Ġwanni Pawli II fl-inawgurazzjoni tas-Sena Akkademika tal-Atenej Pontifiċji Rumani

INAWGURAZZJONI TAS-SENA AKKADEMICA TAL-ATENEJ PONTIFIĊI RUMANI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 24 ta’ Ottubru 1983

1. Fiċ-ċentru stess tal-liturġija tallum jinsab il-kliem tal-profeta Iżaija, li Ġesù ta’ Nażżaret qal fis-Sinagoga tal-belt fejn trabba: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Lq 4, 18).

Ġesù ta’ Nażżaret qara dan il-kliem. Għaliex dan kien jirreferi għalih. Kien hu dak il-Mibgħut u Midluk. Hu dak il-Messija. Illum aħna nerġgħu naqraw fil-liturġija dak l-istess kliem flimkien mal-kant tal-“alleluia”, għaliex f’Ġesù Kristu aħna Poplu messjaniku. Għandna parti fil-Vanġelu u l-ewkaristija tiegħu. Aħna msejħin biex nieħdu sehem fil-missjoni tiegħu: saċerdotali, profetika u rjali.

2. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi . . .”. Hekk jgħid Kristu. U aħna miġburin hawn biex insejħu l-Ispirtu Santu, fil-bidu tas-sena akkademika, f’talb imħeġġeġ. Insejħulu biex ikun fuqna; sabiex jaħdem fina.

Għeżież professuri u student tal-Atenej ekkleżjastiċi ta’ Ruma! Kemm hija kbira il-parteċipazzjoni tagħkom fil-vokazzjoni ta’ Kristu: saċerdot, profeta u sultan! Hija l-parti u s-sehem ta’ kull atenew bħala komunità akkademika partikolari li tgħaqqad fiha b’mod strett l-għalliema u l-istudenti. Hija l-parti u s-sehem ta’ kull wieħed minnkom, professuri, studjużi, għalliema;, b’ċertu mod,  uniku u rrepetibbli! Hija l-parti u s-sehem ta’ kull wieħed minnkom, student: kemm important għas-sejħa li Ġesù Kristu jitrażmettilkom fil-Knisja tiegħu!

Mit-toroq li din il-Knisja – Poplu ta Alla – tgħaddi f’diversi postijiet tal-art (l-Atenej Romani jiffokaw studenti u professuri tad-dinja kollha) hija ndispensabbli l-ubbidjenza tagħhkom għall-Ispirtu Santu, is-sottomissjoni tagħkom u sensibiltà quddiem l-azzjoni tiegħu. Għalhekk illum insejħulu b’umiltà u żelu. Dik l-umiltà u dak iż-żelu, li bihom il-Knisja turi r-responsabiltà maġisterjali tagħha quddiem il-Poplu messjaniku kollu.

3. Illum qegħdin niltaqgħu għall-inawgurazzjoni tas-sena akkademika 1983-84 fl-isfera tal-Ġublew straordinarju tar-Redenzjoni. U għalhekk fuq l-għatba ta’ din is-sena, qabel xejn nawguralkom li dak kollu li jikkostitwixxi l-attività ta’ professuri u studenti tal-atenej Pontifiċi ta’ Ruma (u wkoll tal-Knisja kollha) tiftaħ dejjem aħjar l-għajnejn ta’ ruħkom għall-misteru tar-Redenzjoni; għar-realtà tar-Redenzjoni.

“Ħuti, aħna midjunin” (Rm 8, 12). Dan il-kliem ta’ San Pawl mill-Ittra lir-Rumani għandu l-qawwa ta’ sintesi meraviljuża: iva, aħna midjunin!

Ir-Redenzjoni tfisser dejn min-naħa tagħna, Id-dejn akkordat diġa fid-dimensjoni tal-ħolqien. Madankollu dan id-dejn għandu fir-Redenzjoni dimensjoni ġdida, imwielda mis-Salib u mill-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Grazzi nfiniti lil Alla għal dan id-dejn  .

Ejjew niżżu ħajr lil Alla talli aħna midjunin. Ladarba b’tali mod ukoll ħajjitna umana għandha dimensjoni divina tagħha; u din id-dimensjoni tagħti, fl-istess ħin, lil din il-ħajja sens u sinifikat definittivi.

4. San Pawl, fl-istess Ittra lir-Rumani, jagħmel analiżi ta’ tali dejn, li jidentifika ruħu ma’ ħajjitna kollha, mal-eżistenza umana kollha.

“. . . Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla, huma wlied Alla . ..” (Rm 8, 14). Fl-Ispirtu ta’ filjolanza adottiva jistgħu isejħu lil Alla: “Abbà, Missier!” (cf. Rm 8, 15). “Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta; werrieta ta’ Alla, werrieta ta’ Kristu, ladarba nbatu miegħu biex miegħu nkunu gglorifikati” (cf. Rm 8, 16-18).

B’dan il-mod il-wirt ta’ Alla huwa minquxa f’ħajjitna. Fl-istess esseri uman. B’dan il-mod aħna midjunin. B’dan il-mod aħna msejħin biex noqtlu bl-għajnuna tal-Ispirtu l-opri tal-ġisem (cf. Rm 8, 13). Aħna msejħin biex insibu fil-misteru tar-Redenzjoni, jiġifieri fis-Salib u fil-Qawmien mill-imwiet, l-ispirazzjoni u l-qawwa.

Propju fl-isem ta’ din is-sejħa illum insejħu b’umilta u b’żelu l-Ispirtu Santu, sabiex huwa stess isabbar l-ispirtu tagħna bix-xhieda tiegħu. Sabiex jilluminah u jsostnih matul il-jiem kollha tas-sena akkademika l-ġdida, li hija rradikata fil-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni.

“Imbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor! Jieħu ħsiebna Alla, is-Salvatur tagħna” (Sal 68, 20). Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading