Ġwanni Pawlu II fil-Ġurnata Missjunarja

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
GĦALL-ĠURNATA MISSJUNARJA MONDJALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pawl fuori le Mura
Il-Ħadd, 23 ta’ Ottubru 1983

1. “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u għarrafthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25).

Dan il-kliem migħud minn Kristu fit-trasport massimu tal-ispirtu, nixtiequ ntennuh illum, fil-jum li fih il-Knisja kollha tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. Nixtiequ “nbierku” lill-Missier għar-rivelazzjoni tal-misteri divini, għall-pjan divin tas-salvazzjoni tal-bniedem u tad-dinja: “ħwejjeġ imgħarrfa liċ-ċkejknin”.  Nixtiequ “mbierku”  lill-Missier, waqt li niżżuh ħajr għall-fidi li permezz tagħha r-rivelazzjoni u l-pjan divin tas-salvazzjoni  jitnaqqxu fl-erwieħ umani. Nixtiequ b’mod partikolari nirringrazzjaw għaliex il-fidi ssir, għal ħafna, l-għarfien ta’ missjoni u ta’ vokazzjoni simili għal dik tal-Appostli. U infatti huma kkostitwew l-ewwel komunità ta’ dawk iċ-“ċkejknin” li lilhom il-Missier, Sid, tas-sema u tal-art irrivela l-ħwejjeġ “moħbija lill-għorrief u lill-intelliġenti”.

Fil-jum tallum inżuru l-Bażilika Rumana ta’ San Pawl fuori le Mura, biex propju niċċelebraw fiha l-liturġija ewkaristika tal-Ġurnata Missjunarja tas-Sena tar-Redenzjoni. Fost l-Appostli kollha tal-Mulej Pawlu ta’ Tarsu kien dak li bidel f’missjoni universali r-rivelazzjoni riċevuta quddiem il-ħitan ta’ Damasku: bidilha f’opra missjunarja kbira, kif jikteb huwa stess fl-Ittra lil Timotju: “sabiex bis-saħħa tiegħi il-kelma tixxadar u l-ġnus kollha jisimgħuha” (2 Tm 4, 17).

F’din l-opra missjunarja Pawlina huwa miktub, b’mod profond partikolari, il-misteru tar-Redenzjoni. Permezz tal-opri u l-kitbiet tiegħu huwa sar l-ewwel awtur tal-program missjunarju tal-Knisja. Waqt li nżidu ma’ dawn l-opri u kitbiet – l-ittri pawlini – niskopru dejjem mill-ġdid il-verità profonda tal-kliem ta’ Kristu, li fil-qawwa ta’ Salibu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu ordna lill-Appostli: “Morru mela u għallmu il-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 19).

Il-verità u l-qawwa tal-mandat messjaniku jitnissel mill-profondità tal-misteru tar-Redenzjoni. L-opea missjunarja ta’ Pawlu tagħti xhieda partikolari ta’ karattru fundamentali u intramontabbli. Hawn hu għaliex, fil-Ġurnata Missjunarja tal-Ġublew tas-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, aħna qegħdin niltaqgħu fil-Bażilika ta’ San Pawl.

2. “Tqabadt it-taqbida t-tajba” (2 Tm 4, 7), qalilna propju Pawlu fit-tieni qari. Kif tistà ma tħossx f’dan il-kliem il-kburija mqaddsa li wettaq il-mandat missjunarju? Dan l-aspett “aggressiv” tal-azzjoni missjunarja bla dubju li jinftiehem sewwa; mhemmx dubju bdanakollu li dan jagħmel parti essenzjali. Taqbida kollha kemm hi spiritwali, bla dubju, imma dejjem battalja, li fiha tinħtieġ lotta b’ħila u b’kuraġġ, lesti għas-sagrifiċċju, sal kisba tar-rebħa. Liema rebħa? Il-liberazzjoni tal-erwieħ, permezz tad-demm ta’ Kristu.

L-opra tal-missjunarju mhix “battalja” li biha tinxteħet fuq il-persuni biex trażżanhom. Din hija pjuttost battalja għall-persuni, li għadhom jinsabu bogħod mid-dawl ta’ Kristu, battalja mela li għandha l-għan tagħha fl-imħabba lejn min għadu priġunier tal-iżball, tal-miżerja, tal-ħażen. Dan jissuġġerixxi, fil-missjunarju, qrib rispett kbir tal-persuni u tal-veru ġid tagħhom, l-enerġija, il-prudenza u l-karità meħtieġa biex jilluminahom u biex jgħinhom b’mod konkret biex jilħqu tali ġid.

3. Mal-eżempju stimulanti ta’ Pawlu jiżdied il-leħen insistenti tal-foqra, tal-foqra ta’ valuri fil-Pajjiżi tagħna darba waħda nsara u tal-foqra li għadhom ma jafux bix-xandir evanġeliku; magħhom għadna midjunin tal-Kelma tas-Salvazzjoni (Rm 1, 14), tal-Vanġelu li huwa l-qawwa ta’ Alla għas-Salvazzjoni ta’ kull min jemmen (Rm 1, 16).

Il-kelma divina tal-liturġija tallum turina l-opra missjunarja tal-Knisja bħala dmir partikolarment marbut mal-ispirtu evanġeliku tal-faqar. Il-fqajjar jgħajjat u l-Mulej jisimgħu” (Sal 34, 7a) jipproklama r-ritornell tas-Salm responsorjali. Għaliex “it-talb tal-umli jinfed is-sħab u ma joqogħdx bi kwietu p” (Sir 35, 17), kif naqraw fil-ktieb tas-Siracide.

Imma l-foqra jgħajtu wkoll lilna; lilna wkoll jaslilna l-għajjat tagħhom, Alla jismagħhom, ejjew nisimgħuhom aħna wkoll! Lilhom tappartieni l-“Bxara t-Tajba”. Aħna rċivejniha; lilhom irridu nitrażmettuha, lill-imġewħa tal-verità, tal-ġustizzja u tal-paċi. Irridu nwasslulhom il-veru sinifikat tal-ħajja, kulfejn ikunu jinsabu. Huwa għand il-“fqajrin” li rridu nmorru preferenzjalment, għand dawk jiġifieri li, minħabba l-umiltà  u l-għatx tal-maħfra tagħhom, huma disposti li jirċievu l-Bxara t-Tajba, li hija appuntu l-aħbar tal-ħniena u tal-maħfra.

4. U l-aħjar wirja ta’ din il-verità tinsab fil-Vanġelu tallum, jiġifieri l-parabbola dwar il-Fariżew u l-pubblikan. Il-“faqar spiritwali” huwa hawn sinonimu tal-ftuħ intern għad-dawl u għall-azzjoni ta’ alla, għad-don tas-salvazzjoni li jiġi għar-ruħ tal-bniedem fil-qawwa tas-Salib ta’ Kristu bl-opra tal-Ispirtu Santu. Wara dan tiġi wkoll dik il-ġustifikazzjoni quddiem Alla li sab propju l-pubblikan tal-parabbola tallum u le il-fariżew.

Hawn huma l-għeruq l-iktar profondi tal-missjoni salvifika tal-Knisja li minnhom tgelgel l-opra missjunarja. Din tiġi pparteċipata mill-“Knisja tal-fqajrin” li tagħha l-ewwel mudell hija Omm Kristu u s-Sultana tal-Appostli. Infatti fiha sar “fqajjar” l-etern Bin Alla, sabiex aħna nistagħnew permezz tal-faqar tiegħu” (cf. 2 Kor 8, 9). L-opra missjunarja tal-Knisja dejjem tikseb minn dan il-faqar tal-Iben ta’ Alla, Bin Marija, li tistagħna b’mod infinit. Hija dejjem tittrażmetti lill-bnedmin u lill-popli dan il-faqar li universalment jistagħna, faqar li l-Missier, Mulej tas-sema u tal-art, “jirrivela” u jittrażmetti liċ-‘ċkejknin”.

5. U l-opra missjunarja tal-Knisja tfittex dejjem appoġġ fit-talb, li huwa l-aqwa fost il-“meżżi tal-fqajrin” tas-Saltna ta’ Alla: “it-talba tal-umli tinfed is-sħab u ma toqgħodx bi kwieta, sakemm tasal qrib il-Mulej” (Sir 35, 17). Għal tali mottiv, minn din il-Bażilika, mgħassa mill-irħieb benedittini, nindirizza appell partikolari lill-Ordnijiet maskili u femminili kontemplattivi, sabiex joffru lill-bnedmin ta’ żmienna, b’mod speċjali liż-żgħażagħ, l-esperjenza tagħhom tat-talb u ta’ ħajja spiritwali (cf. Mutuae Relationes, 25) u jagħmlu kull sforz biex iwaqqfu komunitajiet ġodda fil-Knejjes żgħażagħ. Bħalma San Girgor il-Kbir, bl-irħieb immexxija minn Santu Wistin fl-Ingilterra, beda dik il-kampanja missjunarja tal-monakiżmu tal-Punent li, unitament mal-opra evanġelizzatriċi tal-qaddisin Ċirillu u Metodju, irrendew ċivili u nsara l-Ewropa, hekk jien ukoll illum, f’sintonija mal-istedina ta’ Pawlu VI, inħeġġeġ lill-ulied San Benedittu biex iżidu l-preżenza tagħhom fl-Amerka Latina u fl-Afrika, u biex jassumu mpenn partikolari lejn il-pajjiżi tal-Asja, li r-reliġjonijiet tagħhom, tant sensibbli għall-messaġġ monastiku, jistennew mill-monakiżmu nisrani d-dawl tar-rivelazzjoni sħiħa!

6. San Pawl, fit-twqqif ta’ komunitajiet ġodda, kien jimpenja l-kategoriji kollha ta’ persuni: lajċi, miżżewġin bħal Aquila u Priscilla, dixxipli u appostli. Elenku tagħhom huwa ppreżentat fl-aħħar kapitlu tal-Ittra lir-Rumani.

Dik il-kumpanija distinta tkompli llum bikom li tirċievu l-kruċifiss biex titilqu. Intom, saċerdoti, fakkru lill-presbiteri kollha li t-tħassib tagħhom għall-Knejjes huwa responsabiltà tagħhom (cf. Presbyterorum Ordinis, 10); intom, reliġjużi rġiel u nisa, fakkru lill-persuni kollha kkonsagrati li l-professjoni reliġjuża tirrendikom volontarji pereċċellenza u liberi għax-xandir tal-Vanġelu (cf. Paolo VI, Evangelii Nuntiandi, 69); Intom il-lajċi, intom il-miżżewġin, intom is-sinjal ta’ lajkat li qed kull ma jmur isir iktar protagonista tal-missjoni tal-Knisja tallum, kif kienet il-Knisja tal-ewwel żminijiet!

F’din il-ġurnata missjunarja mondjali indur lejn il-Knisja kollha, lejn il-membri kollha tal-Knisja, lejn il-komunitajiet kollha, dijoċeżani u parrokkjali, bi stedina kordjali u pressanti għal impenn missjunarju dejjem iktar kbir, Huwa veru, li wieħed jagħmel iktar għall-missjoni! Huwa kommoventi u eżemplari l-entużjażmu li janima lill-insara, irġiel, nisa, żgħażagħ, subien u bniet, għal dan l-ideal kbir; il-ġenerożità, li timbotta biex jagħtu u biex joffru lilhom infushom lill-inizjattivi differenti u għall-opri missjunarji; imma b’mod speċjali s-sagrifiċċji nterni u t-talb, li huma jagħmlu għall-espansjoni tas-Saltna ta Alla fuq l-art!

Imma hemm bżonn ukoll li ninnutaw b’realiħmu li l-bżonnijiet, spiritwali u materjali, tal-Knejjes żgħażagħ fi stat ta’ missjoni qegħdin jiżdiedu b’mod eżorbitanti. Sar ħafna; qed isir ħafna, imma għad baqà bosta xi jsir fl-oqsma kollha: fil-qasam tal-iskola; tal-assistinza ospedaljiera; tal-formazzjoni u tat-tħejjija kulturali tal-kleru lokali . . .

Indur b’mod speċjali, fuq id-dijoċesijiet u l-parroċċi tad-dinja kollha, sabiex jisimgħu u jesprimu dejjem b’iktar konkretezza u inċisività din ir-responsabiltà missjunarja, kif enfasizza l-Konċilju Vatikan II: “Ladarba l-poplu ta’ Alla jgħix fil-komunitajiet b’mod speċjali f’dawk dijoċeżani u parrokkjali, u fihom b’xi mod tidher f’forma viżibbli, imiss ukoll lil dawn il-komunitajiet li jirrendu xhieda lil Kristu quddiem il-ġnus. Il-grazzja tat-tiġdid ma jistà jkollha ebda żvilupp fil-komunitajiet, jekk kull waħda minnhom ma twessax in-nisġa vasta tal-karità tagħha sa truf l-art, billi turi għal dawk li jinsabu ‘l bogħod l-istess interess li għandha għal dawk li huma membri propji tagħha” (Ad Gentes, 37).

Fil-viċinanza tat-tielet millennju tal-era kristjana, il-ġrajja straordinarja  tal-Ġublew tar-Redenzjoni, li qiegħed jitwettaq fid-dijoċesijiet u  b’interess speċjali hawn f’Ruma, terġà tagħti s-saħħa fil-qlub tal-fidili kollha  ż-żelu missjunarju, kif ġara għaż-żewġ Pellegrini ta’ Għemmaws, li, imħeġġa fil-qalb mill-Kelma u msaħħa mir-rivelazzjoni tal-Imgħallem, reġgħu b’entużjażmu qabdu t-triq biex jiġru lejn ħuthom u jirrenduhom parteċipi tal-avventura straordinarja li fiha għarfu lill-Mulej fil-qsim tal-ħobż (cf. Lq 24, 13-35).

Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading