KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIĊ-ĊIMITERJU RUMAN TAL-VERANO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sollennità tal-Qaddisin Kollha
It-Tlieta, 1 ta’ Novembru 1983
“Nifirħu lkoll fil-Mulej f’din is-Sollennità Tal-Qaddisin kollha”.
1. Ħuti għeżież! Miġburin ġewwa dan l-għeluq biex nitolbu qrib l-oqbra tal-għeżież tagħna, tistà tidhrilna kważi barra minn żmienha u barra minn postha tali stedina biex nifirħu fil-Mulej. Illum, ifatti, fil-vġili tat-Tifkira tal-mejtin kollha, jidher iktar f’postu l-ftuħ tar-ruħ għal ħsibijiet awsteri u, allura, ukoll għal sentimenti u tifkir imnikkta u ta’ dwejjaq.
Bdanakollu, din hija l-istedina tal-Liturġija tal-Knisja, u jien ma naħsibhiex darbtejn nirripetiha issa lilkom, mhux mingħajr ma navżakom li l-ispiritwalità ferrieħa, propju għaliex iċċentrata fil-Mulej, tistà tikkonsisti sew ma’ dak is-sens ta’ dwejjaq li jitnissel mill-meditazzjoni rigward il-qosor u r-relatività tal-ħajja fuq din l-art, u anzi ta’ dan l-eżerċizzju naturali u li ma jistax ikun ikkontrollat tal-psikoloġija umana din tistà ssir bħala l-punt tal-wasla għal proċess misterjuż ta’ sublimazzjoni. Min jemmen u jittama f’Alla – irrid ngħid – jaf jibdel l-istess tbatijiet f’raġuni ta’ ferħ, u jaf kif u għaliex fl-intimu tiegħu jistà j wttaq tali bidla. Propju issa kien propost lilna l-Vanġelu tal-Bejatitudnijiet, u Ġesù stess xandar dan il-bdil, billi xandar b’mod sollenni: “Imberkin l-imnikkta għax huma jkunu mfarrġa”(Mt 5, 5)!
2. Il-Vanġelu tal-Beatitunijiet kien il-kodiċi li għalih kienu ispirati l-qaddisin f’ħajjithom, saħansitra fil-varjetà estrema taċ-ċirkustanzi. Għalih ispiraw ruħhom kollha u kull wieħed u kull waħda ta’ “Dik il-moltitudni mmensa . . . ta’ kull nazzjon, razza, poplu u lingwa” li dwarhom tkellem l-ewwel Qari (Ap 7, 9). Kollha, kull wieħed u kull waħda – irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, saċerdoti jew lajċi, reliġjużi irġiel u nisa klawstrali jew ħajjin fid-dinja – kollha ħadu bis-serjetà it-taħbiriet programmatiċi ta’ Kristu Sidna u, sfurzaw lilhom infushom biex jittraduċuhom fil-prattika ta’ kuljum, immeritaw li jiksbu s-salvazzjoni u li jidħlu fis-Saltna tal-Missier. Hawn hu għaliex naqraw li “kollha kienu weqfin bilwieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf. . . U kienu jgħajtu b’leħen għoli: «Is-Salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf»” (Ap 7, 9-10).
Ukoll jekk m’għandix ħin biex neżamina waħda waħda l-Bejatitudnijiet tal-faqar evanġeliku, tat-tbatija aċċettata b’mod Kristjan, tal-impenn favur il-ġustizzja u tal-paċi, tal-purezza tal-qalb, eċċ. (cf. Mt 5, 1-12), ma nistax nonqos li nosserva kif kien essenzjali għall-qaddisin, għall-fini tas-salvazzjoni tagħhom, ir-rapport ta’ adeżjoni li bih huma mhux biss stabbilew f’livell konċettwali, imma wkoll għexu f’livell eżistenzjali. Fidili lejn dan it-tagħlim għoli ta’ Kristu, il-qaddisin b’dan il-mod setgħu isegwuh bħala l-Ħaruf li, wara li kien issagrifikat fuq il-Kalvarju, issa huwa , jinsab fil-glorja ħdejn it-tron ta’ Alla.
3. Min huma l-qaddisin? Mill-Ġdid għal darb’oħra jweġibna t-test sagru tallum: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Ap 7, 14).
Dan il-kliem mhux biss jikkonfermalna r-realtà ta’ dak il-passaġġ min-niket għall-ferħ, li dwaru tkellimt fil-bidu, imma jassumi sinifikat għal kollox partikolari fil-kuntest tas-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, li qegħdin niċċelebraw fil-Knisja kollha. Din is-sena Mqaddsa tfisser essenzjalment, tikseb mit-teżori ineżawribbli tal-misteru tar-Redenzjoni. U x’inhu dak il-“ħasil tal-ħwejjeġ u tagħmilhom bojod bid-demm tal-Ħaruf” jekk mhux tikseb dawn l-istess teżori? Mhuwiex jewwilla veru – kif ikanta l-innu paskwali – li “il-Ħaruf feda l-merħla tiegħu”? Hekk hu mela li l-qaddisin, barra li huma għalina mudelli tal-virtujiet evanġeliċi, kif inhuma l-proposti fil-Beatidunijiet individwali, huma persuni li b’mod l-iktar sħiħ kisbu r-“riżorsi” tar-Redenzjoni ta’ Kristu u, parteċipi tal-“bjuda” tal-Ħaruf, marru qabilna fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija ċelesti, li tiżvolġi “quddiem it-tron tal-Ħaruf”.
Kemm drabi, għeżież ħuti, smajna min jitkellem dwar ix-“xirka tal-qaddisin”? Xirka tfisser għaqda intima, li hija ferm iktar minn sempliċi kuntatt u komunikazzjoni: fil-qasam soprannaturali, din tesprimi l-għaqda intima li hemm ma’ dawk li, minħabba l-pussess tal-grazzja santifikanti, huma membri ħajjin tal-Knisja u b’titlu uniku, ma’ dawk li, minħabba l-pussess tal-glorja, huma diġa “beati” fil-Knisja hekk imsejħa trijunfanti. Għal din ir-realtà tax-“xirka tal-qaddisin” il-karattru tas-Sollennità tallum u ċ-ċirkustanza tas-Sena tal-Ġublew għandhom simultanjament jiftħulna. Aħna, għalhekk għandna niżżu ħajr lill-qaddisin, u mhux diġa bħala individwi denji, iva, ta’ ammirazzjoni, imma għalina wisq ‘il bogħod u kważi ma jintlaħqux fl-għoli tagħhom, imma bħala ħutna li huma qrib u Kristu jgħinuna fil-pellegrinaġġ terren tagħna. Billi huma, li jgħixu qrib it-tron ta’ Alla, maġemb il-Ħaruf, issa jieħdu sehem fil-milja tal-frott tar-Redenzjoni, hekk jistgħu jiftħulna b’mod singulari l-aċċess għal tali “riżorsi” soprannaturali. Dik ix-“xirka” eżistenti bejn dawk kollha li jappartienu lil Kristu, issir fil-każ tal-qaddisin rabta ferm iktar stretta u għalina, Pellegrini hawn isfel, partikolarment fertili: issir interċessjoni, jew aħjar għajnuna fil-bżonnijiet, difiża mill- perikoli, sosten fl-operar tal-ġid. Ikkumpanjati u bħal skurtati minn din il-moltitudni mmensa ta’ aħwa maġġuri, aħna għandna nersqu lejhom b’fiduċja mġedda lejn it-tron fejn hemm il-Ħaruf immakulat, biex nagħmlu tagħna u – ikolli ngħid kważi – “nippersonalizzaw” il-frott tar-Redenzjoni, li hu wettaq bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu
. Illum il-qaddisin, għada l-mejtin. B’intuwizzjoni għarfa pedagoġika il-knisja żżomm u ssostni b’mod kronoloġiku magħquda dawn iż-żewġ okkażjonijiet, għaliex, għalkemm preokkupata minħabba x-xorti tal-bnedmin fuq din l-art, hija assolutament ma tistax twarrab fil-ġemb jew tittraskura d-dimensjoni ultraterrena tagħhom. Minħabba dan, kif ġegħlitna nimmeditaw dwar il-qaddisin, issa tistedinna wkoll biex niftakru bi ħsieb devot lil ħutna mejtin. Ngħidilkom iktar: dik is-serje ta’ ideat, li s’issa żviluppajt fil-kwadru tax-“xirka tal-qaddisin”, tistà u għandha tiġi riferuta – kif jixraq – għall-mejtin, ladarba wkoll bejnna u bejnhom teżisti dik ir-rabta ta’ għaqda. U jekk, billi nsegwu l-eżempju tal-qaddisin, ridt nirrepeti d-dmir komuni tagħna li niksbu r-“riżorsi” tar-Redenzjoni ta’ Kristu, ejjew nixtiequ wkoll, illum u għada b’mod speċjali, li kull frott ta’ dan is-sehem tagħna jservi għall-erwieħ tal-fidili mejtin.
Tafu tajjeb kemm tul din is-Sena tiġi rregalata indulġenza ġubilari speċjali li – flimkien mal-indulġenzi l-oħra – tistà dejjem tkun applikata għall-mejtin bħala suffraġju. Dan ridt b’mod espliċitu nerġà nasserixxi fil-Bolla tal-indizzjoni tas-Sena Mqaddsa (cf. Ġwanni Pawlu II, Aperite portas Redemptori, 11), u dan nixtieq issa nirrakkomandalkom bil-kbir, billi nindikalkom att konkret u prezzjuż ta’ karità lejn il-mejtin, li huwa fl-istess ħin eżercizzju u prova mill-ġdid tax-“xirka tal-qaddisin”.
Xi jkun, fil-fatt, il-jum tal-mejtin, jekk tonqos – fost il-qimiet differenti umanament għalkemm tant apprezzabbli u kommoventi – din il-fjura spiritwali tfuħ li huwa it-talb ta’ suffraġju? Maġemb l-atti tradizzjonali ta’ devozzjoni għalihom jiena nindikalkom, b’mod partikolari, id-don tal-Indulġenza .
Hekk hu, waqt li riesaq il-Vespru f’dan il-jum sollenni, il-viżjoni tal-qaddisin u tal-beati tas-sema u magħha l-istedina liturġika “biex nifirħu fil-Mulej” dawn jingħaqdu mat-tifkira puntwali u mnikkta tal-mejtin għeżież tagħna. Mill-ġdid għal darb’oħra aħna lkoll imħeġġa internament biex noperaw sintesi bejn ħsibijiet u sentimenti differenti: il-ferħ u n-niket jistgħu u għandhom jarmonizzaw ruħhom fis-serenità superjuri, rassikuranti tat-tama nisranija. U aħna nafu li din hija tama li ma tqarraq qatt (cf. Rm 5, 5).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb