QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI TAS-SEMINARJU PONTIFIĊJU RUMAN MAĠĠURI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Pawlina
It-Tlieta, 8 ta’ Novembru 1983
Għeżież Superjuri u għeżież student tas-Seminarju Ruman Maġġuri,
1. Jiena kuntent b’din il-laqgħa madwar l-altar tal-Mulej, fil-bidu għalikom ta’ sena skolastika ġdida. Insellmilkom ilkoll kordjalment fi Kristu Ġesù: kemm is-seminaristi Rumani, kif ukoll dawk ġejjin minn partijiet differenti tal-Italja. Ħsieb speċjali niddedikah lill-Kardinal Poletti, lill-Monsinjur Rettur u lis-Superjuri l-oħrajn kollha li akkumpanjawkom u li qrgħdin jikkonċelebraw miegħi din l-Ewkaristija, li minnha tridu tiksbu dawl u qawwa biex tipprofondixxu l-għanijiet ideali tal-identità tagħkom u hekk issostnu fi qlubkom l-entużjażmu ta’ xhieda dejjem iktar qawwija u l-impenn li tħejju lilkom infuskom għas-saċerdozju b’responsabiltà u ġenerożità. Infatti intom imsejħa biex taqdu l-misteru feddej tar-Redenzjoni u biex tirregalaw il-grazzja divina lill-bnedmin ta’ żmienna.
2. Fil-Vanġelu ta’ Marku hemm irrakkontat li Kristu lil żagħżugħ li kien staqsieh: “Mgħallem twajjeb, x’irrid nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?”, wieġbu: “Osserva l-kmandamenti”. Billi mingħandu kien irċieva tweġiba affermattiva, Ġesù “iffissa ħarstu fuqu, u ħabbu” u għamillu l-istedina biex imur warajh (cf. Mk 10, 17-22).
Intom ukoll, għeżież żgħażagħ tiegħi, kontu mħarsa minn Kristu b’imħabba, għaliex ma fgajtux fi qlubkom ix-xewqa ta’ perfezzjoni, ta’ milja, ta’ verità li l-Ispirtu Santu qanqal fikom. Ġesù laħaqkom bid-don ta’ sejħa speċjali, li għaliha weġibtu; u l-azzjoni misterjuża tal-Ispirtu tiegħu fil-qalb ta’ kull wieħed minnkom hija kontinwa, profonda, effikaċi (ukoll meta ma tidhirx, ukoll meta kollox donnu li jiċħadha) biex tinvolvikom fi dmir, biex tindikalkom triq. Permezz tal-vokazzjoni Ġesù indirizzalkom il-proposta individwali preċiża li tagħmlu minn ħajjitkom don lilu u lid-dinja kollha: “Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ dak kollu li għandek, tih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja warajja!” (Mk 10, 21).
Biex tkunu tistgħu tgħidu l-“iva” ġeneruża tagħkom f’kull dawra tal-ħajja u b’mod partikolari, f’dan il-perijodu ta’ formazzjoni f’seminarju, tridu ssaqsu lilkom infuskom dwar id-dmir li Kristu se jafdalkom. Kultant l-apparenzi jqarrqu. Dak li jkun jaħseb li qiegħed jara ċar dwar triqtu, li rnexxielu jsolvi kollox, u minflok il-Mulej għad għandu forsi xi ħaġa oħra x’jurih. Mhux il-ġebla jmissha tiffissa l-post tagħha, imma l-Imgħallem tal-opra li għażilha” (Paul Claudel, L’annuncio a Maria, p. 24). Il-“post” huwa dak tas-sagrifiċċju ġeneruż tiegħek innifsek, tas-suppożizzjoni totali tad-dramm tal-bniedem. Fuq l-isfond ta’ kull vokazzjoni saċerdotali mela jitfaċċa is-sinjal tas-salib. L-impenn li lejh Kristu jorjentakom huwa l-imħabba. Imma fil-kondizzjoni attwali tal-bniedem is-salib huwa l-prova tal-imħabba.
3. Fis-silta evanġelika li għadha kemm inqrat, smajna kliem sollenni li għandu jikkostitwixxi l-programm kollu għal ħajjitkom: “Jekk intom tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri, u qiegħed fi mħabbtu . . . Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15, 10-13).
Li tilqà, li taċċetta lill-ieħor, li taqsam ix-xorti sa ma saħansitra tmut, dawn ixerrdu bil-kbir fuq dak li jkun il-ferħ pur li jiġi mill-fatt li dan ikun skopra s-sinifikat tal-ħajja; b’mod partikolari jeħilsuh min-negattività opaka tal-ħażin, jaħtfuh mill-assurd ta’ dulur mingħajr sens: jifduh. Intom imsejħa biex tkunu l-ħabbara u l-ministri ta’ din ir-Redenzjoni. Din tibqà miftuħa għal kull krejatura umana li tagħmel l-esperjenza tal-ħażin fil-forom differenti tiegħu. Permezz tas-salib Kristu jofrilkom l-possibiltà li tittrasformaw dak li kien sinjal u konsegwenza tad-dnub fi strument ta’ salvazzjoni u ta’ santifikazzjoni.
Hawn hu d-dmir li għalih huwa msejjaħ min iwieġeb għall-vokazzjoni saċerdotali: jixhed u jirrendi b’xi mod sperimentabbli l-preżenza feddejja ta’ Kristu, jirrendi evidenti imħabbtu għall-bniedem.U dan hu l-misteru tal-Knisja, ġisem mistiku ta’ Kristu f’mixja kontinwa fit-toroq tad-dinja għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. L-Ispirtu Santu huwa l-Awtur ta’ din l-armonija misterjuża u operanti, li intom tridu taqdu b’dedikazzjoni ġeneruża fil-ministeru saċerdotali.
4. Ħejju ruħkom għal dan is-servizz b’talb regolari, bi studju qawwi, b’ubbidjenza sinċiera, sabiex tkunu tistgħu ssiru saċerdoti qaddisin li jixhdu fid-dinja l-karità ta’ Alla, irrivelata lilna f’Ġesù Kristu Sidna. Il-fertilità tal-ministeru pastorali tagħkom ta’ għada se tiddependi fil-parti l-kbira tal-intensità tal-impenn f’dawn is-snin tant prezzjużi għall-formazzjoni tagħkom spiritwali u kulturali. Id-dinja tallum għandha bżonn saċerdoti li jkunu tajbin biżżejjed għad-dmir sublimi msejħin għalih.
Il-Madonna, il-Verġni Santissma tal-Fiduċja, li ġarret l-Iben ta’ Alla taħt qalbha, tgħinkom biex tgħassuh f’qalbkom. Jiena ċert li ma tonqsur li ssejħulha kuljum permezz tal-prattika tar-Rużarju Mqaddes u bil-ġakulatorja: “Omm tiegħi,fiduċja tiegħi”.
Waqt li issa nkomplu biċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li biha nġeddu s-sagrifiċċju tal-imħabba feddejja ta’ Kristu u titwassal għall-milja tagħha l-għaqda ekkleżjali, ejjew nitolbu lill-Mulej li l-proposta vokazzjonali tkun milqugħa dejjem iktar minn numri dejjem ikbar ta’ żgħażagħ, sabiex ma jiskarsawx il-ħaddiema lesti li jaħdmu bla riservi fl-għalqa tad-dwieli ta’ Alla.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb