Bl-għan li l-Poplu ta’ Alla miġbur fid-Djoċesi ta’ Għawdex jiġi megħjun bl-aħjar mod fil-mixja Nisranija tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi attwali, qed jiġu mħabbra dawn in-nomini ġodda marbuta ma’ diversi ministeri u servizzi fil-ħajja tal-Knisja f’Għawdex.
Żewġ komunitajiet parrokkjali ser ikollhom Ragħaj ġdid fil-bidu tas-Sena Pastorali 2024-2025:
- il-Kan. Krystof Buttigieg (mill-Qala) – Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur [sa issa Amministratur Parrokkjali minn April 2024];
- il-Kan. Edward Vella (mill-Għarb) – Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri [sa issa Amministratur Parrokkjali minn Mejju 2023].
Ħidmiet ġodda oħra fuq livell Djoċesan:
- il-Kan. Geoffrey G. Attard (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Kollaboratur fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem;
- Dun Giovanni M. Curmi (mill-Munxar) – Segretarju tal-Viżta Pastorali matul is-sena li ġejja;
- Mons. Giovanni B. Cremona (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Rettur tal-Kappella tal-Lunzjata, limiti tal-Belt Victoria;
- il-Kan. Michael Mifsud (mill-Għarb) – Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, San Lawrenz;
- Dun Joe Said (mix-Xagħra) – Kappillan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdexu Rettur tal-Komunità ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra;
- Mons. Jimmy Xerri (minn San Ġorġ, il-Belt Victoria) – Delegat tal-Isqof għad-Djakonija;
- il-Kan. Michael Xuereb (mix-Xewkija) – Delegat tal-Isqof għall-Persuni tat-Terza età;
- il-Patrijiet tal-Komunità Agostinjana u tal-Komunità Franġiskana Kappuċċina – għajnuna fil-kura pastorali tad-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, Għajnsielem.
Fil-ħidma pastorali bħala Direttur Spiritwali:
- Patri Arthur Cutajar ofmconv (mill-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali) – fil-Kulleġġ Għawdex, Skola Sekondarja Aguis De Soldanis, il-Belt Victoria.
Dawn il-ministeri ġodda fid-Djoċesi ta’ Għawdex jidħlu fis-seħħ nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru 2024, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Huwa fid-dawl tal-imħabba, murija fil-misteru tas-Salib ta’ Kristu li kull ministeru jew servizz fi ħdan il-Knisja għandu jsib iċ-ċentru u l-milja tiegħu, waqt li jingħax bħala għotja u qadi għall-oħrajn.
Il-Knisja f’Għawdex tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha – saċerdoti u lajċi – li taw is-servizz tagħhom b’dedikazzjoni u impenn fil-ħidma li kienu qed ikopru sa dawn l-aħħar ġimgħat. Fuq kollox tirringrazzja lill-Missier għall-ġid kollu li sar permezz tagħhom u li minnu seta’ jgawdi l-Poplu ta’ Alla fdat f’idejhom.
Il-komunitajiet kollha huma mħeġġa sabiex matul dawn il-ġimgħat isir mument ta’ talb kemm fil-parroċċi u kemm fil-familji għal dawn ħutna, ħalli filwaqt li nsostnuhom u ngħinuhom bit-talb u l-għajnuna tagħna, il-Mulej Ġesù – li beda din l-opra tajba fihom – iwassalha sat-tmiem skont ix-xewqa tiegħu.
Dun Edward Vella, mill-Għarb, twieled fl-1970. Attenda l-Iskola Primarja tal-Għarb u dik Sekondarja tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria. Beda l-istudji tiegħu bi tħejjija għas-saċerdozju fl-1989, u ġie ordnat saċerdot fl-1996 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi.
Wara l-Ordinazzjoni, mar Ruma fejn studja t-Teoloġija Spiritwali u kiseb il-Liċenzjat fl-1999. Fl-istess waqt huwa wettaq ħidma pastorali f’żewġ parroċċi.
Lura Għawdex huwa kien maħtur Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, kariga li dam fiha sas-sena 2002. Wara, huwa mar l-Awstralja fejn ħadem f’parroċċa u kompla jistudja fl-Università Kattolika ta’ Melbourne, mnejn kiseb Masters fil-Counselling.
Mill-ġdid Għawdex, huwa wettaq ħidma pastorali fis-Santwarju Ta’ Pinu u anki bħala għalliem fis-Seminarju Minuri. Fil-21 ta’ Ġunju 2000 ġie maħtur bħala Kanonku Effettiv tal-Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, l-Għarb. Fis-sena 2015 huwa mar l-Iskozja fejn kien Kappillan għal 4 snin. Meta ġie lura fis-sena 2019 ġie maħtur kollaboratur fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem u wara Viċi-Parroku fil-Parroċċa Ta’ Kerċem.
Fit-12 ta’ Settembru 2023 hu ġie maħtur Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Kristu Ewkaristiku Salvatur, l-Għasri.
Dun Krystof Buttigieg twieled fis-26 ta’ Lulju 1986, il-Qala, Għawdex, bin Sammy (min-Nadur) u Frances Muscat. Attenda fl-Iskola Primarja tal-Qala u wara kompla l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù u mbagħad fis-Sixth Form, il-Belt Victoria.
Ta’ 18-il sena daħal fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex biex jibda t-triq tal-formazzjoni filosofika u teoloġika lejn is-saċerdozju. F’dan iż-żmien hu għamel ukoll esperjenzi pastorali fil-Parroċċi taż-Żebbuġ, Għajnsielem, ix-Xewkija, l-Għasri, il-Katidral, kif ukoll f’dik ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja f’Ruma matul is-sena intermedjarja, fejn kellu wkoll ix-xorti li jaħdem bħala gwida turistika fil-Katakombi ta’ San Sebastjan u jagħmel kors tal-Arti Paleokristjana fl-Università Pontifiċja Gregoriana.
Ġie ordnat saċerdot fit-28 ta’ Mejju 2011 mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fil-31 ta’ Lulju fil-Parroċċa tiegħu tal-Qala. Dritt wara kompla bl-istudji tiegħu f’Ruma fejn kiseb Liċenzja fil-Patristika mill-Istitut Patristiku Augustinianum (2016), b’teżi li tittratta l-pontifikat ta’ San Serġju I (687-701) mill-aspett storiku, arkeoloġiku u teoloġiku. Fl-4 ta’ Novembru 2021 iddefenda t-teżi tad-dottorat bit-titlu: “Il commento esegetico di Beda il Venerabile al libro di Tobia”.
Fiż-żmien li għex Ruma huwa qeda l-ministeru tiegħu bħala Kollaboratur fil-Parroċċa ta’ Santa Kjara (2011-2017), Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ San Viġilju (2017-2019), u bħala animatur tal-pastorali vokazzjonali u Viċi-Rettur tas-Seminarju Minuri Pontifiċju Ruman (2019-2021), żmien li fih kien ukoll kollaboratur estern għall-gruppi taż-żgħażagħ fil-Parroċċa ta’ San Piju X.
Minn meta ġie lura fid-Djoċesi ta’ Għawdex f’Settembru 2021, Dun Krystof qeda l-ministeru tiegħu bħala Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Santa Marija Assunta Inkurunata, iż-Żebbuġ, għen fil-Pastorali djoċesana tal-Familja, u ta wkoll servizz bħala direttur spiritwali tal-istaff u l-istudenti fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ ta’ Għawdex. Huwa jieħu ħsieb ukoll l-Uffiċċju djoċesan tal-Katekeżi.
Fil-15 ta’ April 2024 hu ġie maħtur Amministratur Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, u fit-28 ta’ Ġunju Kanonku Effettiv tal-Kolleġġjata tan-Nadur.

