għall-Vanġelu, Il-misteru tar-redenzjoni wasal biex jitwettaq. Il-messaġġ ta’ Alla etern isellem lill-“Mara”: din il-mara hija Marija ta’ Nażżaret. Isellmilha fid-dawl tan-“nisel”, li hija għandha tilqà minn Alla nnifsu: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek tifrex dellha l-qawwa tal-Iktar Għoli . . . tikkonċepixxi iben. Twelldu u ssemmih Ġesù”.
Kliem – tassew – deċiżiv. It-tislima tal-Anġlu lil Marija tikkostitwixxi l-bidu tal-ikbar “opri ta’ Alla” fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja. Din it-tislima tiftaħ mill-qrib il-prospettiva tar-redenzjoni.
Mhemmx biex wieħed jistagħaġeb li Marija, kif semgħet il-kliem ta’ tali tislima, tibqà “mħawda”. L-avviċinament tal-Alla ħaj dejjem iqanqal biżà qaddis. Mhemmx ukoll biex wieħed jistagħġeb li Marija tistaqsi “X’sens kellha tali tislima”. Il-kliem tal-arkanġlu tefgħuha quddiem misteru divin impenetrabbli. Barra minn hekk, dan kien ġabha parti mill-isfera ta’ dak il-misteru. Wieħed ma jistax waħdu jirrikonoxxi tali misteru. Hemm bżonn li dak li jkun jimmeditah dejjem mill-ġdid u dejjem b’mod iktar profond. Dan għandu l-qawwa li jimla mhux biss il-ħajja, imma wkoll l-eternità
U aħna lkoll, li għalina hija għażiża t-tislima tal-Anġlu, ejjew infittxu li nieħdu sehem fil-meditazzjoni ta’ Marija. Ejjew infittxu li dan nagħmluh qabel kollox meta nirreċitaw ir-Rużarju.
4.Permezz tal-kliem ippronunzjat mill-Messaġġier f’Nażżaret, Marija Kważi tara leħħa, f’Alla, ħajjitha kollha fuq l-art u l-eternità tagħha. Għaliex, meta semgħet li kellha ssir omm l-Iben ta’ Alla, hija ma tweġibx bi trasport spiritwali, imma l-ewwel u qabel kollox bil-“fiat” umli: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li għidt int:? Mhuwiex forsi għaliex diġa minn dak il-ħin ħasset id-dulur qares ta’ dak l-irrenjar “fuq it-tron ta’ David”, li kellu jmiss lil Ġesù?
Fl-istess ħin l-arkanġlu jħabbar li is-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”. Permezz tal-kliem tat-tislima anġelika lil Marija jibdew jiżvelaw ruħhom il-misteri kollha, li fihom kellha titwettaq ir-redenzjoni tad-dinja: il-misteri tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja. Dan huwa dak li jseħħ fir-Rużarju.
Marija, li “staqsiet x’sens kellha dik it-tali tislima”, donnha tidħol f’dawn il-misteri kollha, billi fihom tintroduċi wkoll lilna.
Tintroduċina fil-misteri ta’ Kristu u fl-istess ħin fil-misteri propji. L-att tagħha ta’ meditazzjoni fil-waqt tal-annunzjazzjoni tiftaħ it-toroq lill-meditazzjonijiet tagħna waqt ir-reċita tar-Rużarju u grazzi lilu.
5. Ir-Rużarju hija t-talba, li permezz tagħha, waqt li nirrepetu t-tislima tal-Anġlu lil Marija, nfittxu li nisiltu mill-meditazzjoni tal-Verġni Santissma l-konsiderazzjonijiet tagħna fuq il-misteru tar-Redenzjoni. Din ir-riflessjoni tagħha – mibdija fil-waqt tal-annunzjazzjoni – tkompli fil-glorja tal-Assunzjoni. Fl-eternità Marija, imgħaddsa b’mod profond fil-misteru tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, tingħaqad bħala Ommna fit-talba ta’ dawk li għandhom għażiża t-tislima tal-Anġlu u jesprimuha fir-reċita tar-Rużarju.
F’din it-talba ningħaqdu magħha bħall-Appostli fiċ-ċenaklu wara t-tlugħ fis-sema ta’ Kristu. Dan ifakkarulna t-tieni Qari tal-liturġija tallum, meħud mill-Atti tal-Appostli. L-Awtur – wara li jikkwota l-ismijiet tal-appostli wieħed wieħed – jikteb: “U lkoll qalb waħda ma’ xi nisa u ma’ Marija, Omm Ġesù, u ma’ ħutu”.
B’dan it-talb ħejjew ruħhom biex jirċievu l-Ispirtu Santu, f’jum il-Pentekoste.
Marija, li nhar l-annunzjazzjoni kienet kisbet l-Ispirtu Santu f’milja distinta, kienet titlob magħhom. Il-milja partikolari tal-Ispirtu Santu tiddetermina fiha wkoll milja partikolari tat-talb. Permezz ta’ din il-milja singulari, Marija titlob għalina, u titlob magħna.
B’mod matern tippresiedi fit-talb tagħna. Tlaqqà fuq l-art kollha l-qawwiet immensi ta’ dawk li għalihom hija għażiża t-tislima tal-Anġlu: dawn, flimkien magħha jimmeditaw il-mistero tar-redenzjoni tad-dinja, waqt li jirreċitaw ir-Rużarju.
B’dan il-mod il-Knisja tħejji ruħha biex tirċievi l-Ispirtu Santu, bħal fil-jum ta’ Pentekoste.
6. Din is-sena jaħbat l-ewwel ċentinarju tal-enċiklika tal-Papa Ljun XIII Supremi apostolatus, li biha l-kbir Papa kien ordna li x-xahar ta’ Ottubru jkun iddedikat b’mod partikolari lill-kult tal-Verġni tar-Rużarju. Fit-tali dokument huwa emfasizza b’mod vigoruż l-effettivita straordinarja ta’ din it-talba, irreċitata b’dispożizxzjoni pura u devota, bl-iskop li tinkiseb mingħand il-Missier ċelesti, fi Kristu, u bl-interċessjoni ta’ Omm Alla, il-protezzjoni kontra l-ħażen l-iktar gravi li jistà jhedded lill-Kristjaneżmu u lill-istess umanità, u allura jinkiseb l-ikbar ġid tal-ġustizzja u tal-paċi fost l-individwi u fost il-popli .
B’dan il-ġest storiku Ljun XIII m’għamel xejn iktar milli ngħaqad mal-Papiet numerużi li ġew qablu – fost dawn San Piju V- u ħalla konsinna lil dawk li ġew warajh fil-promozzjoni tal-prattika tar-Rużarju. Għal dan jiena wkoll irrid ngħid lilkom ilkoll: Agħmlu mir-Rużarju l-“katina ħelwa li torbotkom ma’ Alla” permezz ta’ Marija.
7. Kbir huwa l-ferħ tiegħi li llum Nista flimkien magħkom niċċelebra l-liturġija sollenni tas-Sultana tar-Rużarju Mqaddes. B’dan il-mod sinifikattiv ninserixxu lilna lkoll fil-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni.
Nifraħ ukoll bil-fatt li f’din il-liturġija qegħdin jieħdu sehem ir-rappreżentanti tal-parroċċi Rumani, dijoċesani tiegħi, mistiedna mill-Kardinal Vigarju, biex ifaħħru flimkien miegħi lill-Mulej fl-okkażjoni tal-Ġublew episkopali tiegħi.
Niżżi ħajr lill-Kardinal għall-espresjonijiet ta’ mħabba devota, li għandu lejja. B’mod partikolari niżżi ħajr għat-talb li għolla lejn il-Mulej fl-okkażjpni tal-ħamsa u għoxrin sena mill-ordinazzjoni episkopali tiegħi.
Ejjew ilkoll flimkien induru bi mħabba kbira lejn Omm Alla, waqt li ntennu l-kliem tal-Arkanġlu Gabriel: “Sliem għalik, o mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka int fost in-nisa”.
U miċ-ċentru tal-liturġija tallum ejjew nisimgħu t-tweġiba ta’ Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej / u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla salvatur tiegħi, / għaliex iħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. / Minn issa ‘l quddiem l-ġenerazzjonijiet kollha isejħuli ħienja”.
Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb