Tassew sublimi

Il-Ħadd, 18 ta’ Awwissu 2024: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-44 anniversarju tal-Inkurunazzjoni ta’ Marija Assunta, Żebbuġ, Għawdex.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Terra sublimis”. Dawn iż-żewġ kelmiet huma l-motto ta’ dan il-post, iż-Żebbuġ Għawdex, u jfissru li hi art li qiegħda fuq għolja. Imma l-kelma “sublimis” ma tfissirx biss “li qiegħda fuq għolja”, imma għandha tifsira oħra li naħseb tgħodd ħafna għal dan il-post, u partikolarment għal din il-knisja, li hi knisja sublimi, knisja sabiħa. Nitkellem b’mod partikulari fuq l-istatwa ta’ Marija Assunta li ġiet fl-1863 minn Marsilja, u l-kwadru li llum qegħdin nagħmlu ċ-ċelebrazzjoni tal-44 anniversarju mill-inkurunazzjoni tiegħu – il-kwadru li juri lit-Trinità tinkuruna lil Marija.

Naħseb li hija sabiħa ħafna meta aħna nfakkru ġrajja bħal din, tal-inkurunazzjoni. Mhux biss għaliex aktarx iktar minn nofs in-nies li jgħixu ż-Żebbuġ ma jiftakrux din il-ġrajja, imma wkoll għaliex hemm tifsira kbira meta fl-1980 l-Isqof Nikol Cauchi kien inkuruna din ix-xbieha. Kienet espressjoni tal-imħabba, tad-devozzjoni tan-nies taż-Żebbuġ imma wkoll tal-impenn tagħhom biex Marija tkun dejjem l-omm li tħares lilhom u lill-familji tagħhom, u biex tkun dejjem hi li tmexxihom fil-ħajja.

Għalhekk nixtieq illum li f’din iċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-anniversarju tal-inkurunazzjoni niftakru l-messaġġ sabiħ li Marija tgħidilna: bħalma għandi din il-kuruna sabiħa, frott tal-imħabba tal-poplu taż-Żebbuġ, intom agħmlu mill-ħajja tagħkom kuruna sabiħa lil Marija. Din hi l-istedina li tagħmlilna. Kull meta nħarsu lejha hawnhekk inkurunata, tfakkarna li aħna għandna nagħmlu ħilitna biex il-ħajja tagħna tkun kuruna sabiħa lil Marija.

Se nsemmi, fost diversi li wieħed jista’ jsemmi, tliet partijiet ta’ din il-kuruna li bihom nistgħu nagħmlu mill-ħajja tagħna kuruna lil Marija.

Ngħożżu l-Ewkaristija

L-ewwel nett, l-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija. Huwa dan li smajna llum fl-Evanġelju skont San Ġwann. Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala l-“ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:51) u jgħid: “min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem” (Ġw 6:58).

Marija tħeġġiġna biex ikollna din l-għożża għall-Ewkaristija. Hi li kellha fi ħdanha lil Ġesù, li kellha lil Ġesù tant qrib tagħha, tħeġġiġna biex aħna wkoll ikollna din l-għożża għal Ġesù Ewkaristija. Permezz tagħha Ġesù ried jibqa’ magħna u ried ukoll jiġi fina.

L-Ewkaristija mhijiex simbolu jew sinjal bħal meta tara bandiera u tgħid “dik il-bandiera ta’ dak il-pajjiż”. L-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù. Żgur li iktar ma nieħdu bis-serjetàl-imħabba lejn l-Ewkaristija, u speċjalment biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa f’Jum il-Mulej – il-Ħadd jew is-Sibt filgħaxija – iktar inkunu qegħdin nogħġbu tassew lil Marija u tgħinna biex il-ħajja tagħna nagħmluha tassew kuruna sabiħa lil Marija.

Nagħmlu dak li jgħidilna hu

Marija tħeġġiġna wkoll għal ħaġa oħra. Tgħidilna: mhux biss ikollkom qima lejn Ġesù Ewkaristija, imma fittxu li tagħmlu “kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Nafu li din hi s-sentenza li qalitha fit-Tieġ ta’ Kana, niftakru fiha b’mod speċjali għax hu l-aħħar kliem rappurtat ta’ Marija fl-Evanġelju, imma għandha messaġġ qawwi: jekk ħajjitna rridu li tkun kuruna lil Marija, infittxu li nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù.

Dik għandha tkun il-preokkupazzjoni tagħna. Mhux li nimxu ’l hawn u ‘l hinn ma’ fejn jiġbed il-kurrent fil-ħajja tagħna, minn ħaġa għal oħra, imma li nfittxu: x’irid minni Ġesù illum? Kif nista’ nagħmel dak li jrid minni llum b’mod sabiħ u bl-ikbar imħabba? Hemm inkun tassew qed nagħmel tassew dak li jogħġob lil Marija, dak li hu l-iktar għal qalbha: li nagħmel dak li jgħidli Ġesù.

Nafu kemm kultant jitlob minna sagrifiċċju, kuntant tkun tbatija u rridu mmorru kontra tagħna nfusna, imma nafu li hemmhekk inkunu tassew qed nagħmlu dak li hu ta’ ġid għalina u dak li jogħġob lil Marija.

Fuq fommna t-tifħir lill-Mulej u lil Marija

Nixtieq insemmi wkoll ħaġa oħra, li neħodha mis-Salm li għedna llum: “Kull ħin inbierek il-Mulej, tifħiru dejjem fuq fommi” (Salm 34:2). Fit-Tieni Qari wkoll smajna lil San Pawl jgħid lill-Efesin: “Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej” (Ef 5:19).

Ħajjitna tkun tassew din il-kuruna sabiħa lil Marija meta lsienna jfaħħar lill-Mulej. Il-kelma tagħna tkun kelma ta’ tifħir lill-Mulej u lil ommu Marija. Nafu kemm kultant nisimgħu l-kontra. Kultant nisimgħu kliem ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. Meta nisma’ hekk, ngħid: din qisha kuruna tax-xewk fuq ras Ġesù u fuq ras Marija, mhux kuruna sabiħa bħalma hawn hawnhekk. Mentri, jekk il-kliem tagħna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla u lil ommu Marija, u ngħinu wkoll lill-oħrajn biex il-kliem ikun kliem ta’ tifħir, hemm il-ħajja tagħna tkun kuruna sabiħa lil Marija.

Għalhekk, nixtieq ħafna nagħmel din l-istedina lilkom, li qegħdin hawn fl-ogħla post f’Għawdex, din il-“belt fuq l-għolja”, dan id-dawl li jiddi minn hawn, biex intom tkunu tassew sublimi f’das-sens – sabiħ, eċċellenti. Tagħmlu minn din il-komunità kontinwament komunità ta’ tifħir lil Alla u ta’ tifħir lil ommu Marija, u ngħinu lill-oħrajn biex bi kliemhom ifaħħru lil Alla u lil ommu Marija.

Filwaqt li nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din l-okkażjoni sabiħa ħafna – l-44 anniversarju mill-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari – nitolbuh biex aħna u nħarsu lejn dan il-kwadru u nammiraw kemm hu sabiħ, u niftakru x’devozzjoni kellhom l-antenati lejn ommna Marija, dejjem niftakru fl-istedina li tagħmlilna biex ħajjitna nagħmluha kuruna sabiħa lil Marija, speċjalment: bl-imħabba tagħna lejn Ġesù Ewkaristija, b’li nfittxu li ngħixu l-kelma tiegħu, u li bi kliemna dejjem infaħħru u nsebbħu l-isem imqaddes ta’ Alla u ta’ ommu Marija.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading