KANONIZZAZZJONI TA’ PATRI LEOPOLDO DA CASTELNOVO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru 1983
1. “Alla huwa mħabba . . . Aħna għarafna l-imħabba” (1 Ġw 4, 8.16).
Meqjumin ħuti fl-episkopat u fis-saċerdozju. Hekk hu, illum nersqu lejn l-altar, biex nesprimu l-għaqda tagħna fis-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu. Nersqu biex nistqarru u niddikjaraw, flimkien ma’ dawk kolha li qegħdin jieħdu sehem fl-Ewkaristija, miġburin fi Pjazza San Pietru, dak li l-Evanġelista Ġwanni kiteb fl-ewwel Ittra tiegħu: “Alla huwa mħabba . . . U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla imma għax ħabbna Hu. . .” (Ġw 4, 8. 10).
Alla huwa mħabba, u l-imħabba hija minn Alla. Mhux mid-dinja. U linqas mill-bniedem. Hija minn Alla nnifsu. Id-dinja ma tistax teżisti mingħajr din l-imħabba. Il-bniedem ma jixtax jeżisti mingħajrha, Il-bniedem li huwa dejjem iktar konxju ta’ dak li jheddu min-naħa tal-qawwiet ta’ din id-dinja, li huwa nnifsu illibera, u min-naħa taċ-ċiviltà, li huwa stess bena, jekk din iċ-ċiviltà ma ssirx fl-istess ħin “iċ-ċiviltà tal-imħabba”.
Alla huwa mħabba. U l-imħabba hija minn Alla. Għarfien profond ta’ din il-verità ġegħlna niltaqgħu fis-Sinodu tal-Isqfijiet madwar it-tema: “Ir-rikonċiljazzjoni u l-penitanza fil-missjoni tal-Knisja”. Ir-rikonċiljazzjoni u l-penitenza huma l-frott ta’ din l-imħabba li hi minn Alla. Permezz tat-tema tas-Sinodu inmissu l-għeruq stess tal-problemi li jinsabu fil-qalb tal-bniedem, u flimkien mal-problemi li minnhom tiddependi l-ħajja tal-familja umana kollha .
2. L-imħabba, li hi minn Alla, hija rivelata darba għal dejjem: “. . . B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina . . . huwa hu li ħabbna u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietn” (1 Ġw 4, 9-10).
Din tal-Iben hija l-bażi ta’ r-rikonċiljazzjoni ma’ Alla. Is-sagrifiċċju ta’ tpattija għad-dnubiet isir is-sors tal-patt il-ġdid, li huwa l-patt tal-imħabba u tal-verità. Dan huwa l-patt ta’ Alla mal-bniedem u r-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’ Alla, li titwettaq kontemporanjament fil-bniedem bħala rikonċiljazzjoni mal-aħwa: “Jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. . . Jekk inħobbu lil xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina” (1 Ġw 4, 11-12).
Kien meħtieġ, meqjumin ħuti u għeżież ħuti, dan is-Sinodu fuq ir-rikonċiljazzjoni u l-penitenza biex inmissu l-kwistjonijiet l-iktar profondi tal-missjoni tal-Knisja lejn il-bniedem u lejn id-dinja ta’ żminijietna. Kien hemm bżonn li nħejju sa ċertu punt l-art għal dan is-Sinodu permezz tal-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni, li qegħdin fl-istess ħin niċċelebraw f’Ruma u fil-Knisja kollha. Permezz ta’ din it-tema tas-Sinodu dan rabba għeruqu f’kull wieħed minna.
Ninsabu hawn bħala dawk li għarfu u emmnu fl-imħabba li Alla għandu għalina (cf. 1 Ġw 4, 16). Minn tali fidi jitnissel dak kollu li nixtiequ nagħmlu permezz tax-xogħlijiet tas-Sinodu għar-rikonċiljazzjoni u għall-penitenza fil-missjoni kontemporanja tal-Knisja. Dan nagħmluh għaliex “emminna fl-imħabba”. Dan nagħmluh billi niffissaw għajnejna fuq Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb li jagħraf in-nagħaġ tiegħu u jo joffri ħajtu għan-nagħaġ (cf. Ġw 10, 14-15).
3. Illum dan kollu jsib espressjoni ferm iktar partikolari permezz tal-iskrizzjoni fl-album tal-qaddisin tal-Beatu Leopoldo Mandić. Infatti hu kien, fi żmienu, qaddej erojku tar-rikonċiljazzjoni u tal-penitenza.
Imwieled f’Castelnovo fil-Bocche di Cattaro, ta’ sittax-il sena ħalla l-familja u lil artu biex jidħol fis-seminarju tal-Kappuċċini ta’ Udine. Ħajtu kienet waħda mingħajr ġrajjiet kbar: xi trasferimenti minn kunvent għal ieħor, kif inhi d-drawwa tal-Kappuċċini; imma xejn iktar. Imbagħad l-allokament għall-Kunvent ta’ Padova, fejn baqà sal-mewt.
Bdana kollu, propju f’dan il-faqar ta’ ħajja esternament irrilevanti, ġie l-Ispirtu u ħeġġeġ kobor ġdid: dik ta’ fedeltà erojka lejn Kristu, lejn l-Ideal Franġiskan, għas-servizz saċerdotali lejn l-aħwa.
San Leopoldo ma ħalliex opri tejoloġiċi jew letterarji, ma affaxxinax bil-kultura tiegħu, ma waqqafx opri soċjali. Għal dawk kollha li kienu jafuh, hu ma kien xejn iktar għajr patri fqajjar: żgħir, marradi. Il-kobor tiegħu kien x’imkien ieħor: fl-issagrifikar, fli jagħti lilu nnifsu, jum wara jum, għall-ħin kollu ta’ ħajtu saċerdotali, jiġifieri għal 52 sena, fis-skiet, fir-riservatezza, fl-umiltà ta’ daqsxejn ta’ ċella-konfessjonali: “ir-ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ”. Fra Leopoldo kien dejjem hemm, lest u bi tbissima, prudenti u modest, kunfidenti diskret u missier fidil tal-erwieħ, għalliem rispettuż u kunsillier spiritwali komprensiv u paċenzjuż.
Jekk trid tiddefenih f’kelma waħda biss, bħalma f’ħajtu kienu jagħmlu l-penitenti u l-konfratelli tiegħu, allura huwa kien “il-konfessur”; huwa kien jaf biss “iqarar” Madankollu propju f’dan jinsab il-kobor tiegħiu. F’dan l-għibien tiegħu biex jagħmel post għall-veru Ragħaj tal-erwieħ. Huwa kien juri b’dan l-impenn tiegħu: “Ejjew naħbu kollox, ukoll dak li jistà jkollu dehra ta’ rigal ta’ Alla, sabiex ma nagħmlux suq minnu. Lil Alla l-unur u l-glorja biss! Li kieku kien possibbli, aħna jmissna ngħaddu f’din id-dinja bħal dell li ma jħalli ebda sinjal tiegħu stess”. U lil min kien jistaqsih kif kien jagħmel biex jgħix hekk, kien iwieġbu: “Dik hija ħajti!”.
4. “Ir-ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu”. Għal għajn umana l-ħajja tal-Qaddis tagħna donnha siġra, li id inviżibbli u krudila qategħtilha, waħda wara l-oħra, il-friegħi kollha. Patri Leopoldo kien saċerdot li għalih kien impossibbli li jippriedka minħabba difett fil-pronunzja. Kien saċerdot li kien jixtieq b’mod imħeġġeġ li jiddedika ruħu għall-missjonijiet u sa l-aħħar stenna l-jum tat-tluq, imma li ma telaq qatt minħabba li saħħtu kienet tassew delikata. Kien saċerdot li kellu spirtu ekumeniku hekk kbir li joffri lilu nnifsu vittma lill-Mulej, b’donazzjoni ta’ kuljum, sabiex tkun rikostitwita l-għaqda sħiħa bejn il-Knisja Latina u dawk Orjentali li kien għadhom separati, u hekk terġà ssir “merħla waħda taħt ragħaj wieħed” (cf. Ġw 10, 16); imma li għex il-vokazzjoni ekumenika tiegħu b’mod għal kollox moħbi. Jibki kien fada: “Se nkun missjunarju hawn, fl-ubbidjenza u fl-eżerċizzju tal-ministeru tiegħi”. U jerġà: “Kull ruħ li titlob il-ministeru tiegħi se tkun sadattant il-Lvant tiegħi”.
Lil San Leopoldo x’kien fadallu? Lil min u għalxiex serviet ħajtu? Kien fadallu lil ħutu rġiel u nisa li kienu tilfu lil Alla, l-imħabba, it-tama. Imsejkna esseri umani li kellhom bżonn ta’ Alla kienu jsejħulu jitolbuh il-maħfra tiegħu, il-konsolazzjoni tiegħu, il-paċi tiegħu, is-serenità tiegħu. Lil dawn l-“imsejkna” San Leopoldo irregala l-ħajja, għalihom offra in-niket u t-talb tiegħu; imma fuq kollox magħhom iċċelebra s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Hawn huwa għex il-kariżma tiegħu. Hawn huwa esprima fi grad erojku l-virtujiet tiegħu. Huwa ċċelebra s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, billi żvolġa l-ministeru tiegħu bħala dell ta’ Kristu Msallab. Ħarstu kienet iffissata fuq il-Kurċifiss, li kien hemm fuq l-inġinokkjatur tal-penitent. Il-Kurċifiss kien dejjem il-protagonista. “Huwa hu li jaħfer, huwa hu li jwettaq!” Hu, ir-Ragħaj tal-merħla . . .
San Leopoldo kien jintilef fil-ministeru tiegħu fit-talb u l-kontemplazzjoni. Kien konfessur tat-talb kontinwu, konfessur li kien abitwalment jgħix inkorporat f’Alla, f’atmosfera soprannaturali.
5. L-ewwel qari tal-Liturġija tallum ifakkarna t-talba ta’ interċessjoni ta’ Mosè waqt il-battalja, li Iżrael kellu kontra Amalek. Meta jdejn Mosè kienu jkunu mgħollija, il-bilanċ tar-rebħa kien imur lejn in-naħa tal-poplu tiegħu, meta jdejh kienu jibdew neżlin minħabba l-għejja, kien jibda jirbaħ Amalek.
Il-Knisja, waqt li tqiegħed illum quddiemna l-figura tal-qaddej umli tagħha San Leopoldo, li kien gwida għal tant erwieħ, trid ukoll tindika dawn l-idejn li jitgħollew lejn l-għoli fil-korsa ta’ diversi taqtigħat tal-bniedem u tal-Poplu ta’ Alla. Dawn jitgħollew fit-talb. U jitgħollew fl-att tal-maħfra tad-dnubiet, li dejjem jilħaq dik l-Imħabba li huwa Alla: dik l-imħabba li darba għal dejjem irrivelat ruħha għalina fi Kristu msallab u irxuxtat. “Minn qalbna nitolbukom f’isem Kristu: ħallu li Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5, 20).
X’jgħidulkom, għeżież ħuti, dawn l-idejn ta’ Mosè mgħollija fit-talb? X’jgħidulkom l-idejn ta’ San Leopoldo, qaddej umli tal-konfessjonarju? Dawn jgħidulna li l-Knisja ma tistà qatt tgħejja li tagħti xhieda lil Alla li huwa mħabba! Hija qatt ma tiskuraġġixxi u tgħejja minħabba l-kuntrarjetà tal-mument li l-quċċata ta’ din ix-xhieda togħla b’mod riżolut, fis-Salib ta’ Ġesù Kristu, fuq l-istorja kollha tal-bniedem u tad-dinja. Ukoll fuq l-epoka diffiċli tagħna li fiha l-bniedem donnu li hu mhedded mhux biss mill-awtodistruzzjoni u mill-mewt nuklejari, imma wkoll mill-mewt spiritwali. Infatti kif għandu jgħix l-ispirtu tal-bniedem jekk “ma jemminx bl-imħabba” (cf. 1 Ġw 4, 16)? Kif tistà tiżviluppa fid-dinja l-opra tar-rikonċiljazzjoni multipla jekk – minbarra l-ġustizzja u d-djalogu – ma tinħelisx dik il-qawwa massima li hija l-imħabba soċjali? U l-imħabba, hija minn Alla!
6. Meqjumin u maħbubin ħuti fl-episkopat u fis-saċerdozju, ħuti fil-grazzja tas-sejħa fil-fidi permezz tal-Magħmudija, intom ilkoll li qegħdin tieħdu sehem fl-Ewkaristija tallum!
Niżżi ħajr lill-Kardinal Dekan tal-Kulleġġ Sagru u lir-Rappreżentant tas-Sinodu tal-Isqfijiet għall-kliem li ndirizzawli fil-bidu ta’ din iċ-Ċelebrazzjoni. Fil-jum li fih jaħbat il-ħames anniversarju tas-sejħa tiegħi biex niżvolġi s-servizz ta’ Pietru f’Ruma, fis-sena li fiha jingħalqu l-25 sena tal-konsagrazzjoni tiegħi episkopali, hija partikolarment għażiża u prezzjuża din it-talba komuni tagħna; din l-Ewkaristija komuni.
Infatti aħna lkoll – u l-Isqof ta’ Ruma b’mod partikolari – imissna nipperseveraw b’idejna mgħollija lejn Alla minkejja d-dgħufija u n-nuqqas kollu tagħna ta’ affidabiltà. Ma nistgħux ngħejjew u naqtgħu qalbna.
Fost l-esperjenzi ta’ żmienna, fost it-theddid li qiegħed jhedded lill-familja kbira umana, fost it-taqtigħat tal-popli u tan-Nazzjonijiet, fost it-tbatijiet ta’ tant qlub u ta’ tant kuxjenzi umani, ma nistgħux nonqsu li nagħtu xhieda: “Alla huwa imħabba. . . l-imħabba hija minn Alla. . . aħna emminna lill-imħabba”. Amen.
Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb